Stampa t-test tal-qari ...

Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Isiru ġisem wieħed.

Ġen 2, 18-24

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Il-Mulej Alla qal: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih”. U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaggi u t-tajr kollu tal-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skont ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha. U l-bniedem ta isem lil kull bhima u ’l kull tajra tal-ajru, u ’l kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih.

U l-Mulej Alla tefa’ nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam. U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem.

Imbagħad il-bniedem qal:

“Din id-darba din hi għadma minn għadmi,

u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara,

għax mir-raġel ittieħdet hi”.

Għalhekk ir-ragel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 127 (128), 1-2.3.4-5.6

R/. (ara 5): Iberikna l-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajjitna

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb! R/.

Martek tkun bħal dielja għammiela

fl-irkejjen ta’ darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek. R/.

Ara, kif ikun imbierek

il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon! R/.

Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm

tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek!

Sliem għal Iżrael! R/.

Qari II

Kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess wieħed.

Lhud 2, 9-11

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, lil dak li għal ftit taż-żmien kien imniżżel ftit inqas mill-anġli, lil Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-glorja u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu bata, biex, għall-grazzja ta’ Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta’ kulħadd.

Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għall-glorja, jagħmel li l-Awtur tas-salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa tas-sofferenzi.

Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejħilhom ħutu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Ġw 4, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah

Lil Alla għadu ħadd ma rah,

imma jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina,

u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Dak li għaqqad Alla, ma għandux jifirdu l-bniedem.

Mk 10, 2-16

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?” Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.

Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.

Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.

Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Jew il-forma l-qasira

Evanġelju

Dak li għaqqad Alla, ma għandux jifirdu l-bniedem.

Mk 10, 2-12