Stampa t-test tal-qari ...


Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.

Rum 14, 7-12

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Għeżież, ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun Sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.

 

Imma int, għax għandek tagħmel ħaqq minn ħuk? Jew lil ħuk, għaliex għandek tmaqdru? Aħna lkoll għad nidhru quddiem it-tribunal ta’ Alla; għax hemm miktub: “Daqskemm jien ħaj, jgħid il-Mulej, quddiemi għad jinżel għarrkupptejh kull bniedem, u kull ilsien għad ifaħħar lil Alla”.

 

Għalhekk kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 26 (27), 1.4.13-14

 

R/. (13): Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;

minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer? R/.

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f’dar il-Mulej

tul il-jiem kollha ta’ ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej

jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. R/.

 

Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej

f’art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,

u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ikun hemm ferħ fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.

Lq 15, 1-10

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħu lil Ġesù. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”.

 

U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli”. Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.

 

Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli”. Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu