Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Ġesù Kristu miet għalina, sabiex ngħixu ħaġa waħda miegħu.

1 Tess 5, 1-6.9-11

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Dwar il-ħin u ż-żmien, ħuti, ma għandix bżonn niktbilkom. Intom tafu sewwa li Jum il-Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel billejl. Meta kulħadd jibda jgħid: “Sliem u mistrieħ!”, dak il-ħin stess, bħall-uġigħ fuq mara li tkun waslet għall-ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda u ma jeħilsu b’xejn.

 

Ħuti, intom m’intomx fid-dlam biex Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel. Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam. Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qies.

 

Għax Alla ma għażilniex għall-għadab, imma biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu. Għalhekk farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, kif qegħdin tagħmlu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 26 (27), 1.4.13-14

 

R/. (13): Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;

minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer? R/.

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f’dar il-Mulej

tul il-jiem kollha ta’ ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej

jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. R/.

 

Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej,

żomm sħiħ u qawwi qalbek,

ittama fil-Mulej. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 7, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Profeta kbir qam fostna,

Alla żar il-poplu tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!

Lq 4, 31-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f’jum is-Sibt qagħad jgħallem lin-nies, li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta’ wieħed li għandu s-setgħa.

 

U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta’ xitan imniġġes, u qabad jgħajjat b’leħen għoli: “Ah! x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”. Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: “Iskot, u oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara.

 

U kulħadd stagħġeb, u bdew jistaqsu wieħed lil ieħor u jgħidu: “Dan xi kliem hu? Għax hu jordna b’setgħa u qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu?”. U l-fama tiegħu xterdet ma’ kullimkien f’dawk l-inħawi kollha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu