L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent
Il-Ġimgħa
Qari I
Dakinhar għajnejn l-għomja jaraw.
Iż 29, 17-24
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Dan jgħid il-Mulej Alla:
“Ftit ieħor, jerġa’ jsir bħal ġnien il-Libanu,
u l-ġnien jitqies bħall-masġar!
U dakinhar it-torox jisimgħu kliem il-ktieb;
u, meħlusin mis-swied u d-dlam,
għajnejn l-għomja jaraw;
u l-imsejknin jifirħu fil-Mulej,
u l-fqajrin fost il-bnedmin jaqbżu bil-ferħ bil-Qaddis ta’ Iżrael.
Għax it-tirann għab, u l-insolenti ntemm,
u tqaċċtu dawk kollha li jfittxu d-dnewwa;
li jwaqqgħu l-ħtija fuq ħaddieħor,
u jonsbu n-nassa lill-imħallef fil-bieb,
u jwarrbu l-ġust għal kull xejn.
Għalhekk dan jgħid il-Mulej;
hu li feda lil Abraham, lid-dar ta’ Ġakobb:
“Ma jistħix aktar Ġakobb, u wiċċu aktar ma jisfarx.
Għax meta jara lil uliedu, l-opra ta’ jdejja f’nofsu,
iqaddsu ismi; iqaddsu l-qaddis ta’ Ġakobb,
u jibżgħu minn Alla ta’ Iżrael.
U dawk li jiżbaljaw f’ruħhom, jiksbu d-dehen,
u dawk li jgemgmu, jiksbu t-tagħlim”.“
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 26 (27), 1.4.13-14
R/. (1a): Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer? R/.
Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,
ħaġa waħda nfittex:
li ngħammar f’dar il-Mulej
tul il-jiem kollha ta’ ħajti;
biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej
jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. R/.
Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej
f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Mulej ġej, oħorġu ilqgħuh:
hu d-dawl tad-dinja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Żewġ għomja jitfejqu għax jemmnu fil-Mulej.
Mt 9, 27-31
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien sejjer minn hemm marru warajh żewġ għomja jgħajtu u jgħidu: “Bin David, ħenn għalina!”. Meta mbagħad daħal id-dar, l-għomja resqu lejh u Ġesù qalilhom: “Temmnu intom li jien nista’ nagħmlu dan?”. Qalulu: “Iva, Mulej”. Imbagħad messilhom għajnejhom u qal: “Mela ħa jsirilkom skont il-fidi tagħkom”. U għajnejhom infetħulhom. Ġesù widdibhom bis-sħiħ u qalilhom: “Qisu li ħadd ma jsir jaf b’dan”. Iżda dawk ħarġu u bdew ixerrdu l-fama tiegħu ma’ dak il-pajjiż kollu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu