Stampa t-test tal-qari ...


7 ta’ Jannar

(meta l-Epifanija tiġi ċċelebrata l-Ħadd 8 ta’ Jannar)

 

Qari I

Jekk nitolbu xi ħaġa skont ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.

1 Ġw 5, 14-21

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Għeżież, din hi l-fiduċja sħiħa li għandna fl-Iben ta’ Alla, li jekk nitolbu xi ħaġa skont ir-rieda tiegħu, hu jismagħna. U ladarba nafu li hu jismagħna f’dak li nitolbu, mela nafu wkoll li kulma tlabnieh jinsab diġà għandna.

 

Jekk wieħed jara lil ħuh jaqa’ f’xi dnub li ma jwassalx għall-mewt, wieħed għandu jitlob u Alla jagħtih il-ħajja. Dan qiegħed ngħidu għal min jagħmel dnub li ma jwassalx għall-mewt. Għax hemm dnubiet li jwasslu għall-mewt, imma jien mhux għal dawn qiegħed ngħid li wieħed għandu jitlob. Kull inġustizzja hija dnub, imma mhux kull dnub iwassal għall-mewt. Aħna nafu li kull min hu mwieled minn Alla ma jidnibx, imma l-Imnissel minn Alla jħarsu mid-dnub, u l-Ħażin ma jmissux b’idejh. Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin. Imma nafu wkoll li l-Iben ta’ Alla ġie u tana d-dehen biex nagħrfu ’l Alla l-veru. U aħna ninsabu f’Alla l-veru, f’Ibnu Ġesù Kristu. Dan hu Alla l-veru, u l-ħajja ta’ dejjem. Uliedi, ħarsu rwieħkom mill-idoli!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 149, 1-2.3-4.5 u 6a u 9b

 

R/. (4a): Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida:

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom! R/.

 

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa. R/.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu,

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom:

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 7, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Profeta kbir qam fostna

u Alla żar il-poplu tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu.

Ġw 2, 1-11

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, 1sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

 

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu.

 

Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

 

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu