Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ġimgħa tar-Randan

It-Tnejn

 

Qari I

Issa se mmut, u minn dak kollu li fil-ħażen tagħhom qalgħu fuqi jiena m’għamilt xejn.

Dan 13, 1-9.15-17.19-30.33-62

forma qasira Dan 13, 41ċ-62 (minn fejn indikat b’‡)

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

 

F’dak iż-żmien, kien hemm raġel joqgħod Babilonja, jismu Ġojakim. Dan kien miżżewweġ mara jisimha Susanna, bint Ħilkija, mara sabiħa ħafna u tibża’ mill-Mulej. Il-ġenituri tagħha kienu nies sewwa, u lil binthom rabbewha skont il-Liġi ta’ Mosè. Ġojakim kien raġel għani ħafna, u kellu ġnien kbir mad-dar tiegħu. Il-Lhud kienu jiġu għandu, għax kien l-aktar wieħed miġjub fosthom.

 

F’dik is-sena ntgħażlu mħallfin tnejn mill-anzjani tal-poplu. Kien għalihom li qal il-Mulej: “Il-ħażen ħareġ minn Babilonja, mill-anzjani li kienu mħallfin, li suppost kienu jmexxu l-poplu”. Dawn kienu jmorru għand Ġojakim, u kull min kien ikollu xi kwistjoni kien jiġi għandhom għall-ġustizzja. Meta f’nofsinhar in-nies kienu jitilqu, Susanna kienet toħroġ tippassiġġa fil-ġnien ta’ żewġha. Iż-żewġ anzjani kienu kuljum jarawha ħierġa u tippassiġġa, u ġiethom kilba għaliha. Kienu t-tnejn ta’ qalbhom imħassra, li dawru għajnejhom in-naħa l-oħra biex la jħarsu lejn is-sema u lanqas jiftakru fil-ħaqq u s-sewwa.

 

Qagħdu mela jistennew waqt tajjeb. Ġara li darba Susanna daħlet bħas-soltu ma’ żewġ xbejbiet biss; kienet is-sħana, u hi xtaqet toqgħod tinħasel fil-ġnien. Ħadd ma kien hemmhekk ħlief iż-żewġt ixjuħ jgħassulha bil-moħbi. Susanna qalet lix-xbejbiet: “Morru ġibuli ż-żejt u l-fwieħa u sakkru l-bieb tal-ġnien warajkom biex inkun nista’ ninħasel”.

 

Kif iż-żewġ xbejbiet ħarġu, iż-żewġt ixjuħ qamu u ġrew għal ħdejn Susanna u qalulha: Ara, il-bibien tal-ġnien magħluqa, ma hawn ħadd jarana. Aħna mxennqa għalik; għidilna iva u oqgħod għalina. Jekk tgħid le, nixhdu kontrik, u ngħidu li kien hawn żagħżugħ miegħek, u kien għalhekk li bgħatt ix-xbejbiet ’il barra”. Susanna tniehdet tnehida minn qiegħ qalbha u qalet: “Ninsab magħfusa minn kullimkien! Jekk nagħmel dan, hemm il-mewt għalija; jekk ma nagħmilx hekk, ma neħlisx minn taħt idejkom. Imma jkun aħjar għalija ma nagħmilx dan u naqa’ taħt idejkom milli nidneb quddiem il-Mulej”. Imbagħad Susanna għajtet għajta kbira, u ż-żewġt ixjuħ għajtu iżjed minnha, u wieħed minnhom mar jiġri jiftaħ il-bieb tal-ġnien.

 

Meta n-nies tad-dar semgħu l-għajjat fil-ġnien, daħlu b’ġirja waħda mill-bieb tal-ġenb biex jaraw Susanna xi nqalgħalha. Imma kif ix-xjuħ qalu li riedu jgħidu, il-qaddejja nstamtu, għax qatt ma kien instama’ jingħad kliem bħal dan fuq Susanna.

 

L-għada, meta n-nies ġew għand żewġha Ġojakim, marru ż-żewġt ixjuħ, mimlijin għal Susanna b’fehmiet ħżiena biex jikkundannawha għall-mewt, u qalu quddiem kulħadd: “Ibagħtu għal Susanna, bint Ħilkija, mart Ġojakim”. Bagħtu għaliha, u ġiet hi u l-ġenituri tagħha, b’uliedha u qrabatha kollha magħha. Niesha u dawk kollha li rawha qabdu jibku.

 

Iż-żewġt ixjuħ ħarġu fin-nofs u qiegħdu jdejhom fuq rasha. Susanna, tibki, bdiet tħares lejn is-sema, għax kellha tama sħiħa fil-Mulej. Iż-żewġt ixjuħ qalu: “Waqt li konna mexjin weħidna fil-ġnien, din il-mara daħlet ma’ żewġ xbejbiet, għalqet il-bieb tal-ġnien u bagħtet ix-xbejbiet ’il barra. Imbagħad wieħed żagħżugħ, li kien moħbi, resaq lejha u qagħad magħha. Aħna, mir-rokna tal-ġnien fejn konna, meta rajna dan id-dnub, morna b’ġirja għal ħdejhom. Rajniehom flimkien, imma liż-żagħżugħ ma stajniex inżommuh, għax kien b’saħħtu aktar minna, u għalhekk fetaħ il-bieb u ħarab. Qbadna lil din il-mara u staqsejnieha min kien dak iż-żagħżugħ, iżda ma riditx tgħidilna. Aħna xhieda ta’ dan kollu”. Il-ġemgħa tan-nies emmnithom, għax kienu tnejn mill-anzjani tal-poplu u mħallfin, u (‡F’dak iż-żmien,) kkundannaw lil Susanna għall-mewt.

 

Imbagħad Susanna b’għajta kbira qalet: “Alla ta’ dejjem, int li tara kulma hu moħbi, li tkun taf b’kull ħaġa qabel ma sseħħ, inti taf li dawn taw xhieda falza kontra tiegħi. Ara, issa se mmut, u minn dak kollu li fil-ħażen tagħhom qalgħu fuqi jiena m’għamilt xejn”. U Alla sama’ t-talba tagħha. Huma u sejrin biha għall-mewt, Alla qajjem l-ispirtu qaddis ta’ daqsxejn ta’ żagħżugħ jismu Danjel, u dan qabad jgħajjat u jgħid: “Jien m’għandix ħtija tad-demm ta’ din il-mara!”. In-nies kollha daru jħarsu lejh: “Dan x’diskors hu tiegħek?”. qalulu. Hu ħareġ f’nofshom u qal: “Nies ta’ Iżrael, daqshekk intom boloh? Tikkundannaw waħda minn ulied Iżrael bla ma tqisu xejn u bla ma tfittxu li tagħrfu s-sewwa! Erġgħu lura fejn isir il-ħaqq, għax dawn taw xhieda falza kontriha”.

 

Minnufih kulħadd raġa’ lura u l-anzjani qalu lil Danjel: “Ejja, oqgħod f’nofsna u għidilna li għandek tgħid, ladarba Alla tak il-ġieħ ta’ anzjan”. Danjel qalilhom: “Ifirduhom u begħduhom minn xulxin, ħalli ngħarbilhom jien”.

 

U firduhom minn xulxin. Danjel sejjaħ wieħed minnhom u qallu: “Int, li xjeħt fi ħżunitek, sa fl-aħħar dnubietek tal-imgħoddi laħquk, dawk id-dnubiet li għamilt meta kont taqta’ sentenzi inġusti, meta kont tikkundanna nies bla ħtija u teħles lill-ħatja, meta l-Mulej qal: Toqtolx lil min hu bla ħtija u l-bniedem sewwa. Issa għidli ftit, jekk tassew rajtha: x’siġra kienet dik li qbadthom taħtha flimkien?”. U hu qallu: “Taħt siġra tad-deru”. Qallu Danjel: “Sewwa! B’din il-gidba tiegħek ġibt il-ħsara fuq rasek stess, għax l-anġlu ta’ Alla diġà għandu l-ordni mingħand Alla biex jiġi jaqsmek minn nofsok”.

 

Imbagħad lil dan warrbu u ordna li jġibulu lill-ieħor. Qallu: “Ja nisel il-Kangħanin u mhux mil-Lhud, il-ġmiel għamiek u l-passjoni ħassritlek qalbek! Hekk kontu ġġibu ruħkom mal-bniet ta’ Iżrael, u huma kienu jibżgħu minnkom u joqogħdu għalikom. Iżda waħda minn ulied Ġuda ma qagħditx għal ħżunitkom. Għidli, mela: x’siġra kienet dik li qbadthom taħtha flimkien?”. U hu wieġeb: “Taħt siġra tal-ballut”. Qallu Danjel: “Sewwa! Inti wkoll, b’din il-gidba tiegħek ġbidt il-ħsara fuq rasek stess. Hemm l-anġlu ta’ Alla diġà qiegħed jistenna bix-xabla f’idu biex iħanxrek minn nofsok, ħalli b’hekk jeqridkom it-tnejn”.

 

Imbagħad il-ġemgħa kollha għajtet b’leħen wieħed u bierku lil Alla li jsalva lil min jittama fih. U lkoll daru għaż-żewġt ixjuħ, għax bi kliemhom stess ikkundannaw lilhom infushom bix-xhieda falza li taw, u għamlulhom bħalma huma, bil-ħażen ta’ moħħhom, riedu jagħmlu lil ħaddieħor; u hekk imxew fuq il-Liġi ta’ Mosè u qatluhom. Dakinhar demm l-innoċenti kien salvat.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6

 

R/. (4a): Ma nibżax mill-ħsara, Mulej, għax inti miegħi

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni. R/.

 

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni. R/.

 

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj! R/.

 

Sena A u B

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Eżek 33, 11

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Jien ma nitgħaxxaqx b’mewt il-midneb, jgħid il-Mulej,

imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Sena Ċ

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 8, 12

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Jien id-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej,

min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Sena A u B

Evanġelju

Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.

Ġw 8, 1-11

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom.

 

Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. ssa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab.

 

Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, u Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. Qalilha Ġesù: “Mela anqas jien ma nikkundannak. Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Sena Ċ

Evanġelju

Jiena d-dawl tad-dinja.

Ġw 8, 12-20

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qabad ikellem lill-Fariżej u jgħidilhom: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja”.

 

Qalulu l-Fariżej: “Qiegħed tixhed int għalik innifsek; mela x-xhieda tiegħek mhix minnha”. Weġibhom Ġesù: “U wkoll kieku kelli nixhed jien għalija nnifsi, ix-xhieda tiegħi kienet tgħodd, għax jiena naf minn fejn ġej u fejn sejjer. Imma intom ma tafux minn fejn jien ġej jew fejn sejjer. Intom il-ħaqq tagħkom tagħmluh ta’ bnedmin li intom; jien ma nagħmel ħaqq minn ħadd. Imma kieku kelli nagħmel ħaqq jien, il-ħaqq tiegħi kien ikun sewwa, għax jien m’iniex waħdi, imma miegħi għandi l-Missier li bagħatni. Issa fil-Liġi tagħkom hemm miktub li x-xhieda ta’ tnejn tgħodd. Hemm jien, li qiegħed nixhed għalija nnifsi, u hemm il-Missier li bagħatni, li hu wkoll qiegħed jixhed għalija”.

 

Missierek fejn hu?”, staqsewh. Weġibhom Ġesù: “Intom la lili ma tafu u lanqas lil Missieri. Li kieku kontu tafu lili, kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll”. Dan kollu Ġesù qalu fit-teżor, huwa u jgħallem fit-tempju. U ħadd minnhom ma qabdu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu