Stampa t-test tal-qari ...


Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Tobit kien jimxi fit-triq tas-sewwa.

Tob 1, 3; 2, 1a-8

 

Qari mill-Ktieb ta’ Tobit

 

Jiena, Tobit, kont nimxi fit-triq tas-sewwa u l-ġustizzja l-jiem kollha ta’ ħajti, u kont nagħmel ħafna karità ma’ ħuti u ma’ ġensi, li kienu ġew miegħi fl-art tal-Assiri, f’Ninwè.

 

Mela fi żmien Sarkedon is-sultan, erġajt lura lejn dari, u reġgħu ngħaqdu miegħi marti Anna u ibni Tobija. Kienet il-festa tagħna ta’ Għid il-Ħamsin, il-festa tal-ġimgħat; dakinhar għamluli pranzu kbir u jien inxtħett biex niekol. Il-mejda kienet lesta, u ħejjewli ħafna ikel, u jien għedt lil ibni Tobija: “Mur ibni, u ara ssibx lil xi ħadd fqir minn ħutna l-itturufnati f’Ninwè, wieħed li jiftakar fil-Mulej b’qalbu kollu, u ġibu hawn biex jiekol magħna. Nistenniek, ibni, sa ma terġa’ tiġi”.

 

U Tobija mar ifittex lil xi ħadd fqir minn ħutna. Meta raġa’ lura Tobija qalli: “Missier!” “Hawn jien, ibni”, weġibtu; u hu wieġeb u qalli: “Ara, hemm wieħed minn niesna, qatluh u xeħtuh fis-suq; għadhom kif fgawh”. Qbiżt minn fejn kont, ħallejt il-pranzu bla ma doqt xejn, u mort ġbartu mit-triq, u ħadtu fi dwejra sa ma tgħib ix-xemx biex imbagħad nidfnu. Imbagħad erġajt lura lejn id-dar, inħsilt u kilt bid-diqa f’qalbi. Ftakart fil-kelma tal-profeta Għamos li kien qal għal Betel: “Il-festi tagħkom jinbidlu f’niket, u l-għana tagħkom kollu f’tinwiħ”. U nfexxejt nibki.

 

Malli niżlet ix-xemx, mort ħaffirt qabar u dfintu. Il-ġirien daħku bija u qalu: “Ma jibżax aktar! Darba kienu jfittxuh għall-mewt minħabba f’hekk u kellu jaħrab, u issa qiegħed jidfen

mill-ġdid”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 111 (112), 1-2.3-4.5-6

 

R/. (1a): Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej

 

Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej,

li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!

Setgħan fuq l-art ikun nislu;

nisel it-tajbin ikun imbierek. R/.

 

Ġid u għana jkunu f’daru;

għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;

twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa. R/.

 

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;

għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Apok 1, 5ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù Kristu, ix-xhud fidil, il-Kbir fost il-mejtin,

ħabbna u ħallna minn dnubietna

bis-saħħa ta’ demmu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Qabdu lil ibnu l-għażiż u qatluh, u xeħtuh barra mill-għalqa.

Mk 12, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù beda jkellem lill-qassisin, lill-kittieba u lix-xjuħ tal-poplu bil-parabboli: “Kien hemm raġel li ħawwel għalqa bid-dwieli; tella’ ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, bnielha torri, u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra. Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand dawk il-bdiewa biex jiġborlu mingħandhom is-sehem li kien imiss lilu mill-frott tal-għalqa. Iżda huma qabduh, sawtuh, u bagħtuh lura idu f’idu. Raġa’ bagħtilhom qaddej ieħor, u lil dan ukoll tawh fuq rasu u ġiebu ruħhom ħażin ħafna miegħu. Bagħtilhom ieħor, u lil dan qatluh. Hekk ukoll bosta oħrajn; lil xi wħud minnhom sawtuhom, u lil xi oħrajn qatluhom.

 

Kien baqagħlu wieħed ieħor, ibnu l-għażiż. Fl-aħħar bagħtilhom lilu. “Minn ibni jistħu!” qal. Iżda dawk il-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, u l-wirt tiegħu jaqa’ fuqna”. Qabduh u qatluh, u xeħtuh barra mill-għalqa.

 

X’jagħmel sid l-għalqa? Jiġi u jeqred il-bdiewa, u l-għalqa jqabbilha lil ħaddieħor. Anqas din l-Iskrittura ma qrajtu:

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka;

bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan;

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna?.

 

Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, għax fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom; imma beżgħu min-nies, u għalhekk ħallewh u telqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu