Stampa t-test tal-qari ...


Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Alla tana l-egħżeż u l-akbar ġid li kien wegħedna, biex bih tissieħbu fin-natura ta’ Alla.

2 Piet 1, 2-7

 

Bidu tat-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Grazzja lilkom u sliem bil-kotra, bis-saħħa tal-għarfien sħiħ tagħkom ta’ Alla u ta’ Ġesù Sidna. Is-setgħa tiegħu ta’ Alla tatna dak kollu li hu meħtieġ għall-ħajja u t-tieba, billi għarrfitnal Dak li sejħilna għall-glorja u l-qawwa tiegħu nnifsu. Bis-saħħa ta’ dawn huwa tana l-egħżeż u l-akbar ġid li kien wegħedna, biex bih – wara li tkunu ħlistu mit-taħsir li hawn fid-dinja ħtija tal-ġibdiet ħżiena – tissieħbu fin-natura ta’ Alla. Għalhekk, mela, kunu ħerqana biex iżżidu mal-fidi l-virtù, mal-virtù l-għerf; mal-għerf ir-rażna; mar-rażna s-sabar; mas-sabar it-tieba; mat-tieba l-ħbiberija tal-aħwa; mal-ħbiberija tal-aħwa l-imħabba.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 90 (91), 1-2.14-15ab.15ċ-16

 

R/. (2b): Alla tiegħi, jien fik nittama

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli,

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int,

Alla tiegħi, jien fik nittama”. R/.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu;

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu. R/.

 

Neħilsu u nerfagħlu ġieħu;

u b’għomor twil nimlieh,

nurih is-salvazzjoni tiegħi. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Apok 1, 5ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù Kristu, ix-xhud fidil, il-Kbir fost il-mejtin,

ħabbna u ħallna minn dnubietna

bis-saħħa ta’ demmu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Qabdu lil ibnu l-għażiż u qatluh, u xeħtuh barra mill-għalqa.

Mk 12, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù 1beda jkellem lill-qassisin, lill-kittieba u lix-xjuħ tal-poplu bil-parabboli: “Kien hemm raġel li ħawwel għalqa bid-dwieli; tella’ ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, bnielha torri, u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra. Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand dawk il-bdiewa biex jiġborlu mingħandhom is-sehem li kien imiss lilu mill-frott tal-għalqa. Iżda huma qabduh, sawtuh, u bagħtuh lura idu f’idu. Raġa’ bagħtilhom qaddej ieħor, u lil dan ukoll tawh fuq rasu u ġiebu ruħhom ħażin ħafna miegħu. Bagħtilhom ieħor, u lil dan qatluh. Hekk ukoll bosta oħrajn; lil xi wħud minnhom sawtuhom, u lil xi oħrajn qatluhom. Kien baqagħlu wieħed ieħor, ibnu l-għażiż. Fl-aħħar bagħtilhom lilu. “Minn ibni jistħu!” qal. Iżda dawk il-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, u l-wirt tiegħu jaqa’ fuqna”. Qabduh u qatluh, u xeħtuh barra mill-għalqa. X’jagħmel sid l-għalqa? Jiġi u jeqred il-bdiewa, u l-għalqa jqabbilha lil ħaddieħor. Anqas din l-Iskrittura ma qrajtu:

“Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka;

bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan;

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna”?”

 

Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, għax fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom; imma beżgħu min-nies, u għalhekk ħallewh u telqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu