Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Is-sultan tad-dinja għad iqajjimna għall-ħajja ta’ dejjem.

2 Makk 7, 1-2. 9-14

 

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Makkabej

 

F’dak iż-żmien, qabdu sebat aħwa u ’l ommhom; u s-sultan beda biex jisfurzahom bid-daqqiet tas-swat u tan-nerv biex jieklu l-laħam tal-majjal li ma jiswiex. Wieħed minnhom beda jitkellem f’isem l-oħrajn u qal: “X’int tfittex tistaqsi u trid taf minna? Aħna lesti mmutu, imma m’aħniex lesti niksru l-liġijiet ta’ missirijietna”. U t-tieni wieħed, kif kien fl-aħħar nifs, qallu: “Int, bniedem mill-agħar, int se ċċaħħadna mill-ħajja ta’ issa, imma s-sultan tad-dinja għad iqajjimna għall-ħajja ta’ dejjem, lilna li se mmutu għal-liġijiet tiegħu”. Imbagħad wara dan bdew jittorturaw it-tielet wieħed u malli talbuh ħareġ minnufih ilsienu u bla biza’ ta’ xejn midd idejh u ta’ qalbieni li kien għajjat: “Mis-sema ksibthom dawn, u għal-liġijiet tiegħu jien

nistmerrhom, għax mingħandu nittama li għad nerġa’ niksibhom”. Saħansitra s-sultan u dawk ta’ madwaru stagħġbu bil-qawwa ta’ dan iż-żagħżugħ, kif l-uġigħ ma kien iqisu xejn.

 

Meta miet dan bdew jittorturaw u jbiċċru r-raba’ wieħed bl-istess mod. Meta wasal fl-aħħar qal: “Aħjar li wieħed imut b’idejn il-bnedmin meta jkollu t-tama mingħand Alla li għad iqajmu mill-ġdid. Imma għalik m’hemmx qawmien għall-ħajja”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 16 (17), 1.5-6.8b u 15

 

R/. (15b): Meta nqum nithenna bid-dehra tiegħek

 

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,

ilqa’ l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi;

bla qerq huma xufftejja. R/.

 

Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,

qatt ma għotru riġlejja.

Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;

ressaq widintek lejja, isma’ kliemi. R/.

 

Għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni.

Jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek;

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek. R/.

 

Qari II

Il-Mulej isaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba.

2 Tess 2, 16 – 3, 5

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

 

Ħuti, Sidna Ġesù Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-kuraġġ ta’ dejjem u t-tama sħiħa bil-grazzja, jqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba. Mill-bqija, ħuti, itolbu għalina biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ bħalma ġara fostkom. Itolbu biex inkunu meħlusa minn nies ħżiena u bla liġi. Għax mhux kulħadd għandu l-fidi. Iżda l-Mulej hu fidil: hu jwettaqkom u jħariskom mill-Ħażin. Aħna żguri minnkom fil-Mulej, jiġifieri, li intom qegħdin tagħmlu u għad tagħmlu dak li ordnajnielkom. Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta’ Alla u s-sabar ta’ Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Apok 1, 5a. 6b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù Kristu, il-Kbir fost il-mejtin:

lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin.

Lq 20, 27-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, resqu fuqu xi wħud mis-sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub: “Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh”. Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.

 

Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu