Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Qatt ikkmandajt is-sebħ, qatt wasalt sa għejun il-baħar?

Ġob 38, 1.12-21; 40, 3-5

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob

 

Il-Mulej wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta u qallu:

Qatt kemm ilek fid-dinja kkmandajt is-sebħ,

jew urejt liż-żerniq postu,

biex jaqbad l-art mit-truf tagħha,

u jfarfar minnha l-ħżiena?

Bih tinbidel bħal tafal taħt is-siġill,

u tiġi mżewqa bħal libsa.

Jinqata’ lill-ħżiena d-dawl tagħhom,

u d-driegħ merfugħ jitkisser.

Qatt wasalt sa għejun il-baħar,

u mxejt fuq il-qiegħ tiegħu?

Qatt urewk bibien l-Imwiet?

Qatt rajt b’għajnejk bibien id-Dlam?

Qatt ħaddant b’ħarstek il-medda sħiħa tal-art?

Taf tgħidli l-wisa’ kollu tagħha?

Minn fejn tgħaddi għal ħdejn id-dawl,

u fejn joqogħdu d-dlamijiet,

biex tmexxihom sas-saltna tagħhom,

jew tqabbadhom it-triq lejn darhom?

Int tafu dan la diġà kont imwieled,

u l-għadd ta’ sninek kbir tassew!”

 

Ġob wieġeb lill-Mulej u qallu:

X’nista’ nwieġeb jien li ma niswiex karfa?

Ikolli nqiegħed idi fuq ħalqi!

Darba tkellimt u ma nerġax; darbtejn, u ma nissuktax”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 138 (139), 1-3.7-8.9-10.13-14ab

 

R/. (24b): Mexxini, Mulej, fit-triq ta’ dejjem

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.

 

Fejn immuril bogħod mill-ispirtu tiegħek?

Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek?

Jekk nitla’ fis-smewwiet, hemm int;

jekk nimtedd f’qiegħ l-art, int hemm ukoll. R/.

 

Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ,

u mmur ngħammar fi truf il-baħar,

hemm ukoll tilħaqni idek,

u taqbadni l-leminija tiegħek. R/.

 

Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

u f’ġuf ommi inti nsiġtni.

Irroddlok ħajr, għax b’mod tal-għaġeb għamiltni:

tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95), 8ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Illum la twebbsux qalbkom,

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni.

Lq 10, 13-16

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu u libsu l-ixkejjer u qagħdu fuq ir-rmied. Imma l-ġudizzju għad ikun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom. U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet! Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu