Stampa t-test tal-qari ...


It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Għax kibru ħtijietek jien ġibt dan fuqek. Araw, se nbiddel ix-xorti ta’ tined Ġakobb.

Ġer 30, 1-2.12-15.18-22

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mill-Mulej:

Dan jgħid il-Mulej Alla ta’ Iżrael:

ikteb fi ktieb il-kliem kollu li għedtlek.

Ma hemmx fejqan għalik;

il-ġerħa tiegħek ma tiddewwiex.

Ma hemmx min jieħu f’idejh il-kawża tiegħek;

għal ġerħitek m’għandekx duwa u fejqan.

Ħbiebek kollha nsewk,

mhumiex ifittxuk.

Għax minħabba l-kotra ta’ dnubietek sawwattek

bħallikieku kont l-għadu tiegħek,

widdibtek bl-aħrax,

għax kibru qatigħ ħtijietek.

Għalfejn tgħajjat bil-ġerħa tiegħek?

Ma tfiqx mit-tbenġil tiegħek;

minħabba l-kotra ta’ dnubietek;

għax kibru ħtijietek jien ġibt dan fuqek.

Hekk jgħid il-Mulej:

Araw, se nbiddel ix-xorti ta’ tined Ġakobb,

se nħenn għall-għerejjex tiegħu.

Il-belt tinbena fuq l-għolja tagħha;

jerġa’ jitla’ l-palazz fejn kien,

u minnhom joħroġ għana ta’ radd il-ħajr

u għana ta’ ferħ.

Inkattarhom, u ma jkunux ftit;

inkabbarhom u ma jiċkinux.

U wliedhom ikunu bħal qabel,

u quddiemi tinġabar ġemgħathom.

Jien nikkastiga l-għakkiesa tagħhom.

U l-prinċep tagħhom ikun wieħed minnhom;

u l-mexxej tagħhom joħroġ minn nofshom.

Jien irressqu lejja u hu jersaq lejja;

għax min se jissogra jersaq lejja minn rajh?

Oraklu tal-Mulej.

U intom tkunu l-poplu tiegħi,

u jien inkun l-Alla tagħkom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 101 (102), 16-18.19-21.29 u 22-23

 

R/. (17): Il-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon, u jidher fis-sebħ tiegħu

 

Ħa jkollhom il-ġnus il-biża’ ta’ ismek, Mulej,

u s-slaten kollha tal-art il-biża’ tas-sebħ tiegħek,

meta l-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon,

u jidher fis-sebħ tiegħu.

U jisma’ t-talb tal-mitluqin,

ma jistmellx it-talb tagħhom. R/.

 

Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,

u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.

Il-Mulej iħares ’l isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu,

u jittawwal mis-sema lejn l-art,

biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,

biex jeħlesil dawk li huma għall-mewt. R/.

 

Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom;

nisilhom jibqa’ għal dejjem quddiemek.

U hekk jixxandar f’Sijon isem il-Mulej,

u f’Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,

meta l-popli flimkien jinġemgħu,

u saltniet biex jaqdu l-Mulej. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 1, 49b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Rabbi, int l-Iben ta’ Alla,

inti s-sultan ta’ Iżrael!

R/. Hallelujah

 

Jew meta taħbat is-sena A

 

ara Atti 16, 14b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iftħilna qalbna Mulej,

biex nifhmu dak li jgħidilna Ibnek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.

Mt 14, 22-36

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

Wara li l-folla kielet, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu. Id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. Ejja!”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu, qabdu, u qallu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?”.

 

Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”. Qasmu għan-naħa l-oħra u marru fl-art ta’ Ġennesaret. In-nies ta’ hemm għarfuh, u xerrdu l-aħbar ma’ dawk l-inħawi kollha. Bdew iressqulu quddiemu l-morda kollha u jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa; u dawk kollha li messewh fiequ.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Jew meta taħbat is-sena A

 

Evanġelju

Kull siġra li ma ħawwilhiex Missieri li hu fis-smewwiet tinqala’.

Mt 15, 1-2.10-14

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, xi Fariżej u kittieba minn Ġerusalemm resqu fuq Ġesù u qalulu: Dan l-għala d-dixxipli tiegħek jiksru t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna? Għax huma ma jaħslux idejhom qabel ma jieklu!”. Imbagħad sejjaħ lill-folla lejh u qalilhom: “Isimgħuni u ifhmuni!”. Mhux dak li jidħol mill-fomm itebba’ lill-bniedem, imma dak li joħroġ mill-fomm, dan hu li jtebba’ lill-bniedem!”. Resqu lejh imbagħad id-dixxipli u qalulu: “Taf li l-Fariżej skandalizzaw ruħhom meta semgħu din il-kelma?”. Iżda hu weġibhom: “Kull siġra li ma ħawwilhiex Missieri li hu fis-smewwiet tinqala’ mill-għeruq. Ħalluhom: dawk għomja mexxejja tal-għomja; jekk agħma jmexxi lil agħma ieħor, it-tnejn jaqgħu ġol-ħofra!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu