Stampa t-test tal-qari ...


It-Tielet Ġimgħa tal-Għid

It-Tlieta

 

Qari I

Mulej Ġesù, ilqa’ r-ruħ tiegħi.

Atti 7, 51 – 8, 1a

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Stiefnu qal lill-poplu, lix-xjuħ u lill-kittieba: Ja nies ta’ ras iebsa, intom għalaqtu qalbkom u saddejtu widnejkom, u dejjem waqaftulu lill-Ispirtu s-Santu. Kif għamlu missirijietkom, qegħdin tagħmlu intom ukoll. Lil min mill-profeti ma ppersegwitawx missirijietkom? Huma qatlu lil dawk li ħabbru minn qabel il-miġja ta’ dak il-Ġust li issa intom stess ittradejtuh u qtiltuh, intom, li rċevejtu l-Liġi minn idejn l-anġli, u ma ħaristuhiex”.

 

Meta semgħu dan, ħassew kliemu jinfdilhom qalbhom u bdew jgħażżu snienhom kontra Stiefnu. Imma hu, mimli bl-Ispirtu s-Santu u b’għajnejh fis-sema, ra l-glorja ta’ Alla u lil Ġesù qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. U qal: “Ara, qiegħed nara s-sema miftuħ u lil Bin il-bniedem fil-lemin ta’ Alla”.

 

U huma nfexxew jgħajtu kemm jifilħu u jsoddu widnejhom. Imbagħad intefgħu fuqu lkoll f’daqqa, kaxkruh ’il barra mill-belt u qabdu jħaġġruh. Ix-xhieda qiegħdu ħwejjiġhom f’riġlejn żagħżugħ jismu Sawl.

 

Lil Stiefnu qabdu jħaġġruh huwa u jitlob u jgħid: “Mulej Ġesù, ilqa’ r-ruħ tiegħi”. Imbagħad niżel għarkupptejh u għajjat b’leħen għoli: “Mulej, tgħoddulhomx dan id-dnub”. U kif qal hekk, miet.

 

Sawl kien fehma waħda magħhom fil-mewt li tawh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 30 (31), 3ċd-4. 6ab u 7b u 8a. 17 u 21ab

 

R/. (6a): Mulej, f’idejk jien nerħi ruħi

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Kun blata tal-kenn għalija,

fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi;

f’ġieħ ismek mexxini u wassalni. R/.

 

F’idejk jien nerħi ruħi;

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

Imma jien fil-Mulej nittama.

Nifraħ u nithenna għat-tieba tiegħek. R/.

 

Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek;

fit-tieba tiegħek eħlisni.

Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom

kontra t-tnassis tal-bnedmin. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 6, 35ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, jgħid il-Mulej.

Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mhux Mosè iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema.

Ġw 6, 30-35

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, in-nies staqsew lil Ġesù: X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel? Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub: “Tahom jieklu ħobż mis-sema”.

 

Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja”.

 

Qalulu huma: “Sinjur, agħtina dejjem minn dan il-ħobż”. Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu