Stampa t-test tal-qari ...


Ir-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj.

Lhud 12, 18-19.21-24

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, intom ma rsaqtux lejn in-nar materjali u jħeġġeġ tas-Sinaj; lejn dak is-swied u d-dlam u r-riefnu; lejn dak id-daqq ta’ tromba u ħoss ta’ kliem li dawk li kienu jisimgħuh talbu bil-ħerqa biex ma jkellimhomx aktar. Kienet hekk tal-biża’ dik id-dehra, li Mosč qal: “Qiegħed nitriegħed bil-biża’”.

 

Imma intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema; ersaqtu lejn eluf ta’ anġli f’ġemgħa ferrieħa; lejn il-ġemgħa tal-ulied ewlenin li isimhom hu miktub fis-sema; lejn Alla l-imħallef ta’ kulħadd; lejn l-erwieħ ta’ nies tajba u perfetti; lejn Ġesů l-medjatur ta’ patt ġdid; u lejn id-demm imraxxax tiegħu li jitkellem b’mod aqwa minn dak ta’ Abel.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 47 (48), 2-3a.3b-4.9.10-11

 

R/. (ara 10): Naħsbu, o Alla, fuq it-tieba tiegħek

 

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna

fil-belt ta’ Alla tagħna.

L-għolja qaddisa tiegħu, għolja mill-isbaħ,

l-għaxqa tal-art kollha. R/.

 

L-għolja ta’ Sijon fil-qalba tat-tramuntana;

hi l-belt tas-sultan il-kbir.

Alla fil-fortizzi tagħha

wera ruħu bħal sur qawwi. R/.

 

Kif smajna, hekk rajna

f’belt il-Mulej tal-eżerċti,

fil-belt ta’ Alla tagħna.

Alla jżommha sħiħa għal dejjem! R/.

 

Naħsbu, o Alla, fuq it-tieba tiegħek

f’nofs it-tempju tiegħek.

Bħal ismek, o Alla, hekk tifħirek,

sa truf l-art jasal.

Il-leminija tiegħek bis-sewwa mimlija. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 1, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Saltna ta’ Alla waslet, jgħid il-Mulej:

indmu u emmnu fl-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kristu kellu jqum mill-imwiet.

Mk 6, 7-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesů sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi. Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”.

 

Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu