Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Is-sultana ta’ Saba rat l-għerf kollu ta’ Salamun.

1 Slaten 10, 1-10

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, is-sultana ta’ Saba semgħet bil-fama ta’ tħabrik Salamun għal isem il-Mulej, u ġiet biex iġġarrbu b’mistoqsijiet iebsa. U ġiet Ġerusalemm b’qatgħa ġmielha ta’ kbarat magħha, u b’iġmla mgħobbija b’tagħbija kbira ta’ ħwawar, u deheb u ħaġar prezzjuż, u ġiet għand Salamun, u qaltlu kulma kellha maħżun f’qalbha. U Salamun weġibha għal kulma staqsietu; xejn ma kien hemm li baqa’ moħbi għas-sultan, li ma kienx jista’ jwieġbu.

 

U meta s-sultana ta’ Saba rat l-għerf kollu ta’ Salamun u d-dar li kien bena, l-ikel tal-mejda tiegħu, il-kunsill ta’ madwaru, is-servizz tal-qaddejja u lbieshom, il-kuppieri tiegħu, u s-sagrifiċċji tal-ħruq li kien joffri fit-tempju tal-Mulej, baqgħet mistagħġba; u qalet lis-sultan: “Tassew minnu dak li smajt f’arti fuqek u fuq għerfek. Ma ridtx nemmen dawn il-ħwejjeġ qabel ma ġejt u rajt b’għajnejja. U ma kinux ħabbruli n-nofs! L-għerf u l-ġid tiegħek huma aktar milli smajt. Henjin in-nies tiegħek, henjin il-qaddejja tiegħek, li qegħdin miegħek u jisimgħu dejjem l-għerf tiegħek. Ikun imbierek il-Mulej, Alla tiegħek, li tgħaxxaq bik u qiegħdek fuq it-tron ta’ Iżrael, għaliex il-Mulej dejjem ħabb lil Iżrael u għamlek sultan fuqhom biex tagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja”.

 

Imbagħad tat lis-sultan mija u għoxrin talent deheb, kotra kbira ta’ ħwawar u ħaġar prezzjuż: qatt ma ġiet kotra kbira ta’ ħwawar daqs dik li ġiebet is-sultana ta’ Saba lis-sultan Salamun.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 36 (37), 5-6.30-31.39-40

 

R/. (30a): Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf

 

Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek,

afda fih, u jagħmel hu.

Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek,

u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar. R/.

 

Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf,

u lsienu jgħid is-sewwa.

Il-liġi ta’ Alla tiegħu għal qalbu,

ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu. R/.

 

Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej;

hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.

Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena,

isalvahom għax fih jistkennu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 17, 17b.a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma tiegħek hi l-verità:

qaddisna permezz tal-verità.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem.

Mk 7, 14-23

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem”.

 

Meta ħalla n-nies u daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh fuq il-parabbola. U hu qalilhom: “Intom ukoll daqshekk bla moħħ? Ma tifhmux li xejn ma jista’ jtabba’ lill-bniedem minn dak li jidħol ġo fih minn barra, la darba dan mhux fil-qalb imur, iżda fl-istonku, biex imbagħad jintrema fil-ħofra?” B’hekk wera li l-ikel kollu hu safi. U qalilhom: “Dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għejra, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu