Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek.

Is 58, 7-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej:

Mhux dan is-sawm li jiena rrid

li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ,

u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf?

Mhux li tlibbes lil min tara għarwien,

u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?

 

Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek,

u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek.

Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek,

u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.

 

Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej;

jekk tgħajjatlu, jgħidlek: “Hawn jien!”

Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija,

ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni bi lsienek,

jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ,

u xxabba’ qalb l-imnikket,

imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam,

u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 111 (112), 4-5.6-7.8a.9

 

R/. (4a): Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin

 

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;

twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa. R/.

 

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;

għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu.

Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina;

qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej. R/.

 

Qalbu qawwija, m’għandux mniex jibża’.

Iqassam u jagħti lill-foqra;

għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;

rasu merfugħa bil-ġieħ. R/.

 

Qari II

Ħabbartilkom ix-xhieda ta’ Kristu msallab

1 Kor 2, 1-5

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u lil dan imsallab. Jiena ġejt għandkom dgħajjef, imbażża’ u mriegħed. Il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 8, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;

min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Intom id-dawl tad-dinja.

Mt 5, 13-16

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

 

Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu