Stampa t-test tal-qari ...


Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

It-talba nstemgħet quddiem il-maestà ta’ Alla.

Tob 3, 1-11a.16-17a

 

Qari mill-Ktieb ta’ Tobit

 

F’dak iż-żmien, qabditni bħal diqa f’qalbi, u nfexxejt nolfoq u nibki; u bdejt nitlob u nitniehed: Int ġust, Mulej, u kulma tagħmel hu sewwa; imġibtek hi kollha ħniena u sewwa. Int tagħmel ħaqq mid-dinja. Issa ftakar fija, Mulej, u ħares lejja. Titħallasx minn dnubieti u n-nuqqasijiet tiegħi, jew ta’ missirijieti. Huma dinbu quddiemek u kisru l-kmandamenti tiegħek; għalhekk int erħejtna biex jisirquna, ijassruna, joqtluna u jwaqqgħuna għaż-żuffjett, u ġibtna f’ilsien il-ġnus kollha, li fosthom int xerridtna. Il-ħafna ġudizzji tiegħek huma tassew ġusti fl-imġiba tiegħek miegħi minħabba dnubieti, għax aħna ma ħarisniex il-kmandamenti tiegħek u lanqas imxejna sewwa quddiemek. Agħmel miegħi kif jogħġbok, u ordna li jneħħuli ħajti biex ninqered minn fuq wiċċ l-art, u nsir trab. Aħjar immut milli ngħix; għax smajt biżżejjed tagħjir u gideb, u għandi għali u swied il-qalb kbir. Mulej, agħmel li neħles minn dawn id-dwejjaq, ħallini mmur fil-post ta’ dejjem, iddawwarx wiċċek minni, Mulej. Jaqbilli mmut milli ngħix iżjed f’dawn id-dwejjaq kollha, u nisma’ aktar min jgħajjarni!”.

 

Dakinhar stess ġara li Sara bint Ragħwel, li kien joqgħod f’Ekbatana tal-Medja, semgħet waħda mis-sefturi ta’ missierha tgħajjarha li kienu żewġuha lil sebat irġiel, u Asmodew, l-ispirtu ħażin, qatilhom qabel ma laħqu resqu lejha bħalma hu soltu għan-nisa miżżewġa. Din is-seftura qaltilha: “Int il-qattiela ta’ żwieġek. Ara, iżżewwiġt sebat irġiel u isem ħadd minnhom ma writt! Għala ssawwatna minħabba żwieġek, ladarba mietu? Mur magħhom. Jalla ma naraw qatt minnek u la tifel u la tifla”.

 

Meta semgħet dan imtliet bi swied il-qalb, u nfexxet tibki. Telgħet fuq il-bejt ta’ missierha, u riedet titgħallaq. Iżda reġgħet ħasbitha u qalet bejnha u bejn ruħha: “Nibża’ li jgħajru lil missieri u jgħidulu: “Kellek tifla waħda għażiża, u hi tgħallqet minħabba l-hemm tagħha”. Għaliex għandi nwassal fil-qabar bl-għali x-xjuħija ta’ missieri? Aħjar għalija ma nitgħallaq xejn, imma nitlob lil Alla li mmut u ma nismax aktar dan it-tagħjir f’ħajti”. Dak il-ħin stess fetħet idejha lejn it-tieqa, u bdiet titlob u tgħid: “Imbierek int, Alla ħanin; Imbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem”.

 

Fl-istess ħin it-talba tal-waħda u tal-ieħor instemgħet quddiem il-maestà ta’ Alla, u ntbagħat Rafel biex ifejjaqhom it-tnejn; lil Tobit jeħilsu mit-tbajja’ tal-bjada ta’ għajnejh, biex bihom jara d-dawl ta’ Alla, u lil Sara bint Ragħwel, jagħtiha lil Tobija bin Tobit b’martu, u jeħlisha minn Asmodew, l-ispirtu ħażin.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 24 (25), 2-3a.4b-5ab.6-7bċ.8-9

 

R/. (1b): Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej, Alla tiegħi

 

Fik jien nittama,

ma jkollix għax nitħawwad!

Ma jifirħux l-għedewwa tiegħi minħabba fija!

Kull min jittama fik ma jkollux għax jitħawwad. R/.

 

Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

 

Ftakar fil-ħniena u t-tieba tiegħek,

għax huma minn dejjem, Mulej.

Inti tajjeb, Mulej;

ftakar fija skont it-tieba tiegħek. R/.

 

Tajjeb u sewwa l-Mulej;

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 11, 25a.26

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien hu l-qawmien u l-ħajja, jgħid il-Mulej;

kull min jemmen fija, dan ma jmut qatt.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin!

Mk 12, 18-27

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, resqu lejn Ġesù xi Sadduċej, li jgħidu li ma hemmx qawmien mill-imwiet, u għamlulu din il-mistoqsija: Mgħallem, Mosè ħallielna miktub li, jekk wieħed imutlu ħuh u dan iħalli warajh lil martu bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla hu biex inissel ulied għal ħuh. Mela jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla ma ħalla tfal. It-tieni wieħed iżżewweġ l-armla, miet, u anqas hu ma ħalla wlied; hekk ukoll it-tielet, u ħadd minnhom is-sebgħa ma ħalla wlied. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa fil-qawmien tal-imwiet, meta jqumu lkoll, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.

 

Qalilhom Ġesù: “U mhux għalhekk tiżbaljaw intom, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta’ Alla! Għax il-bnedmin, meta jqumu mill-imwiet, la jiżżewġu u lanqas iżewġu, imma jkunu bħall-anġli fis-smewwiet. Għal dak imbagħad li hu qawmien mill-imwiet, fil-ktieb ta’ Mosè, fejn jissemma l-għollieq, ma qrajtux kif Alla qallu: “Jiena Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb?”. Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin! Sejrin żball għall-aħħar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu