Stampa t-test tal-qari ...


Is-Seba’ Ġimgħa tal-Għid

Il-Ħamis

 

Qari I

Jeħtieġ li tagħti xhieda f’Ruma.

Atti 22, 30; 23, 6-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, billi l-fizzjal ried jaf sewwa biex il-Lhud kienu qegħdin jakkużaw lil Pawlu, l-għada ħallu mill-irbit u ordna li jiltaqgħu l-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu; imbagħad bagħat iġib lil Pawlu u ressqu quddiemhom.

 

Issa Pawlu kien jaf li xi wħud kienu min-naħa tas-Sadduċej u oħrajn min-naħa tal-Fariżej. Għalhekk għajjat fis-Sinedriju: “Ħuti, jien Fariżew u bin il-Fariżej; hu għalhekk li qiegħed isir ħaqq minni, minħabba t-tama fil-qawmien minn bejn l-imwiet”.

 

Kif qal hekk, qamet tilwima bejn il-Fariżej u s-Sadduċej, u l-ġemgħa nqasmet. Għax is-Sadduċej jgħidu li la hemm qawmien minn bejn l-imwiet, la anġli u lanqas spirti; waqt li l-Fariżej jistqarru dan kollu. Imbagħad qam storbju kbir; xi kittieba tan-naħa tal-Fariżej qamu

u bdew jeħduha bil-qawwa kollha mal-oħrajn u jgħidu: “Aħna ma nsibu xejn ħażin f’dan il-bniedem. Min jaf kellmux xi spirtu jew anġlu?”.

 

It-tilwim aktar kiber, u għalhekk il-fizzjal, billi beża’ li se jtertqu lil Pawlu, ordna lis-suldati jinżlu jaħtfuh minn nofshom u jeħduh il-fortizza. Fil-lejl ta’ wara, il-Mulej deherlu u qallu: “Agħmel il-qalb! Kif tajt xhieda għalija f’Ġerusalemm, hekk ukoll jeħtieġ li tagħti xhieda f’Ruma”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 15 (16), 1-2a u 5.7-8.9-10.11

 

R/. (1): Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi”.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,

inti żżomm f’idejk xortija. R/.

 

Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma;

imqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

 

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

 

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 17, 21

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda,

kif inti fija, Missier, u jiena fik,

biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Biex isiru ħaġa waħda għalkollox.

Ġw 17, 20-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, 1Ġesů rafa’ għajnejh lejn is-sema talab u qal:M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni. Il-glorja li int tajt lili jiena tajtha lilhom, biex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda: jiena fihom u inti fija, biex isiru ħaġa waħda għalkollox, ħalli d-dinja tagħraf li inti bgħattni u li ħabbejt lilhom kif ħabbejt lili.

 

Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien, biex jaraw il-glorja tiegħi, il-glorja li tajtni int, għaliex int ħabbejtni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja. Missier ġust, tassew li d-dinja ma għarfitekx, imma jien għaraftek, u dawn għarfu li inti bgħattni. U jiena għarrafthom ismek u għad ngħarrafhulhom iżjed, biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena fihom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu