Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Int kont għedt, Mulej: “Ismi jkun hemm!” Isma’ t-talba li jagħmillek l-poplu tiegħek Iżrael.

1 Slaten 8, 22-23.27-30

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, Salamun, wieqaf quddiem l-altar tal-Mulej, quddiem il-ġemgħa kollha ta’ Iżrael, fetaħ dirgħajh beraħ lejn issema u qal: “Mulej, Alla ta’ Iżrael, la fis-semal fuq u lanqas hawn isfel fl-art, ma hemm Alla ieħor bħalek, għaliex inti, lil dawk il-qaddejja tiegħek li jimxu fil-preżenza tiegħek b’qalbhom kollha, ma tiksrilhomx il-patt li għamilt magħhom, lanqas ma tonqsilhom mill-imħabba li dejjem urejthom.

 

Imma, tgħid, tassew li Alla se jgħix fuq l-art? Ara! Lanqas biss is-smewwiet – u s-smewwiet tas-smewwiet – ma jesgħuk, aħseb u ara dan id-daqsxejn ta’ tempju li bnejt jien! Agħti widen, għalhekk, Mulej, Alla tiegħi, għat-talba u s-supplika tal-qaddej tiegħek; agħti widen għall-għajta ta’ ferħ u t-talba li dan il-qaddej tiegħek qiegħed iressaq illum quddiemek. Lejl u nhar ħarstek taqlagħhiex minn fuq dan it-tempju, minn fuq dan il-post, li għalih int kont għedt: “Ismi jkun hemm!” Isma’ t-talba li jagħmillek il-qaddej tiegħek għal dan il-post. Isma’, mela, din is-supplika, li l-qaddej tiegħek u l-poplu tiegħek Iżrael, sewwasew f’dan il-post, qegħdin jagħmlulek. Ismagħna int, mis-sema fejn int toqgħod; ismagħna u aħfrilna!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 83 (84), 3.4.5 u 10.11

 

R/. (2): Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti!

 

Tixxennaq u tinfena ruħi

għat-tempju tal-Mulej;

ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi

lil Alla l-ħaj. R/.

 

Sal-għasfur isib fejn jgħammar,

u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-altari tiegħek;

hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha,

Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi! R/.

 

Henjin dawk li jgħammru f’darek;

huma jfaħħruk għal dejjem.

Ħares, o Alla, lejn it-tarka tagħna,

ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek. R/.

 

Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek

aħjar minn elf jum f’post ieħor;

aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi

milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 118 (119), 36.29b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iġbidli qalbi, Mulej, lejn il-preċetti tiegħek;

agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Intom twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin.

Mk 7, 1-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?”.

 

Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub:

“Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ,

imma qalbhom hija ’l bogħod minni.

Fiergħa hi l-qima li jagħtuni;

jgħallmu duttrina

li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin”.

Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu

t-tradizzjoni tal-bnedmin”.

 

U qalilhom: “Ħelu ħelu ġġibu fix-xejn il-kmandamenti ta’ Alla biex tħarsu t-tradizzjoni tagħkom. Mosè qal: “Weġġaħ lil missierek u ’l ommok”, u: “Min iżeblaħ lil missieru jew ’l ommu għandu jieħu l-mewt”. Imma intom tgħidu: “Jekk wieħed jgħid lil missieru jew ’l ommu: Il-ġid li għandi, li jista’ jkun ta’ għajnuna għalik, huwa Qorban (jiġifieri, offerta lil Alla)”, intom imbagħad ma tħalluh jagħmel xejn iżjed għal missieru jew ommu. Hekk iġġibu fix-xejn il-kelma ta’ Alla bit-tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. U bosta ħwejjeġ oħra bħal dawn tagħmlu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu