Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Aħtar presbiteri f’kull belt, skont ma ordnajtlek.

Tit 1, 1-9

 

Bidu tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Titu

 

Jiena Pawlu, qaddej ta’ Alla, u appostlu ta’ Ġesù Kristu biex immexxi l-maħturin ta’ Alla fil-fidi u nwassalhom għat-tagħrif tal-verità li twassal għat-tieba, bit-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Alla, li ma jigdibx, wegħedhielna sa minn qabel iż-żminijiet, u meta wasal il-waqt irrivelahielna bil-kelma tiegħu permezz tal-predikazzjoni li kienet fdata lili skont l-ordni ta’ Alla, is-Salvatur tagħna. Qiegħed nikteb lil Titu, ibni veru fil-fidi tagħna lkoll: lilu grazzja u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesù s-Salvatur tagħna. Għalhekk jiena ħallejtek fi Kreta, biex tqassam kollox bl-ordni, u biex taħtar presbiteri f’kull belt, skont ma ordnajtlek. Kull min ikun maħtur ma għandu jkollu xejn x’wieħed jgħid fih; ikun raġel ta’ mara waħda, u jkollu wliedu jemmnu, bla ma ħadd jista’ jixlihom bi mġiba żienja jew bla rażan. L-isqof, bħala amministratur ta’ Alla, għandu jkun bniedem li ħadd ma jista’ jgħid xejn fih; ma għandux ikun mimli bih innifsu, ma jinkurlax malajr, ma jkunx mogħti għax-xorb, ma jkunx ġellied jew rgħib; imma jkun bniedem li jilqa’ ’il-barranin, iħobb it-tajjeb, meqjus, ġust, qaddis, rżin; bniedem li jżomm sħiħ mal-kelma ta’ min jemminha, biex ikun jista’ jqawwi qalb l-oħrajn bid-duttrina sħiħa u jegħleb lil min imieri.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

 

R/. (ara 6): Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu ’l wiċċek, Mulej

 

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,

id-dinja u kulma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

 

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

4Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.

 

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;

li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Fil 2, 15d.16a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb,

u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jekk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jdur lejk seba’ darbiet u jgħidlek: ‘Jisgħobbija,’ aħfirlu.

Lq 17, 1-6

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli; imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom! Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin. Oqogħdu attenti! Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, widdbu, u jekk jindem aħfirlu. U jekk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jdur lejk seba’ darbiet u jgħidlek: “Jisgħobbija”, aħfirlu”. L-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”. Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu