Stampa t-test tal-qari ...


It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin?

Ġen 18, 16-33

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Dawk l-irġiel mistiedna ta’ Abraham, qamu minn hemm, u dawru wiċċhom lejn Sodoma; u Abraham mar magħhom biex iqabbadhom it-triq.

 

U l-Mulej qal: “Se nibqa’ naħbi x’se nagħmel minn Abraham? Għax Abraham għad ikun ġens kbir u qawwi, u bih jitbierku l-ġnus kollha tal-art. Jiena ħtartu sabiex iwissi lil uliedu u lil daru warajh biex iżommu fit-triq tal-Mulej u jagħmlu l-ħaqq u s-sewwa, u b’hekk il-Mulej iġib fuq Abraham kulma wiegħdu”.

 

U l-Mulej qal: “Hemm l-għajta qawwija ta’ Sodoma u Gomorra u t-toqol kbir ta’ dnubhom. U issa se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skont l-għajta tagħhom li waslet għandi. Jekk le, inkun naf”.

 

Dawk l-irġiel kisru minn hemm, u rħewlha lejn Sodoma; imma l-Mulej baqa’ wieqaf quddiem Abraham. U Abraham resaq lejn il-Mulej u staqsieh: “U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin? U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f’nofsha? Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti! Ma jkun qatt minnek, l-imħallef tal-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja”. U l-Mulej wieġeb: “Jekk jiena nsib ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom”.

 

U wieġeb Abraham u qal: “Arani, jien issugrajt nitkellem mal-Mulej, għalkemm jien trab u rmied. U jekk hemm nieqsa ħamsa għall-ħamsin ġust, minħabba ħamsa u erbgħin se teqred il-belt kollha?”. U wieġbu l-Mulej: “Ma neqridhiex jekk insib fiha ħamsa u erbgħin”. Imma Abraham kompla jitkellem miegħu u jgħidlu: “U jekk issib hemm erbgħin?”. U wieġbu: “Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin”.

 

U qallu: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem: u jekk jinstabu tletin?”. U hu wieġeb: “Ma nagħmilx dan, jekk insib hemm tletin”. U raġa’ qallu: “Ara kif nissogra nkellem lil Sidi: U jekk jinstabu hemm għoxrin?”. U l-Mulej wieġeb: “Ma neqridhiex minħabba l-għoxrin”.

 

U wieġeb: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem darba oħra biss: U jekk jinstabu hemm għaxra?”. U hu qallu: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra”.

 

U malli l-Mulej temm jitkellem ma’ Abraham, il-Mulej telaq, u Abraham raġa’ lura lejn daru.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 102 (103), 1-2.3-4.8-9.10-11

 

R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tieba u l-ħniena. R/.

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma joqgħodx jitlewwem magħna,

u anqas jinkorla għal dejjem. R/.

 

Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;

ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna.

Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,

hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95), 8ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Illum la twebbsux qalbkom,

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Imxi warajja.

Mt 8, 18-22

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, meta ra ruħu mdawwar b’ħafna nies, Ġesù ordna li jaqsmu għax-xatt l-ieħor. Imbagħad resaq fuqu wieħed mill-kittieba u qallu: “Mgħallem, tmur fejn tmur, jiena niġi warajk”. Imma Ġesù wieġbu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”.

 

Ieħor, wieħed mid-dixxipli, qallu: “Mulej, ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri”. Ġesù wieġbu: “Imxi warajja, u ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu