Stampa t-test tal-qari ...


L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

 

Qari I

Intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa.

Ġer 33, 14-16

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Ara, għad jiġu jiem

– oraklu tal-Mulej –

meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda

l-ġid li wegħedthom.

F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien

intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa,

bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż.

F’dawk il-jiem Ġuda jinħeles

u Ġerusalemm tgħammar b’moħħha mistrieħ,

u għalhekk isejħulha:

Il-Mulej is-sewwa tagħna.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 24 (25), 4bċ-5ab. 8-9.10.14

 

R/. (1b): Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej

 

Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

 

Tajjeb u sewwa l-Mulej;

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

 

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà

għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.

Midħla l-Mulej ta’ dawk li jibżgħu minnu,

lilhom jgħarraf il-patt tiegħu. R/.

 

Qari II

Il-Mulej iqawwilkom qalbkom għal meta jiġi Sidna Ġesù.

1 Tess 3, 12 – 4, 2

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

 

Ħuti, jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna, għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu.

 

Fl-aħħar, ħuti, intom tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f’Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed. Tafu x’tagħlim tajniekom permezz ta’ Sidna Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 84 (85), 8

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,

u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Lq 21, 25-28.34-36

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

 

Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib. Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu