Stampa t-test tal-qari ...


7 ta’ Ottubru

Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju  

Tifkira Obbligatorja

 

Qari I

Baruk 4: 5-12.27-29

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk

 

Agħmel il-qalb, poplu tiegħi, int, it-tifkira ta’ Israel! Kontu mibjugħa lill-ġnus, iżda mhux biex tiġu fix-xejn; kontu mogħtija f’idejn l-għedewwa, għax kebbistu l-korla ta’ Alla.

 

Xgħeltu l-għadab ta’ min sawwarkom, għax offrejtu s-sagrifiċċju lill-allat, u mhux lil Alla. Insejtu lil Alla ta’ dejjem, lil dak li għajjixkom.

 

Imlejtu bl-imrar lil Ġerusalemm, lil dik li rabbietkom. Għax hi rat il-korla ta’ Alla nieżla fuqkom, u qalet: «Isimgħu ġirien Sijon: Alla bagħat niket kbir fuqi. Għax ġarrabt jasar uliedi, subien u bniet, il-jasar li fih bagħathom Alla ta’ dejjem. Jekk it-trobbija tagħhom ferrħitni, it-tlugħ tagħhom bikkieni u qasamli qalbi. Ħadd m’għadu jifraħ bija, armla li baqgħet weħidha; kelli ħafna u telquni, għax uliedi dinbu, u daru lura mil-Liġi ta’ Alla.» Agħmlu l-qalb, uliedi, sejħu lil Alla; dak li ġarrabkom għad jiftakar fikom. Bħalma fittixtu titbiegħdu minn Alla hekk issa duru lejh u fittxuh b’ħerqa għaxar darbiet aqwa. Għax dak li bagħat fuqkom dan l-hemm kollu, hekk għad isalvakom, u jimliekom b’ferħ dejjiemi.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 68

 

R/. Il-Mulej jisma’ l-fqajrin!

 

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.

Ifaħħruh is-sema u l-art,

l-ibħra u kulma jitħarrek fihom. R/.

 

Għax Alla jsalva ’l Sijon,

u jibni l-bliet ta’ Ġuda;

u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.

Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;

dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11:25

 

R/. Hallelujah.

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Lq 10: 17-24

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, it-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: «Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek.» U hu qalilhom: «Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema.

   

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.»

   

F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: «Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.»

   

Imbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: «Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx.»

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek Kristu.