Stampa t-test tal-qari ...


Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu.

Fil 3, 3-8a

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ħuti, dawk li tassew għandhom iċ-ċirkonċiżjoni huma aħna; aħna li qegħdin naqdu lil Alla fl-Ispirtu u niftaħru fi Kristu Ġesù; aħna li ma nqegħdux il-fiduċja tagħna fil-ġisem, għad li jien nista’ nqiegħed il-fiduċja tiegħi fil-ġisem. Jekk hemm xi ħadd li għandu għax iqiegħed it-tama tiegħu fil-ġisem, jiena għandi aktar minnu: ta’ tmint ijiem għamluli ċ-ċirkonċiżjoni, twelidt fil-poplu ta’ Iżrael, mit-tribù ta’ Benjamin, Lhudi mil-Lhud, Fariżew fl-osservanza tal-Liġi; biż-żelu li kelli, ippersegwitajt il-Knisja; għal dik li hi ġustizzja tal-Liġi, ħadd ma sata’ jgħid xejn fija. Imma dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 104 (105), 2-3.4-5.6-7

 

R/. (3b): Tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej

jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għannulu u doqqulu,

xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.

Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;

tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej. R/.

 

Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,

fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu.

Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,

fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu. R/.

 

Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,

ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,

Jaħweh hu Alla tagħna!

Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,

u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ikun hemm ferħ fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.

Lq 15, 1-10

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħu lil Ġesù. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”.

 

U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli”. Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.

 

Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli”. Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu