Stampa t-test tal-qari ...


It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Ma niflaħx jien waħdi l-piż ta’ dan il-poplu kollu.

Num 11, 4b-15

 

Qari mill-Ktieb tan-Numri

 

F’dak iż-żmien, ulied Iżrael ukoll bdew jibku u jgħidu: “Min se jitmagħna l-laħam? Niftakru l-ħut li konna nieklu fl-Eġittu b’xejn; il-ħjar, il-bettieħ, il-kurrat, il-basal, u t-tewm. U issa bil-ġuħ; għajnejna ma jarawx ħlief il-manna”.

 

U l-manna kienet tixbah iż-żerriegħa tal-kożbor, u lewn ir-raża. Il-poplu kien jixtered jiġborha, u jlaqqtuha, u mbagħad jitħnuha bil-mitħna, jew jisħquha fil-mehrież. Kienu jsajruha fil-borma u jagħmluha ftajjar; u t-togħma tagħha kienet bħal tal-għaġina maħduma biż-żejt. U meta billejl kienet taqa’ n-nida fuq il-kamp, kienet taqa’ magħha l-manna wkoll.

 

Mosè sama’ l-poplu jibki, familja familja, kulħadd f’bieb it-tinda tiegħu. Il-Mulej xegħel b’qilla kbira, u Mosè inkwieta. U Mosè staqsa lill-Mulej: “Għala inkwetajt il-qaddej tiegħek? Jaqaw ma sibtx grazzja quddiemek, biex għabbejtni bil-piż ta’ dan il-poplu? Forsi jien ġibt f’ġufi dan il-poplu kollu? Forsi wellidtu jien biex tgħidli: “Ġorru fi ħdanek bħalma l-imraddgħa ġġorr tarbija fi ħdanha”, sakemm twasslu fl-art li int ħlift li tagħtiha lil missirijiethom? Mnejn se nġib jien il-laħam biex nagħtih lill-poplu kollu, li qegħdin jibkuli u jgħiduli: “Agħtina laħam x’nieklu!”. Ma niflaħx jien waħdi l-piż ta’ dan il-poplu kollu; tqil wisq għalija! Jekk int se timxi hekk miegħi, oqtolni; jekk sibt grazzja quddiemek, ma narax id-deni tiegħi!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 80 (81), 12-13.14-15.16-17

 

R/. (2a): Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa tagħna

 

Il-poplu tiegħi ma semax minni,

Iżrael ma riedx jaf bija.

Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta’ qalbhom,

biex imxew skont il-fehmiet tagħhom. R/.

 

Jekk il-poplu tiegħi jisma’ minni,

jekk Iżrael jimxi fi triqati,

minnufih inniżżel l-għedewwa tagħhom,

idi ndawwar fuq dawk li huma kontrihom. R/.

 

Dawk li jobogħduhom jersqu jitkaxkru quddiemhom;

din tkun xortihom għal dejjem.

U lilhom nitmagħhom b’qamħ mill-aħjar,

inxebbagħhom bl-għasel mill-blat. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 4b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

R/. Hallelujah

 

Jew meta taħbat is-sena A

 

Ġw 1, 49b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Rabbi, int l-Iben ta’ Alla,

inti s-sultan ta’ Iżrael!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.

Mt 14, 13-21

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom. Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”. U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet!”. “Ġibuhomli hawn”, qalilhom.

 

Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix, ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.

 

U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Jew meta taħbat is-sena A

 

Evanġelju

Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.

Mt 14, 22-36

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

Wara li l-folla kielet, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.

 

Id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!”.

 

Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. Ejja!”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu, qabdu, u qallu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?”.

 

Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”. Qasmu għan-naħa l-oħra u marru fl-art ta’ Ġennesaret. In-nies ta’ hemm għarfuh, u xerrdu l-aħbar ma’ dawk l-inħawi kollha. Bdew iressqulu quddiemu l-morda kollha u jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa; u dawk kollha li messewh fiequ.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu