Stampa t-test tal-qari ...

It-Tlettax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Minħabba l-għira tax-xitan li l-mewt daħlet fid-dinja.

Għerf 1, 13-15; 2, 23-24

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

Il-mewt mhux Alla għamilha;

u lanqas togħġbu l-qerda tal-ħajjin.

Hu ħalaq kollox biex jgħix;

għall-ħajja huma l-ħlejjaq tad-dinja,

m’hemmx fihom velenu tal-mewt.

Is-saltna tal-mewt ma taħkimx fuq l-art,

għax il-ġustizzja ma taqax taħt il-mewt.

Alla ħalaq il-bniedem biex ma jmutx,

u għamlu xbieha tiegħu nnifsu.

Bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja;

u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 29 (30), 2.4.5-6.11.12a.13b

R/. (2a): Ngħollik, Mulej, għax erfajtni

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,

u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.

Mulej, tellajtli mill-mewt ’il ruħi,

ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. R/.

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,

faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,

iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.

Filgħaxija jidħol il-biki,

filgħodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ. R/.

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;

kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.

Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,

Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! R/.

Qari II

Iż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes tal-aħwa li ma għandhomx.

2 Kor 8, 7.9.13-15

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, bħalma intom għonja f’kollox, fil-fidi u fil-kelma, fl-għerf u fiż-żelu kollu, fl-imħabba li aħna rawwimna f’qalbkom, hekk għandkom tistagħnu f’din il-ħidma ta’ ħniena. Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

Mhux biex il-piż iħeff minn fuq l-oħrajn u jaqa’ kollu fuqkom, imma kulħadd indaqs. Bħalissa ħallu ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes ta’ dawk li ma għandhomx, biex iż-żejjed tagħhom għad ikun jista’ jpatti għan-nieqes tagħkom. U hekk ikun kulħadd indaqs, bħalma hu miktub: “Min ġabar ħafna ma sabx iż-żejjed, u min ġabar ftit ma baqax bin-nieqes”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!

Mk 5, 21-43

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar.

Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa”. F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha.

Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?” Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?” Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. U qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek”.

Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?”. Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen”. U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.

Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” – jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!” Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Jew il-forma qasira

Evanġelju

Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!

Mk 5, 21-24.35b-43

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

U waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?” Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen”. U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.