Stampa t-test tal-qari ...


L-Ewwel Ħadd tar-Randan

 

Qari I

Il-ħolqien ta’ Adam u Eva, u d-dnub tagħhom.

Ġen 2, 7-9; 3, 1-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja. U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-Lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar. U l-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel; u s-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.

 

Is-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: “Tassew li Alla qalilkom: “La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?”. U l-mara wieġbet lis-serp: “Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott li hemm f’nofs il-ġnien, Alla qalilna: “La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu”.

 

U s-serp qal lill-mara: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin”. U l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajrek biex tikseb id-dehen; u ħadet mill-frott u kielet. Imbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel. U nfetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu weraq tat-tin, u għamlu iħżma.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.5-6a.12-13. 14 u 17

 

R/. (ara 3a): Ħenn għalina Mulej, għaliex dnibna

 

Ikollok ħniena minni, O Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti;

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt,

u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt. R/.

 

Oħloq fija qalb safja, O Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

 

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Iftaħli xufftejja, Sidi,

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek. R/.

 

Qari II

Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja.

Rum 5, 12-19

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu. Kienet għada ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja: imma d-dnub ma kienx magħdud, ladarba Liġi ma kienx hemm. Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa Mosè, imqar fuq dawk li ma waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’ Adam, li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi. Imma d-don m’huwiex bħall-ħtija. Għax jekk permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra, aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra. U d-don anqas ma hu bħall-frott ta’ dak il-wieħed li dineb; għax tassew, il-ġudizzju mogħti fuq dnub wieħed, wassal sal-kundanna, iżda d-don mogħti wara ħafna dnubiet iwassal għall-ġustifikazzjoni. Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu.

 

Mela kif bil-ħtija ta’ wieħed waħdu waslet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha, hekk ukoll bl-opra tal-ġustizzja ta’ wieħed waslet lill-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni tal-ħajja. Għax kif bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Jew il-forma l-qasira

 

Qari II

Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja.

Rum 5, 12.17-19

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu. Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu. Mela kif bil-ħtija ta’ wieħed waħdu waslet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha, hekk ukoll bl-opra tal-ġustizzja ta’ wieħed waslet lill-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni tal-ħajja. Għax kif bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 4b

 

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Ġesù jsum għal erbgħin jum u jiġġarrab mix-xitan.

Mt 4,1-11

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, 1l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”.

 

Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”.

 

Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: “Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek”.

 

Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi”.

 

Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu