Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Kotra ta’ popli jiġu jfittxu l-Mulej tal-eżerċti f’Ġerusalemm.

Żak 8, 20-23

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija

 

Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: “Għad jiġu popli u nies li jgħammru fi bliet kbar, u n-nies ta’ belt imorru għand dawk ta’ belt oħra u jgħidulhom: “Imxu, ejjew immorru għand il-Mulej nitolbuh ħniena u nfittxu l-Mulej tal-eżerċti; ngħid għalija, sejjer jien ukoll”. U kotra ta’ popli u ġnus qawwija jiġu jfittxu l-Mulej tal-eżerċti f’Ġerusalemm u jitolbu l-ħniena tal-Mulej”.

 

Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: “F’dawk il-jiem għaxart irġiel mill-ilsna kollha tal-ġnus jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-libsa tiegħu, u jgħidulu: “Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom””.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 86 (87), 1-3.4-5.6-7

 

R/. (Żak 8, 23): Alla hu magħna

 

Il-Mulej bena ’l Sijon fuq l-għoljiet imqaddsa;

hu jħobb il-bibien tagħha

aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.

O belt ta’ Alla,

ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek! R/.

 

Ngħodd ’il Raħab u ’l Babilonja

ma’ dawk li jagħrfuni.

Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja,

dawn twieldu hemm.

U għal Sijon jingħad:

“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!

U Alla l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha”. R/.

 

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli:

“Dan twieled hemm”.

U jgħannu, huma u jiżfnu,

dawk kollha li jgħammru fik. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 10, 45

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Bin il-bniedem ġie biex jaqdi

u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

B’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm.

Lq 9, 51-56

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, Ġesù b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”. Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu