Ir-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Bil-qawwa tal-fidi huma rażżnu saltniet. Alla rafa’ xi ħaġa aħjar għalina.
Lhud 11, 32-40
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, x’se ngħid iżjed? Ma nsibx żmien biżżejjed biex insemmi fuq Gidgħon, Barak, Sansun, Ġefti, David, Samwel u l-profeti. Bil-qawwa tal-fidi huma rażżnu saltniet, għamlu l-ġustizzja, kisbu l-wegħdiet; saddew ħalq l-iljuni, tfew il-qawwa tan-nar, ħelsu minn xifer is-sejf, fiequ mill-mard, tqawwew fit-taqbid, ħarrbu l-eżerċti tal-barranin. Nisa ħadu lura l-mejtin tagħhom irxuxtati mill-mewt. Oħrajn ħaqruhom għall-mewt, għax irruftaw il-ħelsien biex jiksbu qawmien aħjar. Oħrajn sofrew żebliħ u swat u saħansitra ktajjen u ħabs. Kienu mħaġġra, imħanxra minn nofshom, maqtula bis-sejf; ħarġu jiġġerrew imlibbsin bi ġlud tan-nagħaġ u tal-mogħoż, neqsin minn kollox, imħabbtin u maħqurin. Id-dinja ma kienx jixirqilha jkollha nies bħal dawn! Huma qagħdu jiġġerrew fid-deżert u fuq l-għoljiet, fl-għerien u fl-irkejjen tal-art. U dawn kollha, għad li qalgħu xhieda tajba bis-saħħa tal-fidi tagħhom, ma kisbux dak li kien imwiegħed, billi Alla rafa’ xi ħaġa aħjar għalina, bil-ħsieb li huma ma jaslux għall-perfezzjoni mingħajrna.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 30 (31), 20.21.22.23.24
R/. (25): Issaħħu u qawwu qalbkom,
intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej
Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej,
li inti rfajt għal min jibża’ minnek,
li int ħejjejt għal min jafda fik,
quddiem il-bnedmin kollha! R/.
Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom
kontra t-tnassis tal-bnedmin;
fl-għarix tiegħek taħbihom
kontra t-tqassis tal-ilsna. R/.
Imbierek il-Mulej
li minn belt qawwija
għamel miegħi għeġubijiet ta’ tieba. R/.
Jien għedt fil-fixla li kelli:
“Ninsab maqtugħ minn taħt għajnejk”.
Imma int smajt leħen it-tħannin tiegħi
meta sejjaħt l-għajnuna tiegħek. R/.
Ħobbu l-Mulej, ħbieb tiegħu kollha.
Lit-twajbin iħarishom il-Mulej,
imma jpattiha sewwa lil min jimxi bil-kburija. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 7, 16
Hallelujah. R/. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna,
u Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!
Mk 5, 1-20
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu 1waslu x-xatt l-ieħor tal-baħar u ġew fil-pajjiż tal-Gerasin. Kif niżel mid-dgħajsa, resaq fuqu wieħed, li ħareġ mill-oqbra, li kien maħkum minn spirtu ħażin. Dan kien jgħammar fl-oqbra, u ħadd ma kien jista’ jżommu marbut, anqas b’katina, għax bosta drabi laħqu rabtuh bix-xkiel u bil-ktajjen u hu kien jaqsam il-ktajjen u jkisser ix-xkiel, u ħadd ma kellu l-ħila jżommu. Lejl u nhar kien il-ħin kollu joqgħod qalb l-oqbra jew fuq il-muntanji, jixher u jqatta’ ġismu biż-żrar.
Kif lemaħ lil Ġesù mill-bogħod ġera lejh, inxteħet fl-art quddiemu, u għajjat b’leħen qawwi u qallu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Aħlifli fuq Alla li ma taħqarnix!” Għax kien qallu: “Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!”. Imbagħad staqsieh: “X’jismek?”. Wieġbu: “Leġjun jisimni għax aħna ħafna”. U beda jitolbu bil-ħerqa biex ma jkeċċihomx barra mill-pajjiż.
Mela kien hemm merħla kbira ta’ qżieqeż tirgħa mal-ġenb tal-għolja, u l-ispirti talbuh ħafna u qalulu: “Ibgħatna lejn il-qżieqeż ħa nidħlu fihom”. U ħalliehom imorru. L-ispirti ħżiena ħarġu, u daħlu fil-qżieqeż; u l-merħla, li kienet ta’ madwar elfejn ras, inxteħtet għal ġol-baħar mill-għoli tax-xaqliba u għerqet fil-baħar. Ir-rgħajja tagħhom ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet, u n-nies ġiet tara x’ġara. Ġew ħdejn Ġesù, u lil dak li qabel kien maħkum mix-xitan u li kellu l-leġjun ġo fih rawh bilqiegħda, liebes u moħħu f’sikktu, u baqgħu miblugħin bil-biża’. In-nies li raw il-ġrajja qalulhom x’kien għadda minn għala l-imxajtan u l-qżieqeż. Imbagħad bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom.
Kif kien tiela’ fuq id-dgħajsa, dak li qabel kien maħkum mix-xitan beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa’ miegħu. Iżda hu ma ħalliehx, u qallu: “Mur inġabar id-dar ma’ niesek, u għidilhom kulma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik”. Dak telaq, u beda jxandar fid-Dekapoli kemm kien għamel miegħu Ġesù. U kulħadd stagħġeb.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu