It-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Kunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta.
1 Piet 4, 7-13
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, qrib hu t-tmiem ta’ kollox; għalhekk kunu għaqlin u meqjusin biex tagħtu ruħkom għat-talb. Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet. Ilqgħu ’l xulxin bla tgergir. Kull wieħed minnkom jgħix skont id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn; hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta. Jekk xi ħadd għandu d-don tal-kelma, jipprietka l-kliem ta’ Alla; jekk xi ħadd għandu d-don tal-ministeru, iħaddmu bis-setgħa li Alla tah, u hekk f’kollox ikun igglorifikat Alla b’Ġesù Kristu, li tiegħu huma l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem! Ammen!
Ħuti għeżież, tistagħġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom, bħallikieku ġratilkom xi ħaġa mhux tas-soltu. Imma ifirħu, għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fittbatijiet ta’ Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 95 (96), 10.11-12.13
R/. (13ab): Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja
Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”
Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;
hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.
Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,
u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk
quddiem il-Mulej, għax ġej. R/.
Il-Mulej ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 15, 16
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien għażilt lilkom, jgħid il-Mulej,
biex tmorru tagħmlu l-frott
u l-frott tagħkom jibqa’.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Id-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha. Emmnu f’Alla!
Mk 11, 11-26
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Wara d-daħla messjanika f’Ġerusalemm, Ġesù baqa’ sejjer fit-tempju, ta ħarsa madwaru, u mbagħad, billi kien ġa sar il-ħin, ħareġ biex imur Betanja mat-Tnax. L-għada, kif ħarġu minn Betanja, ħadu l-ġuħ. Mill-bogħod lemaħ siġra tat-tin kollha weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif resaq ħdejha, ma sabilha xejn ħlief weraq, għax it-tin kien għadu mhuwiex żmienu. U qalilha: “Qatt iżjed ma jkun hawn min jiekol frott minnek għal li ġej!” U d-dixxipli tiegħu semgħuh.
U waslu Ġerusalemm. Kif daħal fit-tempju, qabad ikeċċi l-bejjiegħa u x-xerrejja li kien hemm fit-tempju, qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u s-siġġijiet ta’ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem, u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b’xi ħaġa jaqsam mit-tempju. U beda jgħallimhom u jgħidilhom: “Ma hemmx miktub: li d-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha? Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!”. Dan wasal f’widnejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u bdew jaraw x’jagħmlu biex jeqirduh; għax huma kienu jibżgħu minnu, billi l-poplu kollu kien mimli bil-għaġeb għat-tagħlim tiegħu.
Filgħaxija mbagħad ħarġu barra mill-belt. Filgħodu kmieni, huma u għaddejjin minn hemm, raw is-siġra tat-tin imnixxfa sa mill-għeruq. Pietru ftakar, u qallu: “Ara Rabbi, it-tina li sħett int nixfet”. U Ġesù wieġeb u qalilhom: “Emmnu f’Alla! Tassew ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja: “Intrefa’ u nxteħet il-baħar”, bla ma joqgħod jitħasseb f’qalbu imma jemmen li dak li jgħid ikun se jsir, isirlu żgur. Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom. U meta tkunu weqfin titolbu, jekk ikollkom xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfru, biex ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu