Stampa t-test tal-qari ...


It-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Inti marbut ma’ mara? Tfittixx li tinħall. Maħlul minn mara? Tfittixx mara.

1 Kor 7, 25-31

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, dwar dawk li mhumiex miżżewġin, ma għandi ebda preċett mill-Mulej, iżda nagħtikom parir bħala wieħed li, għall-ħniena tal-Mulej, hu bniedem ta’ fiduċja. Jidhirli, mela, li, minħabba t-taħbit tal-lum, ikun sewwa għal dak li jkun jekk jibqa’ kif inhu. Inti marbut ma’ mara? Tfittixx li tinħall. Maħlul minn mara? Tfittixx mara. Imma wkoll jekk tiżżewweġ, ma tidnibx; anqas jekk xebba tiżżewweġ, ma tidneb. Nies bħal dawn ikollhom it-taħbit tal-ħajja, u jiena rrid kieku neħliskom minnu.

 

Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; dawk li jibku, bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 44 (45), 11-12.14-15.16-17

 

R/. (11a): Isma’, binti, ħares u agħti widen

 

Isma’, binti, ħares u agħti widen,

insa ’l ġensek u ’l dar missierek.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek;

u int, għax hu sidek, agħtih qima. R/.

 

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar,

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha,

it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha. R/.

 

Jittieħdu b’għajjat ta’ ferħ u hena;

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

Flok missirijietek jilħqu wliedek;

inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 6, 23ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, jgħid il-Mulej,

għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Henjin intom il-foqra. Ħażin għalikom, intom l-għonja.

Lq 6, 20-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:

Henjin intom il-foqra,

għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla.

Henjin intom li għalissa bil-ġuħ,

għax għad tkunu mxebbgħin.

Henjin intom li għalissa tibku,

għax għad tithennew.

Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom,

jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom

bħallikieku kien xi ħaġa ħażina.

Dakinhar li jiġrilkom hekk,

Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema.

L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

 

Imma ħażin għalikom, intom l-għonja,

għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.

Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin,

għax għad tkunu bil-ġuħ.

Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku,

għax għad tnewħu u tibku.

Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid.

Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu