Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Tħabbritilkom il-kelma tas-sewwa tal-Evanġelju bħalma qed tikber fid-dinja kollha.

Kol 1, 1-8

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

 

Pawlu, appostlu ta’ Kristu Ġesù bir-rieda ta’ Alla, u Timotju, ħuna, lill-qaddisin u ħutna ta’ Kolossi li jemmnu fi Kristu. Il-grazzja lilkom u s-sliem minn Alla, Missierna!

 

Niżżu ħajr dejjem lil Alla, il-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu, u nitolbu għalikom, għax aħna smajna bil-fidi li għandkom fi Kristu Ġesù, u bl-imħabba tagħkom għall-qaddisin kollha, minħabba fit-tama li hemm tistenniekom fis-smewwiet, li intom smajtu biha meta tħabbritilkom l-ewwel darba l-kelma tas-sewwa tal-Evanġelju.

 

Dan wasal għandkom bħalma qiegħed jagħti l-frott u jikber fid-dinja kollha, bħalma għamel s’issa fostkom, sa minn meta smajtu bil-grazzja ta’ Alla u għaraftuha fis-sewwa. Dan tgħallimtuh mingħand il-maħbub Epafra, seħibna fix-xogħol tagħna u ministru fidil ta’ Kristu għalikom, li għarraf lilna wkoll bl-imħabba li għandkom fl-Ispirtu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 51 (52), 10.11

 

R/. (10b): Nittama fit-tieba ta’ Alla għal dejjem ta’ dejjem

 

Jien, bħal siġra taż-żebbuġ li tħaddar fid-dar ta’ Alla,

nittama fit-tieba ta’ Alla

għal dejjem ta’ dejjem. R/.

 

Infaħħrek għal dejjem

għax dan int għamiltu;

inxandar ismek quddiem ħbiebek, għax hu tajjeb. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 4, 18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut.

Lq 4, 38-44

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qam u telaq mis-sinagoga, u daħal għand Xmun. Issa omm il-mara ta’ Xmun kellha fuqha deni qawwi, u talbuh jgħinha. Resaq fuqha, ordna lid-deni, u d-deni ħallieha. U minnufih qamet u bdiet isservihom.

 

Hija u nieżla x-xemx, dawk kollha li kellhom il-morda, kien x’kien il-mard tagħhom, ħaduhomlu quddiemu. Hu qiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom u fejjaqhom. Minn ħafna nies bdew joħorġu wkoll ix-xjaten, jgħajtu u jgħidu: “Inti Bin Alla!”. Iżda hu kien jheddidhom u ma ħallihomx jitkellmu, għax huma kienu jafu li hu l-Messija.

 

Meta sebaħ, ħareġ u mar f’post imwarrab. In-nies bdew ifittxuh u marru ħdejh u riedu jżommuh biex ma jitlaqx minn ħdejhom. Iżda hu qalilhom: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut”. U kien jipprietka fis-sinagogi tal-Lhudija.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu