Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnejn u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Il-Kelma tal-Mulej saret għalija tagħjir u tmaqdir kuljum.

Ġer 20, 7-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt:

kont aqwa minni, u għelibtni.

Jien sirt id-daħka ta’ kuljum,

kulħadd jiddieħak bija.

Kull meta niġi nitkellem, jien ngħajjat,

u nxandar, “Moħqrija u ħsara!”.

Il-kelma tal-Mulej saret għalija

tagħjir u tmaqdir kuljum.

U jien għedt: “Ma nsemmihx aktar,

ma nitkellimx aktar f’ismu”.

Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad,

magħluq f’għadmi.

Għejejt inżommu magħluq ġo fija,

ma niflaħx aktar għalih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 62 (63), 2.3-4.5-6.8-9

 

R/. (2b): Għalik imxennaq jiena, Mulej, Alla tiegħi

 

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.

Ruħi bil-għatx għalik,

għalik imxennaq jiena,

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.

 

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. R/.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;

ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. R/.

 

Għax int kont għajnuna għalija,

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi,

int tweżinni bil-leminija tiegħek. R/.

 

Qari II

Offru ġisimkom bħala vittma safja.

Rum 12, 1-2

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu ttajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Efes 1, 17-18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu,

jagħtikom spirtu ta’ għerf,

biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu.

Mt 16, 21-27

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.

 

Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.

 

Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu