Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Alla qal, u hekk sar.

Ġen 1, 1-19

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla. U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl!” U d-dawl sar. U ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam. U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ - L-ewwel jum.

 

U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda f’nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma”. U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta’ taħt il-medda mill-ilma ta’ fuq il-medda. U hekk sar. U l-medda Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ - It-tieni jum.

 

U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt is-sema u jidher l-inxif”. U hekk sar. U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa tal-ilma sejħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb. U qal Alla: “Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom, fuq l-art”. U hekk sar. U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb. U dalam u sebaħ - It-tielet jum.

 

U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin. U jkun hemm, imnariet fil-firxa tas-sema biex idawlu l-art”. U hekk sar. U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira biex trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb. U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art, u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb. U dalam u sebaħ - Ir-raba’ jum.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 103 (104), 1-2a.5-6.10 u 12.24 u 35ċ

 

R/. (31b): Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu

 

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,

bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb. R/.

 

Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha,

b’mod li qatt ma titħarrek;

bl-ibħra, bħal b’libsa, inti ksejtha;

u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet. R/.

 

L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien,

u huma jiġru qalb l-għoljiet.

Ħdejhom jgħammru l-għasafar tal-ajru,

minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom. R/.

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Kollha bl-għerf għamilthom;

Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 4, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna

u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dawk kollha li kienu jmissuh kienu jfiqu.

Mk 6, 53-56

 

Qari mil-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli, wara li qasmu għan-naħa l-oħra, waslu l-art f’Ġennesaret u rabtu d-dgħajsa max-xatt. Niżlu mid-dgħajsa, u n-nies minnufih għarfuh u marru jiġru ma’ dawk l-inħawi kollha. U bdew iġorru l-morda fuq l-imtieraħ kull fejn kienu jisimgħu li qiegħed.

 

Kull fejn kien jidħol, fi rħula, bliet, jew kampanja, kienu jqiegħdu l-morda fil-pjazez u jitolbuh iħallihom imissu mqar tarf il-mantar; u dawk kollha li kienu jmissuh kienu jfiqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu