Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Dawn huma l-festi tal-Mulej li fihom tagħmlu l-laqgħat imqaddsa.

Lev 23, 1.4-11.15-16.27.34b-37

 

Qari mill-Ktieb tal-Levitiku

 

U l-Mulej kellem lil Mosč u qallu: Dawn huma l-festi tal-Mulej, il-laqgħat imqaddsa li għandkom tniedu fi żmienhom.

 

Fl-ewwel xahar, fl-erbatax tax-xahar, filgħaxija bejn ħajta dawl u oħra dlam, l-Għid tal-Mulej. U fil-ħmistax-il jum tal-istess xahar issir il-festa tal-ħobż ażżmu lill-Mulej; għal sebat ijiem tieklu ħobż bla ħmira. Fl-ewwel jum ikollkom il-laqgħa mqaddsa, u ma tagħmlu ebda xogħol. Għal sebat ijiem toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej, u fis-seba’ jum issir laqgħa mqaddsa u ma tagħmlu ebda xogħol”.

 

U l-Mulej kellem lil Mosč u qallu: Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: “Meta tidħlu fl-art li jien se nagħtikom u taħsdu l-ħsad, ġibu l-ewwel qatta tal-ħsad lill-qassis. U hu jxejjirha quddiem il-Mulej, biex togħġbuh; ixejjirha l-għada tas-Sibt.

 

Għoddu seba’ ġimgħat sħaħ mill-għada tas-Sibt, u minn meta tkunu offrejtu l-qatta u xejjirtuha quddiem il-Mulej. Tgħoddu ħamsin jum sal-għada tas-seba’ Sibt; imbagħad iġġibu offerta ġdida tal-qamħ lill-Mulej.

 

Fl-għaxra ta’ dan is-seba’ xahar ikun Jum l-Espjazzjoni; ikollkom laqgħa mqaddsa, u tgħakksu ruħkom, u toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej.

 

Fil-ħmistax ta’ dan is-seba’ xahar, tagħmlu l-festa tal-Għerejjex għal sebat ijiem f’ġieħ il-Mulej. Fl-ewwel jum ikollkom laqgħa mqaddsa; ma tagħmlu ebda xogħol. Għal sebat ijiem toffru s-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; fit-tmien jum ikollkom laqgħa mqaddsa; dakinhar toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; tkun laqgħa solenni, ma tagħmlu ebda xogħol dakinhar.

 

Dawn huma l-festi tal-Mulej li għandkom tniedu, u fihom tagħmlu l-laqgħat imqaddsa, u toffru lill-Mulej il-vittmi bin-nar; is-sagrifiċċji tal-ħruq, l-offerti tal-qmuħ, sagrifiċċji u tiswib, kull ħaġa fil-jum tagħha”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 80 (81), 3-4.5-6ab.10-11ab

 

R/. (2a): Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa tagħna

 

Għollu leħen l-għana,

doqqu t-tnabar, doqqu ċ-ċetra ħelwa mal-arpa.

Doqqu t-tromba mal-qamar ġdid,

mal-qamar mimli f’jum il-festa tagħna. R/.

 

Għax dan hu kmandament għal Iżrael,

din liġi ta’ Alla ta’ Ġakobb.

Dan l-ordni hu tah lil Ġużeppi,

huwa u ħiereġ minn art l-Eġittu. R/.

 

Ma jkollokx alla ieħor f’nofskom,

tinxteħitx quddiem alla barrani.

Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,

li tellajtek mill-art tal-Eġittu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Piet 1, 25

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem:

din hi l-kelma tal-Evanġelju li kien imxandar lilkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Mnejn ġieh dan kollu?

Mt 13, 54-58

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesů mar lejn pajjiżu. Beda jgħallem lin-nies fis-sinagoga tagħhom, u huma baqgħu mistagħġba hekk li bdew jgħidu: “Mnejn ġieb dan l-għerf u din il-qawwa tal-għaġeb? Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Ommu mhijiex dik li jisimha Marija, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? U ħutu l-bniet mhumiex kollha magħna? Mnejn ġieh dan kollu?”. U tfixklu minħabba fih. Imma Ġesů qalilhom: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u daru stess”. U hemmhekk ma għamilx ħafna mirakli minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu