Stampa t-test tal-qari ...


3 ta’ Lulju

San Tumas, Appostlu

Festa

 

Qari I

Ef 2: 19-22

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pietru Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti: Ma għandkomx aktar barranin u għorba, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti, fejn Kristu Ġesù hu l-ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu, marbut sewwa, jitla’ f’tempju qaddis il-Mulej; fih, intom ukoll, fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

116

 

R/. Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba!

 

Faħħru l-Mulej, ġnus kollha,

sebbħuh, popli kollha. R/.

 

Għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina,

il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.  R/.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

ara Ġw 20:29

 

R/. Hallelujah

Emmint, Tumas, għax rajtni, jgħid il-Mulej;

henjin dawk li ma rawx u emmnu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġw 20:24-29

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Wieħed mit-Tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer, jekk ma nqegħidx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jiena ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa u Tumas kien magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Il-paċi magħkom”! Imbagħad qal lil Tumas: “Newwel sebgħek ’l hawn u ara jdejja, u ġib idek u qegħidha fuq ġenbi: qis li ma tonqosx fik il-fidi, iżda emmen”. Wieġbu Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”! Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.