Stampa t-test tal-qari ...


L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent

It-Tnejn

 

Qari I

Il-Mulej jiġma’ l-ġnus kollha fis-sliem tas-saltna ta’ Alla għal dejjem.

Iż 2, 1-5

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Il-kelma li ġiet f’dehra lil Isaija bin Amos, dwar Ġuda u Ġerusalemm.

Għad jiġri fl-aħħar jiem

li l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji,

u tintrefa ’l fuq mill-għoljiet,

lejha għad jiġru l-ġnus kollha.

Kotra ta’ popli għad jiġu u jgħidu:

“Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej,

lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakobb,

biex jgħallimna triqatu,

u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.

Għax minn Sijon joħroġ it-tagħlim,

u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm”.

Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus,

u jaqta’ s-sentenza bejn ħafna popli;

u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet,

u l-lanez tagħhom fi mnieġel.

Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor,

u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.

Ejja, dar Ġakobb,

ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

fis-sena A

 

Qari I

Fuq in-nies miġmugħa tinfirex il-glorja.

ara Iż 4, 2-6

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Dakinhar ir-rimja tal-Mulej tkun ġmiel u glorja, u l-frott tal-art ikun kburija u żîna tal-fdal ta’ Iżrael. U jiġri li min jibqa’ f’Sijon u min jitħalla f’Ġerusalemm, qaddis jissejjaħ, min hu miktub għall-ħajja f’Ġerusalemm.

 

Meta Sidi jkun naddaf il-ħmieġ tal-bniet ta’ Sijon, u ħasel id-dmija ta’ Ġerusalemm minn ġo nofsha b’ruħ il-ġustizzja u b’riħ il-qerda, joħloq il-Mulej fuq il-medda kollha tal-muntanja ta’ Sijon, u fuq in-nies miġmugħa fiha sħaba binhar u duħħan, u dija ta’ nar iħeġġeġ billejl, għax fuq kollox tinfirex il-glorja bħal għarix għad-dell mis-sħana binhar u kenn u lqugħ mill-irwiefen u x-xita.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 121 (122), 1-2.3-4a. 4b-5.6-7.8-9

 

R/. (ara 1): Immorru ferħana f’dar il-Mulej

 

Fraħt meta qaluli:

Sejrin f’dar il-Mulej!”

Diġà qegħdin riġlejna

fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.

 

Ġerusalemm, mibnija bħal belt,

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu,

it-tribujiet tal-Mulej. R/.

 

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm:

Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek,

u l-ġid fil-palazzi tiegħek. R/.

 

Minħabba ħuti u ħbiebi,

ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”.

Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna,

nixtieq illi jkollok il-ġid. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 79 (80), 4

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Mulej, Alla tagħna, ejja ħa teħlisna:

itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fis-Saltna tas-Smewwiet.

Mt 8, 5-11

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa u jgħidlu: “Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq”. Qallu Ġesù: “Niġi jien infejqu”. Qallu ċ-ċenturjun: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq. Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu: “Mur!”, u jmur; lil ieħor ngħidlu: “Ejja!”, u jiġi;

u lill-ilsir tiegħi ngħidlu: “Agħmel dan!”, u jagħmlu”. Ġesù baqa’ mistagħġeb meta sama’ dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: “Tassew, ngħidilkom, f’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din. Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu