Stampa t-test tal-qari ...


It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Warrbu minni l-għajjat tal-għana tagħkom; ħallu l-ġustizzja tgelgel bħal wied ta’ dejjem.

Għam 5, 14-15.21-24

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

 

Fittxu l-ġid, u mhux id-deni,

jekk tridu tgħixu,

u l-Mulej, Alla tal-eżerċti,

ikun magħkom, bħalma għedtu.

Obogħdu d-deni u ħobbu l-ġid,

saħħu l-ġustizzja f’bieb il-belt;

u l-Mulej Alla tal-eżerċti

għandu mnejn iħenn għal fdal Ġużeppi.

Il-festi tagħkom sirt nobgħodhom u nistmerrhom,

ebda gost ma nsib fil-laqgħat tagħkom.

Meta tressquli quddiemi l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji tagħkom,

ma jogħġbunix,

u anqas biss inħares

lejn l-offerti tas-sliem tal-bhejjem imsemmna tagħkom.

Warrbu minni l-għajjat tal-għana tagħkom,

ma rridx nisma’ bid-daqq tal-arpi tagħkom!

Ħallu l-ġustizzja tgelgel bħall-ilma,

u s-sewwa bħal wied ta’ dejjem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 49 (50), 7.8-9.10-11.12-13.16bċ-17

 

R/. (23b): Lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla

 

Isma’, poplu tiegħi, għax se nitkellem,

Iżrael, għax se nixhed kontrik.

Jiena Alla, Alla tiegħek. R/.

 

Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek;

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.

Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek,

jew gidien mill-imrieħel tiegħek. R/.

 

Għax tiegħi huma l-bhejjem tax-xagħri,

eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.

Jien nagħraf it-tjur kollha tal-ajru,

taħt għajnejja kulma jimxi fir-raba’. R/.

 

Li kont bil-ġuħ, mhux se ngħid lilek,

għax tiegħi l-art u kulma fiha.

Huwa jien se niekol laħam il-gniedes,

jew nixrob id-demm tal-gidien? R/.

 

Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi,

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib,

u tixħet kliemi wara dahrek? R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġak 1, 18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Għax ried hu, il-Missier wilidna bil-kelma tal-verità,

biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?

Mt 8, 28-34

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù wasal ix-xatt l-ieħor, fil-pajjiż tal-Gadarin, u tnejn min-nies, maħkumin mix-xitan, ħarġu mill-oqbra u resqu fuqu. Kienu qliel wisq; ħadd ma kien jista’ jgħaddi bihom minn dik it-triq. U nfexxew jgħajtu u jgħidu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Bin Alla? Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?”. Mela ftit ’il bogħod minnhom kien hemm merħla kbira ta’ ħnieżer tirgħa. U x-xjaten talbu ħafna lil Ġesù u qalulu: “Jekk toħroġna, ibgħatna fil-merħla tal-ħnieżer”. Morru!”, qalilhom. Imbagħad ħarġu, u daħlu fil-ħnieżer, u l-merħla kollha nxteħtet mill-għoli tax-xaqliba għal ġol-baħar u nqerdet fl-ilma.

 

Ir-rgħajja ħarbu u marru l-belt ixerrdu l-aħbar ta’ kollox u ta’ kulma kien għadda minn għala l-imxajtna. U l-belt ħarġet bi ħġarha għal ħdejn Ġesù u kif rawh, bdew jitolbuh ħafna biex jibqa’ sejjer ’il barra minn pajjiżhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu