Stampa t-test tal-qari ...


It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Il-Mulej bagħat ix-xita fuq Sodoma u Gomorra, xita ta’ kubrit u nar.

Ġen 19, 15-29

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, malli beda jisbaħ, l-anġli bdew jgħaġġlu lil Lot u jgħidulu: “Qum, aqbad lil martek u ż-żewġt ibniet tiegħek, li hawn miegħek, li ma tinqeridx fil-kastig tal-belt ta’ Sodoma”. Lot beda jitnikker; imma dawk l-irġiel qabduh minn idu, lilu, lil martu u ż-żewġt ibniet tiegħu, minħabba l-ħniena tal-Mulej għalih; u ħarġuh, u wassluh ’il barra mill-belt.

 

U malli ħarġuhom ’il barra qalulhom: “Aħrab, għax hemm ħajtek fin-nofs. La tħarisx warajk u anqas tieqaf imkien f’dawn l-inħawi. Aħrab lejn l-għoljiet li ma tinqeridx”. U Lot qalilhom: “Le, Sidi! Ara, s’issa sab ħniena f’għajnejk il-qaddej tiegħek, u kbira l-ħniena li wrejt miegħi biex salvajtli ħajti. Imma jiena ma nistax naħrab lejn l-għoljiet bla ma tilħaqni l-ħsara u mmut. Ara, hawn din il-belt fil-qrib, ħa nistkenn hemm, belt żgħira hi. Ħalli naħrab u nistkenn hemm – mhix belt żgħira? – u nsalva ħajti”. U wieġbu: “Ara jien se naqtagħlek xewqtek f’din il-ħaġa wkoll; m’iniex se neqred il-belt li għedtli. Fittex aħrab hemmhekk, għax ma nista’ nagħmel xejn qabel ma tasal hemm”. Għalhekk semmew dik il-belt Sogħar.

 

U x-xemx kienet tielgħa fuq l-art, meta Lot wasal Sogħar. U l-Mulej bagħat ix-xita fuq Sodoma u Gomorra, xita ta’ kubrit u nar mis-smewwiet mingħand il-Mulej. U qered dawk l-ibliet u l-inħawi kollha ta’ madwarhom, u ’l kull min kien jgħammar fihom, u l-ħdura kollha tal-art. U l-mara ta’ Lot ħarset lura, minn warajh, u saret plier tal-melħ.

 

U Abraham qam filgħodu kmieni u rħielha lejn il-post fejn kien qagħad quddiem il-Mulej. U ħares lejn Sodoma u Gomorra, u fuq l-art kollha ta’ madwarhom, u ra li kien tiela’ duħħan mill-art, bħad-duħħan ta’ forn.

 

Meta Alla qered l-ibliet tal-wita, Alla ftakar f’Abraham u ħareġ lil Lot minn nofs il-qerda, meta qered l-ibliet, li fihom kien jgħammar Lot.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 25 (26), 2-3.9-10.11-12

 

R/. (3a): Tjubitek, Mulej, hi quddiem għajnejja

 

Ġarrabni, Mulej, u għarbilni,

iflili moħħi u qalbi.

Tjubitek quddiem għajnejja,

imxejt skont is-sewwa tiegħek. R/.

 

Tgħoddnix man-nies midinba,

anqas ma’ min ixerred id-dmija;

dawk li għandhom f’idejhom il-ħażen,

u f’leminthom rigali qarrieqa. R/.

 

Iżda jien nimxi bla ħtija;

eħlisni int, u ħenn għalija.

Jien b’riġli wieqaf fil-wita;

fil-ġemgħat, Mulej, lilek inbierek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 129 (130), 5

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien lill-Mulej nistenna,

ruħi f’kelmtu tittama.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Qam, ordna lill-irjieħ u lill-baħar, u waqgħet kalma kbira.

Mt 8, 23-27

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesů tala’ fuq dgħajsa, u d-dixxipli marru warajh. U qamet taqliba kbira fuq il-baħar, hekk li l-mewġ beda jgħatti d-dgħajsa; iżda hu kien rieqed. Id-dixxipli resqu fuqu, qajmuh u qalulu: “Salvana, Mulej! Se nintilfu!”. U qalilhom: “Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?”. Imbagħad qam, ordna lill-irjieħ u lill-baħar, u waqgħet kalma kbira. Dawk stagħġbu, u bdew jgħidu: “Dan xi bniedem hu, biex sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu