Stampa t-test tal-qari ...


Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Agħmel ħniena miegħi u magħha ħa nixjieħu flimkien.

Tob 6, 10-11; 7, 1.9-17; 8, 4-9a

 

Qari mill-Ktieb ta’ Tobit

 

F’dak iż-żmien, daħlu l-Medja u kienu qrib Ekbatana, meta Rafel qal liż-żagħżugħ: “Ħija Tobija!” “Hawn jien”, wieġbu. Qallu Rafel: “Jenħtieġ li l-lejl ngħadduh għand Ragħwel, qarib tiegħek li għandu bintu jisimha Sara”.

 

Kif daħlu f’Ekbatana, Tobija qal lil sieħbu: “Ħija Għażarija, ħudni dritt għand qaribna Ragħwel”. U ħadu għand Ragħwel, u sabuh bilqiegħda fil-bieb tal-bitħa, u sellmulu huma l-ewwel, u hu qalilhom: “Sliem sħiħ għalikom, ħuti, wasaltu sewwa, qawwijin u sħaħ!”. Meta nħaslu u ndafu u qagħdu għall-mejda, Tobija qal lil Rafel: “Ħija Għażarija, għid lil Ragħwel jagħtini b’marti lil kuġinti Sara”.

 

Ragħwel sama’ dan il-kliem u qallu: “Kul u ixrob u għaddi l-lejl kuntent. M’hawnx bniedem ħliefek li għandu d-dritt li jieħu ’l Sara binti, għażiż ħija; lanqas jien ma nista’ nagħtiha lil ħaddieħor ħlief lilek, għax int l-eqreb lejja. Imma nħoss li għandi ngħidlek is-sewwa, ibni; diġà tajtha lil sebat irġiel oħra minn ħutna, u kollha mietu dak il-lejl stess li resqu lejha. U issa, ibni, kul u ixrob, u jagħmel il-Mulej”.

 

Wieġeb Tobija: Ma niekol u ma nixrob xejn hawn ġew qabel ma tkun irranġajt din l-affari tiegħi”. U Ragħwel wieġbu: “Hekk nagħmel: nagħtiha lilek skont il-liġi tal-Ktieb ta’ Mosè; is-sema stess qatagħha li nagħtiha lilek. Ħu lil oħtok. Minn issa ’l quddiem int ħuha u hi oħtok. Tiegħek hi mil-lum ’il quddiem għal dejjem. U Sid is-sema jagħtikom ir-riżq il-lejla, ibni. Iħenn għalikom u jagħtikom is-sliem”.

 

Ragħwel sejjaħ lil bintu Sara, u meta ġiet, ħadilha idha u taha lil Tobija, u qallu: “Ħudha kif għandi nagħtihielek b’martek skont il-liġi u l-ordni li hemm miktuba fil-Ktieb ta’ Mosè. Żommha għalik, u ħudha għand missierek qawwija u sħiħa. Alla tas-smewwiet iwassalkom bis-sliema”. U sejjaħ lil ommha, u qalilha biex iġġib karta, u kiteb il-kitba taż-żwieġ, u hekk tahielu b’martu, skont l-ordni tal-Liġi ta’ Mosè. U minn dak il-ħin bdew jieklu u jixorbu.

 

Ragħwel sejjaħ lil martu Għedna, u qalilha: “Oħti, lesti l-kamra l-oħra tar-rqad, u daħħal fiha lil Sara”. Għedna marret u lestiet il-kamra kif qalilha, u daħħlet lil Sara fiha bid-dmugħ f’għajnejha minħabba fiha. Imbagħad ixxuttat id-dmugħ u qaltilha: Agħmel il-qalb binti, Sid is-smewwiet jagħtik ir-riżq wara dan l-għali kollu tiegħek. Qawwi qalbek, binti”. U ħarġet minn hemm.

 

Meta l-oħrajn ħarġu u għalqu l-bieb tal-kamra, Tobija qam mill-friex u qalilha: “Oħti, qum! Ħa nishru u nitolbu quddiem Sidna, li jagħmel ħniena magħna u jsalvana”. Sara qamet u bdew jitolbu bil-ħniena s-salvazzjoni u jgħidu: Imbierek int, o Alla ta’ missirijietna, u mbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem! Iberkuk issmewwiet u l-ħolqien kollu għal dejjem ta’ dejjem. Int għamilt lil Adam, u tajtu b’martu lil Eva bħala għajnuna u appoġġ, u minnhom it-tnejn tnisslu l-bnedmin. U int għedt: “Mhux sewwa li r-raġel jibqa’ waħdu, ħa nagħmlu għajnuna li tkun tixbhu”. U issa jien lil din oħti ma żżewwiġthiex għall-passjoni tal-ġisem, imma fis-sewwa. Agħmel ħniena miegħi u magħha ħa nixjieħu flimkien”. U qalu flimkien it-tnejn: “Ammen, Ammen!”. U dak il-lejl raqdu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 127 (128), 1-2.3.4-5

 

R/. (ara 1a): Hieni kull min jibża’ mill-Mulej

 

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb! R/.

 

Martek tkun bħal dielja għammiela

fl-irkejjen ta’ darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek. R/.

 

Ara, kif ikun imbierek

il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm

tul ħajtek kollha! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ara 2 Tim 1, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt

u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.

Mk 12, 28b-34

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.

 

Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.

 

Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu