Stampa t-test tal-qari ...


Ir-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem!

Lhud 13, 1-8

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, ħa tibqa’ magħkom l-imħabba tal-aħwa. Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu. Ftakru f’dawk li huma fil-ħabs, daqslikieku kontu fil-ħabs magħhom; ftakru wkoll f’dawk li qegħdin ikasbruhom, daqslikieku qegħdin ikasbru lilkom f’ġisimkom. Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom miżmum fil-ġieħ minn kulħadd u s-sodda taż-żwieġ bla tinġis, għax Alla għad jagħmel ħaqq miż-żienja u mill-adulteri.

 

Tkunux mogħtija għar-regħba tal-flus; kunu kuntenti b’dak li għandkom, għax Alla stess qal: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek”. Għalhekk nistgħu ngħidu b’qalbna qawwija: “Il-Mulej l-għajnuna tiegħi, jien ma nibżax; x’jista’ jagħmilli l-bniedem?”.

 

Ftakru f’dawk li jmexxukom, dawk li wasslulkom il-kelma ta’ Alla; aħsbu fuq it-tmiem ta’ ħajjithom, imxu fuq l-eżempju tal-fidi tagħhom. Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 26 (27), 1.3.5.8b-9abċ

 

R/. (1): Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;

minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer? R/.

 

Imqar jekk eżerċtu jqum għalija,

xejn ma tibża’ qalbi;

imqar jekk gwerra tqum kontrija,

jiena nibqa’ qalbi qawwija. R/.

 

Għax hu jaħbini fl-għarix tiegħu

meta nsib ruħi fil-għawġ;

jistorni fis-satra ta’ daru,

fuq blata fl-għoli jqegħedni. R/.

 

Jien wiċċek infittex, Mulej.

La taħbix wiċċek minni,

la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.

Inti l-għajnuna tiegħi;

tħallinix u titlaqnix. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 8, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Hienja dawk li jisimgħu l-kelma b’qalb tajba u sinċiera,

u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġwanni l-Battista, li jien qtajtlu rasu, hu qam mill-mewt!

Mk 6, 14-29

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, is-sultan Erodi sama’ b’Ġesù, għax ismu kien sar magħruf, u xi wħud bdew jgħidu: “Ġwanni l-Battista qam mill-imwiet; minħabba f’hekk li s-setgħat tal-mirakli qegħdin jaħdmu fih”. Imma oħrajn bdew jgħidu: “Dan Elija”. U oħrajn: “Profeta, bħal wieħed mill-profeti l-oħra”. Iżda Erodi, meta sama’ bih, qal: “Ġwanni l-Battista, li jien qtajtlu rasu, hu qam mill-mewt!”.

 

Għax kien Erodi stess li bagħat jarresta lil Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu, billi kien iżżewwiġha hu. Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk”. Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kinitx tista’, għax Erodi, li kien jaf x’raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża’ minnu; u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa’ mħasseb ħafna wara li jisimgħu.

 

Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lill-aqwa nies tal-Galilija. Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: “Itlobni kulma trid, u jien nagħtik kulma titlobni”. U qalilha u ħalfilha: “Titlobni x’titlobni kollox nagħtik, imqar nofs is-saltna tiegħi”. Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: “Tgħid x’nitolbu?”. “Ras Ġwanni l-Battista”, weġbitha dik. Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: “Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt”. Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jarġa’ lura mill-kelma li taha. Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta’ madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; imbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha. Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu