Stampa t-test tal-qari ...


6 ta’ Awwissu

It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

Festa

 

Qari I

Dan 7: 9-10. 13-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

 

Jien, Danjel, kont qiegħed inħares, meta tqiegħdu xi tronijiet, u wieħed Xiħ fil-għomor qagħad bilqiegħda; ilbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf; ilsna tan-nar it-tron tiegħu, nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu; xmara ta’ nar kienet għaddejja, ħierġa minn quddiemu; eluf ta’ eluf kienu jaqduh, u għaxart elef ta’ għaxriet ta’ eluf weqfin quddiemu.

 

Il-Qorti qagħdet bilqiegħda, u l-kotba nfetħu. Billejl deherli li qiegħed nara bħal Iben ta’ Bniedem, ġej fis-sħab tas-sema, li baqa’ sejjer sax-Xiħ fil-għomor u tressaq quddiemu. U lilu ngħatat ħakma, gieħ u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien. Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem, li ma tgħaddix, u s-saltna tiegħu li ma tinqeridx.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

96

 

R/. Il-Mulej isaltan, hu ’l fuq mill-art kollha!

 

Il-Mulej isaltan!

Ħa tifraħ l-art, ħa jifirħu l-ħafna gżejjer!

Sħab u dlam hemm madwaru,

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. R/.

 

Bħax-xema’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,

quddiem is-Sid tal-art kollha;

ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu,

u l-popli kollha jaraw is-sebħ tiegħu. R/.

 

Għax inti l-Mulej,

’il fuq mill-art kollha,

’il fuq mill-allat inti ħafna għolejt. R/.

 

Qari II

2 Pietru 1: 16-19

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

eżież: aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instama’ jgħid għalih: “Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq.” Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa. U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

 

R/. Hallelujah

Dan hu Ibni l-għażiż: isimgħu lilu!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mk 9:1-9

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

Sitt jiem wara Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Lbiesu sar abjad u jgħammex b'dija ta' l-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista' jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma' Mosè, jitkellmu ma' Ġesù. Qabad Pietru u qal lil Ġesù: "Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija." Dan qalu għax ma kienx jaf x'jaqbad jgħid bil-biża' kbir li waqa' fuqhom. Mbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu." Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

 

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma' ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x'kien ifisser 'tqum mill-imwiet'. Staqsewh u qalulu: "Għaliex jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?" "Tassew," weġibhom, "l-ewwel għandu jiġi Elija, u jerġa' jqiegħed kollox f'postu. Mela kif inhu miktub fuq Bin il-bniedem li għandu jbati ħafna u jkun imżeblaħ? Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma ġiebu rwieħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu."

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.