L-ENĊIKLIKA

“MEDIATOR DEI” 

DWAR IL-LITURĠIJA MQADDSA

tal-PAPA PIJU XII

NGĦIXU MAL-KNISJA

 

KIF TITQASSAM L-ENĊIKLIKA

Introduzzjoni:

Il-Knisja u l-Liturġija .

Progress Liturġiku.

Periklu li jħasseb .

Ittra għall-fidili kollha .

 

L-Ewwel Parti: Natura, Bidu u Progress tal-Liturġija:

Il-Missjoni ta’ Ġesù .

Il-Knisja għandha l-istess skop.

X’inhi l-Liturġija .

Bidu mal-Knisja .

Żvillup mal-ħajja .

Il-Qima Interna u Esterna.

Il-Qima Interna – Element Ewlieni .

Pietà Oġġettiva u Soġġettiva .

Meħtieġ l-isforz ta’ ruħna wkoll .

“Intom ta’ Kristu u Kristu t’Alla”.

“F’kollox u f’kulħadd Kristu” .

Il-Liturġija hija f’idejn l-Awtorità tal-Knisja .

Is-Setgħa tas-Saċerdozju .

Tiddependi mill-Awtorità .

Il-Liturġija xhieda tal-Fidi .

Progress u żvilupp tal-Liturġija:

            a. L-element uman li jinbidel .

            b. Progress kbir .

            c. Żvilupp maż-żmien .

Il-Progress tal-Liturġija ma għandux jitħalla f’idejn privati:

            a. Użanzi ġodda .

            b. Dwar l-użu tal-ilsien latin .

            c. Kontra ċerimonji li spiċċaw .

            d. Kollox għandu jsir b’għaqda mal-Ġerarkija .

 

It-Tieni Parti: Il-Qima tal-Ewkaristija:

Natura tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku .

Il-Quddiesa l-istess bħas-Sagrifiċċju tal-Kalvarju.

Għaliex issir il-Quddiesa .

Jeħtieġ is-sehem tagħna .

L-Insara jieħdu sehem fis-Sagrifiċċju .

Sehem l-Insara mhux bħal tas-Saċerdoti.

Joffru s-Sagrifiċċju flimkien mas-Saċerdot .

Għaliex l-Insara joffru wkoll il-Quddiesa .

Kif joffru l-Quddiesa l-Insara.

Joffru wkoll lilhom infushom bħala vittma .

Dinjità kbira .

Kif iseħħ dan it-tisħib .

Kulħadd jissieħeb fil-Qwuddiesa mill-aħjar li jista’.

It-Tqarbina Ewkaristika:

            a. It-Tqarbin meħtieġ għas-sħubija tas-Sagrifiċċju .

            b. Biex inħossu fina bla ma jaqta l-frott tal-Fidwa .

            c. J’Alla l-Altari tagħna jkunu iffullati għat-Tqarbin .

            d. Ir-Ringrazzjament wara t-Tqarbin tagħna .

            e. Kif isir ir-Ringrazzjament .

L-Adorazzjoni tal-Ewkaristija .

Inqimu “b’adorazzjoni waħda l-Veru Alla magħmul bniedem u l-Ġisem Tiegħu stess”.

 

It-Tielet Parti: L-“Uffiċċju Mqaddes u s-Sena Liturġika”:

L-Uffiċċju Mqaddes:

            a. Il-bidu tal-Uffiċċju Mqaddes fil-Knisja .

            b. X’inhu l-Uffiċċju Mqaddes .

            c. Is-Salmi .

            d. L-Għasar fil-Parroċċi .

Iċ-Ċiklu tal-Misteri fis-Sena Liturġika:

            a. Xi trid minnha l-Liturġija matul is-sena .

            b. “Kristu l-bieraħ u llum, Hu wkoll tul iż-żminijiet” .

Il-Festi tal-Qaddisin .

Il-qima lejn il-Madonna .

 

Ir-Raba Parti: Direttivi Pastorali

Nirrikkmandaw id-Devozzjonijiet mhux għal kollox Liturġiċi:

            a. Liema huma d-devozzjonijiet mhux Liturġiċi .

            b. Immexxu l-quddiem dawn id-devozzjonijiet .

            c. Irtiri għas-Sekulari .

            d. Devozzjonijiet li jfakkru fina l-ispirtu ta’ Kristu .

Spirtu Liturġiku u Appostolat Liturġiku:

            a. Mexxu l-quddiem l-ispirtu Liturġiku .

            b. Il-mużika sagra .

            c. L-arkitettura, l-iskultura u l-pittura .

            d. Jeħtieġ l-insara jgħinu l-Liturġija .

            e. Għassu għall-għadu li jiżra s-sikrana .

            f. Il-kelma tal-aħħar .

 

 

 

 

 

 

INTRODUZZJONI

“IL-MEDJATUR bejn Alla u l-Bniedem”,[1] il-Kbir Sommu Saċerdot li daħal fis-Smewwiet, Ġesù Iben ta’Alla,[2] meta daħal għall-opra tal-ħniena li biha għana l-umanità b’ġid sopranaturali, fittex mingħajr dubju li jerġa’ jġib bejn il-bnedmin u l-Ħallieq tagħhom dak l-ordni li d-dnub kien ħassar, u li jerġa’ jwassal għand il-Missier tas-Sema l-ewwel prinċipju u l-aħħar fini, l-imsejkna razza ta’ Adam milquta mid-dnub oriġinal.  U għalhekk, waqt li kien fuq din l-art, mhux biss ħabbar il-bidu tal-fidwa u ddikjara mibdi r-Renju ta’ Alla, iżda fittex ukoll li jagħti s-salvazzjoni tal-erwieħ bl-eżerċizzju kontinwu tat-talb u tas-sagrifiċċju, sakemm, fuq is-Salib, offra ruħu vittima mingħajr tebgħa lil Alla biex inaddaf il-kuxjenza tagħna mill-opri mejta biex inservu lil Alla ħaj.[3]  Hekk il-bnedmin imwarrba feliċement mit-triq li kienet qiegħda teħodhom lejn il-qerda u t-telfien, tressqu mill-ġdid lejn Alla, biex bis-sehem ta’ kull wieħed minnhom biex jikseb il-qdusija tiegħu nnifsu, frott tad-demm bla tebgħa tal-Ħaruf jagħtu lil Alla l-glorja li tistħoqqlu.

Ir-Redentur Divin, imbagħad, ried li l-ħajja saċerdotali minnu mibdija f’din l-art bit-talb tiegħu u bis-sagrifiċċju tiegħu, ma tieqafx fil-kors tas-sekoli fil-Ġisem Mistiku tiegħu li hi l-Knisja; u għalhekk waqqaf is-saċerdozju li jidher biex joffri kullimkien l-offerta safja[4] sabiex il-bnedmin kollha, mil-Lvant sal-Punent, meħlusa mid-dnub, bi dmir tal-kuxjenza jservu minn jeddhom u bil-qalb lil Alla.

IL-KNISJA U L-LITURĠIJA

Il-Knisja, għalhekk, fidila lejn il-Missjoni li rċeviet mill-Fundatur tagħha, qiegħda tkompli l-uffiċċju saċerdotali ta’ Ġesù Kristu fuq kollox bil-Liturġija Imqaddsa.  Dan tagħmlu l-ewwelnett fuq l-artal, fejn is-sagrifiċċju tas-Salib hu dejjem rappreżentat[5] u, bid-differenza biss tal-mod li jiġi offert, imġedded;[6] imbagħad permezz tas-Sagramenti, li huma l-istrumenti speċjali li bihom il-bnedmin jieħdu sehem mill-ħajja sopranaturali; u fl-aħħarnett bit-tifħir li ta’ kuljum jiġi offert ’l Alla l-aktar imbierek.  “Liema dehra ta’ ferħ — qal il-Predeċessur Tagħna, il-mibki Piju XI — toffri lis-Sema u lill-art il-Knisja li titlob, meta, bla ma jaqtgħu, ma’ tul il-ġranet kollha jiġu fl-art kantati s-Salmi miktuba bl-ispirazzjoni divina: l-ebda siegħa tal-ġurnata ma hi nieqsa milli tiġi mqaddsa mil-liturġija proprja tagħha; kull età tal-ħajja għandha l-post tagħha fir-ringrazzjamenti, fit-tifħir, fit-talb, fix-xewqat ta’ dawn il-pregieri komuni tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu li hija l-Knisja.[7] 

Zġur li tafu, illi, fit-tmiem tas-seklu li għadda u fil-bidu ta’ dan, kien hawn fervur speċjali għall-istudju tal-Liturġija, kemm bis-saħħa tal-inizjattiva ta’ min ifaħħarha ta’ xi nies privati, kemm ukoll aktar bis-saħħa tad-diliġenza żelanti u li ma tieqafx ta’ ħafna monasteri tal-imfaħħar Ordni Benedittin; u għalhekk mhux biss f’ħafna postijiet tal-Ewropa, iżda anke fl-artijiet ’il hemm mill-Oċean, tħeġġet fuq hekk gara utili u ta’ min ifaħħarha, li r-riżultati ta’ ġid li tat dehru sewwa kemm fil-qasam tal-istudju sagru li fih ir-riti tal-liturġija tal-Knisja Orjentali u Oċċidentali ġew studjati u magħrufa sewwa u fil-fond, kemm fil-ħajja spiritwali u privata ta’ ħafna nsara.

PROGRESS LITURĠIKU

Iċ-ċerimonji għeżież tas-Sagrifiċċju tal-Altar ġew aktar magħżula, mifhuma u stmati; is-sehem fis-Sagramenti kiber u sar aktar ta’ spiss, it-talb liturġiku aktar mifhum bi pjaċir, u l-kult lejn l-Ewkaristija qiegħed jiġi kkunsidrat — kif hu tabilħaqq — iċ-ċentru u l-għajn tal-vera pjetà nisranija.  Ġie wkoll muri aktar biċ-ċar il-fatt illi l-fidili kollha jiffurmaw ġisem wieħed, l-aktar magħqud, li r-ras tiegħu huwa Kristu, u minn hawn jitnissel id-dmir tal-poplu nisrani li jieħu sehem skont il-kondizzjoni proprja tiegħu fiċ-ċerimonji tal-liturġija.

Intom, mingħajr dubju, tafu tajjeb li din is-sede Appostolika għamlet dejjem premura biex il-poplu lilha fdat jiġi edukat fis-sens liturġiku veru u prattiku, u li, b’żelu mhux inqas, għamlet minn kollox biex iċ-ċerimonji sagri jkunu sbieħ anke minn barra bid-dinjità li tixirqilhom.  U fuq l-istess ħaġa, meta Aħna tkellimna, kif huwa użu, mal-predikaturi tar-Randan ta’ din il-Belt għażiża tagħna fis-sena 1943, Aħna għednilhom bil-ħeġġa biex iġagħlu lil dawk li jisimgħuhom li jieħdu sehem bi tħabrik dejjem akbar fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku; u dan l-aħħar ġegħilna li jiġi maqlub mill-ġdid bil-Latin mit-test oriġinali l-ktieb tas-Salmi biex it-talb liturġiku, li biċċa kbira minnu hu meħud mill-ktieb tas-Salmi, jiġi miftiehem b’aktar eżattezza u l-veritajiet u l-ħlewwa tiegħu jiġu b’akbar faċilità magħrufa.[8]

PERIKLU LI JĦASSEB

Iżda, għalkemm l-Appostolat liturġiku hu għalina ta’ konsolazzjoni mhix żgħira mħabba l-frott ta’ ġid li jinkiseb minnu, id-dmir Tagħna jobbligana nsegwu b’attenzjoni dan “ir-rinovament”, fil-mod li fih hu maħsub minn x’uħud, u nieħdu ħsieb sewwa li l-inizjattivi ma jiġux esaġerati jew isiru b’xi nuqqasijiet.

Issa, jekk minn banda qegħdin naraw b’dispjaċir li f’xi postijiet it-tifsir, il-konoxxenza u l-istudju tal-Liturġija huma kultant ftit jew xejn, mill-banda l-oħra qegħdin ninnutaw bi tħassib li x’uħud iridu wisq affarijiet ġodda u qegħdin jitbiegħdu mit-triq tad-duttrina tajba u tal-prudenza.  Għaliex mal-ħsieb u max-xewqa ta’ tiġdid liturġiku, huma ta’ spiss iħalltu prinċipji li, fit-teorija jew fil-prattika, jikkompromettu din il-kawża l-aktar qaddisa, u ta’ spiss anke jtebbugħuha bi żbalji li jmissu l-fidi kattolika u d-duttrina axxetika.

Il-purezza tal-fidi u tal-morali għandha tkun l-ewwel regola karatteristika tal-liturġija sagra, li għandha assolutament taqbel mat-tagħlim l-aktar għaref tal-Knisja.  Huwa għalhekk dmir Tagħna li nfaħħru u napprovaw dak kollu li hu magħmul tajjeb, inwaqqfu u nikkundannaw dan kollu li joħroġ mit-triq il-vera u t-tajba.

Ma jaħsbux, iżda, dawk li ma huma jagħmlu xejn jew li huma bierda li Aħna napprovaw il-kondotta tagħhom meta nikkundannaw lil dawk li jiżbaljaw jew meta nwaqqfu lil min jaħdem mingħajr prudenza; u l-anqas l-imprudenti ma għandhom jaħsbu li qegħdin infaħħruhom meta nikkorrieġu lit-traskurati u lill-għażżenin.

ITTRA GĦALL-FIDILI KOLLHA

Għalkemm f’din l-Ittra Enċiklika Tagħna ser nittrattaw prinċipalment dwar il-Liturġija Latina, dan mhux ġej min-nuqqas ta’ stima lejn il-meqjum Liturġiji tal-Knisja Orjentali, li ċ-ċerimonji tagħhom, imwassla minn dokumenti nobbli u antiki, huma Għalina xejn inqas għeżież; iżda dan jiddependi aktar mill-kondizzjonijiet partikolari tal-Knisja Oċċidentali, li jitolbu li nindaħlu bl-awtorità Tagħna.

Jisimgħu, għalhekk, l-insara kollha, bil-ħlewwa, il-leħen tal-Missier ta’ kulħadd, li jixtieq b’ħerqa kbira li kulħadd, għal qalb Hu wisq għażiż, jersaq f’riġlejn l-altar t’Alla, jistqarr l-istess twemmin, jobdi l-istess liġi, jieħdu sehem mill-istess sagrifiċċju b’fehma waħda u b’rieda waħda.  Dan jitolbu l-ġieħ li jistħoqq ’l Alla; jitolbuh il-bżonnijiet taż-żminijiet tal-lum.  Infatti, wara li gwerra twila u krudila firdet il-popli bil-piki u bl-istraġi, il-bnedmin ta’ rieda tajba qegħdin jippruvaw bl-aħjar mod possibbli li jerġgħu jwasslu lil kulħadd għall-paċi.  Naħsbu b’danakollu li l-ebda pjan u l-ebda iniżjattiva ma tista’, fil-każ tagħna, tkun aktar tajba minn dik ta’ spirtu bil-fidi u ta’ zelu reliġjuż, li minnhom hu meħtieġ li l-insara jkunu mqanqla u mmexxija, b’mod tali li jaċċettaw b’qalb sinċiera l-istess veritajiet u jobdu bil-ħlewwa lir-Ragħajja leġittimi tagħhom u fil-prattika tal-qima mistħoqqa ’l Alla, jiffurmaw komunità waħda, ta’ aħwa:  “għalkemm ħafna, aħna ġisem wieħed, għax ilkoll nieklu minn dak l-uniku ħobż”.[9]

 

I

NATURA, BIDU U PROGRESS TAL-LITURĠIJA

Id-dmir ewlieni tal-bniedem huwa żgur dak li jddawwar lejn Alla lilu n-nifsu u l-ħajja tiegħu kollha.  “Miegħu, infatti, għandna ningħaqdu bħala bidu li ma jiġix nieqes, fuqu wkoll kull mument għandha tmur l-għażla tagħna, bħala t-tmiem ta’ ħajjitna, li nitilfu billi nidinbu bi traskuraġni wkoll, u li għandna nerġgħu nirbħu bil-fidi billi nemmnu fih”.[10]  Issa l-bniedem soltu jdur lejn Alla meta jagħraf is-setgħa fuq kollox tiegħu u l-maġisteru suprem tiegħu, meta jilqa’ bl-umiltà l-veritajiet irrevelati minnu, meta josserva bil-qima kollha l-liġijiet tiegħu, meta — biex ingħiduha fil-qasir — jagħti, permezz tal-virtù tar-reliġjon, il-qima meħtieġa lil Alla wieħed u tassew.

Dan huwa dmir li jorbot l-ewwel il-bnedmin kollha kull wieħed waħdu, iżda huwa wkoll dmir tal-bnedmin kollha flimkien, magħqudin bir-rabtiet tas-soċjetà, għax din ukoll tiddependi mis-setgħa ewlenija ta’ Alla.

Ta’ min jinnota wkoll li dan hu dmir partikolari tal-bnedmin, għaliex Alla għollihom għall-ordni sopranaturali.

Għalhekk jekk inħarsu lejn Alla bħala dak li għamel il-Liġi l-Qadima, narawh jagħti wkoll preċetti dwar iċ-ċerimonji, u jiffissa sewwa r-regolamenti li l-poplu għandu jħares biex jagħtih il-qima meħtieġa.  Għalhekk waqqaf sagrifiċċji ta’ bosta xorta u qal b’liema ċerimonji kellhom isiru; iffissa b’mod ċar dak kollu li kellu x’jaqsam mal-Arka tat-Testment, mat-Tempju u mal-btajjel; għażel it-tribù saċerdotali u s-saċerdot il-kbir, qal liema huma u fisser l-ilbies li kellhom jintużaw mill-ministri u kull ħaġa oħra li kellha x’taqsam mal-qima lejĦ.[11]

Din il-qima ma kenitx għajr id-dell[12] ta’ dik li s-Saċerdot il-Kbir tat-Testment il-Ġdid kellu jagħti lil Missierna fis-smewwiet.

IL-MISSJONI TA’ ĠESÙ

Infatti, malli l-“Verb sar bniedem”[13] juri lilu nnifsu lid-dinja fl-uffiċċju tiegħu saċerdotali billi jagħmel lil Missier Etern att ta’ sotto-missjoni li jibqa’ tul ħajtu kollha: “meta jidħol fid-dinja jgħid: .Ara, jien ġej biex nagħmel, O Alla, ir-rieda tiegħek”[14] att li jiġi mitmum b’mod tal-għaġeb fis-sagrifiċċju bit-tixrid ta’ demm fuq is-salib:  “bil-qawwa ta’ din ir-rieda aħna ġejna imqaddsa bl-offerta tal-Ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem”.[15]  Il-ħidma tiegħu kollha fost il-bnedmin ma għandiex skop ieħor.  Tfajjel, jiġi ppreżentat fit-Tempju lill-Mulej;  żagħżugħ jerġa’ jmur hemm;  wara ta’ spiss imur biex jgħallem il-poplu u jitlob.  Qabel ma jibda’ l-ħidma pubblika jsum erbgħin ġurnata, u bil-kelma u bl-eżempju tiegħu jħeġġeġ lil kulħadd biex jitlob lejl u nhar.  Bħala mgħallem tas-sewwa “idawwal kull bniedem”[16] biex il-bnedmin jagħrfu kif jixraq ’l Alla mmortali, u ma “jitbegħdux biex jintilfu, iżda jkunu fidili għall-fidwa tar-ruħ.[17]  Bħala Ragħaj, imbagħad, Hu jmexxi l-merħla tiegħu, jeħodha tirgħa fil-merat tal-ħajja, u jagħti liġi biex tiġi mħarsa, ħalli ħadd ma jitbiegħed minnu u mit-triq it-tajba li hu wera, iżda kulħadd igħix fil-qdusija taħt l-influss u l-ħidma tiegħu.  Fl-aħħar Ċena, b’rit u ċerimonja solenni, jiċċelebra l-Għid il-ġdid, u jaħseb biex jitkompla bit-twaqqif tal-Ewkaristija:  l-għada, merfugħ bejn sema w art, joffri s-sagrifiċċju tal-fidwa tal-ħajja tiegħu, u minn sidru miftuħ, b’xi mod joħroġ is-sagramenti li jagħtu lill-erwieħ it-teżori tal-Fidwa.  Waqt li qed jagħmel dan bħala skop waħdieni għandu l-Glorja tal-Missier u l-qdusija dejjem aktar tal-bniedem.

Meta mbagħad jidħol fil-hena tas-sema jrid li l-qima minnu mwaqqfa u minnu mogħtija ma’ tul ħajtu fuq l-art titkompla bla waqfien.  Għaliex hu ma jħallix iltiema lill-bnedmin, iżda hu jkompli jgħinhom dejjem b’patroċinju ma’ jaqtax u ta’ siwi, billi jagħmilha ta’ avukat fis-sema quddiem il-Missier[18] għalhekk jgħinhom permezz tal-Knisja, li fiha dejjem jinsab bla ma jonqos qatt ma’ tul iż-żminijiet:  dik il-Knisja li waqqaf Hu bħala kolonna tas-sewwa[19] u għajn tal-grazzja, u li bis-sagrifiċċju tas-salib waqqaf, ikkonsagra u kkonferma għal dejjem.[20]

IL-KNISJA GĦANDA L-ISTESS SKOP

Il-Knisja mela, għandha bħal Verb Divin magħmul Bniedem l-istess skop, l-istess dmir, l-istess ħidma li tgħallem lil kulħadd is-sewwa, li tmexxi u tiggverna lill-bnedmin, li toffri ’l Alla s-sagrifiċċju, li jiġi milqugħ u jingħoġob, u hekk terġa twaqqaf bejn il-Ħallieq u l-ħolqien kollu dik l-għaqda u l-armonji li l-Appostlu tal-Ġnus biċ-ċar juri f’dawn il-kelmiet:  “Intom m’intomx aktar barranin u mistiedna, iżda intom ċittadini flimkien mal-Qaddisin, u tal-familja t’Alla, mibnija fuq is-sisien tal-Appostli u tal-Profeti, flimkien ma’ Kristu stess bħala pedament, u fuqu intom ukoll mibnija bħala għamara ta’ Alla fl-Ispirtu”.[21]

Għalhekk is-soċjetà mwaqqfa mill-Feddej Divin ma għandhiex skop ieħor, tant bit-tagħlim u t-tmexxija tagħha, kemm bis-sagrifiċċju u s-Sagramenti mwaqqfin minn, u kemm bil-ministeru lilha fdat minnu, bit-talb tiegħu u b’Demmu, għajr li tikber u tixtered dejjem aktar.  U dan jiġri meta Kristu jikber u jixtered fl-erwieħ tal-bnedmin, u meta, min-naħa l-oħra l-erwieħ jikbru u jinxterdu fi Kristu; b’mod li f’dan it-turufnament fuq l-art jimxi ’l quddiem it-tempju f’din il-Maestà t’Alla tirċievi qima li togħġob u skont il-liġi.

F’kull azzjoni tal-Liturġija flimkien mal-Knisja hemm wkoll il-Fundatur Divin:  Kristu jinsab fis-Sagrifiċċju tal-Altar sew fil-persuna tal-Ministru, sew, u fuq kollox, taħt l-ispeċi Ewkaristiċi; jinsab fis-Sagramenti bil-qawwa li fihom ipoġġi biex ikunu strumenti effikaċi ta’ qdusija; jinsab fl-aħħar fit-tifħir u fit-talb li jingħad ’l Alla, kif hemm miktub:  “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’ismi, hemm jiena fosthom”.[22]

X’INHI IL-LITURĠIJA

Il-Liturġija Mqaddsa mela hija l-qima pubblika li l-Feddej tagħna jagħti lill-Missier bħala Kap tal-Knisja, u hi l-qima li l-għaqda tal-fidili tagħti lill-Kap tagħha, u, permezz Tiegħu, lill-Missier Etern:  hi, biex ngħiduha fil-qasir, il-qima kollha kemm hi tal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu, jiġifieri tal-Kap u l-membri tiegħu.

BIDU MAL-KNISJA

L-azzjoni Liturġika għandha l-bidu tagħha mat-twaqqif stess tal-Knisja.  L-ewwel insara, infatti kienu dejjem imorru għat-tagħlim tal-Appostli u għall-qsim flimkien tal-ħobż u għat-talb”.[23]

Kull fejn ir-Ragħajja setgħu jiġbru numru ta’ fidili, kienu jwaqqfu altar li fuqu kienu joffru s-Sagrifiċċju, u madwaru bdew isiru riti oħra li kienu jiswew għall-qdusija tal-bnedmin u biex jagħtu ġieħ ’l Alla.  Fost dawn ir-riti hemm, qabel kollox, is-Sagramenti, jiġifieri s-seba’ għejjun ewlenin tal-fidwa:  imbagħad iċ-ċelebrazzjoni tat-tifħir ’l Alla, li biha l-fidili magħqudin flimkien ukoll jobdu t-tħeġġiġa tal-Appostlu:  “Waqt li tgħallmu u tħeġġu ’l xulxin b’kull għerf, u tkantaw ’l Alla f’qalbkom, imnebbħin mill-grazzja, salmi, inni u kantiċi spiritwali”;[24]  u mbagħad il-qari tal-liġi, tal-Profeti, tal-Vanġelu, tal-Ittri tal-Appostli, u fl-aħħar l-omelija li biha l-Mexxej tal-laqgħa jfakkar u jfisser b’mod li jiswa t-tagħlim tal-Imgħallem Divin, il-ġrajjiet ewlenin ta’ ħajtu, u jwiddeb lil kull min ikun hemm permezz ta’ tħeġġiġ u eżempji f’lokhom.

ŻVILUPP MAL-ĦAJJA

Il-qima tiġi organizzata u tiżviluppa ruħha skont iċ-ċirkustanzi u l-ħtieġa tal-insara, tistagħna b’riti ġodda, b’ċerimonji u formoli, dejjem bl-istess ħsieb:  “ħalli minn dawn is-sinjali niġu mħeġġa.nagħrfu l-progress li sar, u nħossu ruħna mħeġġin biex inżiduh b’qawwa akbar:  l-effett infatti jkun iktar xieraq jekk aktar imħeġġa hi l-imħabba li tiġi qabel”.[25]

U hekk ir-ruħ aktar u aħjar togħla lejn Alla; hekk is-Saċerdozju ta’ Kristu dejjem jaħdem ma’ tul iż-żminijiet, billi l-Liturġija mhix ħlief l-eżerċizzju ta’ dan is-saċerdozju.  Kif il-Kap Divin tagħha hekk ukoll il-Knisja tieqaf kontinwament ma’ wliedha, tgħinhom u tħeġġiġhom għall-qdusija, biex, imżejna minn din id-dinjità sopranaturali, jistgħu ġurnata jerġgħu lura għand Missierhom li qiegħed fis-Smewwiet.  Twelied għal-ħajja tas-sema u twettaq l-imżejna minn din id-dinjità sopranaturali bl-Ispirtu Santu għall-ġlieda kontra għadu mingħajr ħniena; issejjaħ l-insara madwar l-altari, u bi stedinijiet ma jaqtgħux tħeġġiġhom biex jiċċelebraw u jieħdu sehem fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku;  titmagħhom bil-Ħobż tal-Anġli biex ikunu dejjem aktar sodi;  issaffi u tfarraġ lil dawk li d-dnub ferixxa u tebba’; tikkonsagra b’rit skont il-liġi dawk li b’vokazzjoni minn Alla, ġew imsejħin għall-ministeru saċerdotali;  tqawwi bil-grazzji u bid-doni ta’ Alla l-għaqda safja ta’ dawk li jiġu magħżula biex iwaqqfu u jibnu l-familja nisranija; u wara li tkun farrġet u qawwiet bil-Vjatku Ewkaristiku u bil-Griżma tal-Morda l-aħħar sigħat tal-ħajja fuq l-art, twassal sal-qabar b’ġabra mill-aktar, il-fdal ta’ wliedha, tiġborhom bil-qima kollha, tħarishom taħt id-dell tas-Salib, biex ġurnata jkunu jistgħu jirxuxtaw rebbieħa fuq il-mewt; tbierek b’solennità speċjali kemm jagħtu ħajjithom għall-qadi t’Alla billi jiksbu l-perfezzjoni nisranija;  tnewwel l-id tagħha li tgħin lill-erwieħ li fin-nar li jsaffi jitolbu talb u suffraġji biex twassalhom fl-aħħar fl-hena ta’ dejjem.

IL-QIMA INTERNA U ESTERNA

Il-Qima sħiħa u kollha kemm hi li l-Knisja tagħti ’l Alla għandha tkun kemm fir-ruħ, interna, u kemm fil-ġisem, esterna, li tidher.  Hi esterna għax hekk trid in-natura tal-bniedem magħmul minn ruħ u ġisem; għaliex Alla ried li “waqt li nagħrfuH permezz tal-ħwejjeġ li naraw, ninġibdu għall-imħabba tal-ħwejjeġ li ma narawx;[26]  għaliex kull ħaġa li ġejja mir-ruħ hi naturalment imfissra mis-sema: u barra dan għaliex il-qima lejn Alla hi dmir mhux ta’ kull bniedem waħdu biss iżda wkoll tal-għaqda tal-bnedmin kollha, u għalhekk hu meħtieġ li tkun soċjali, u dan ma jistax ikun, fil-ħwejjeġ ta’ reliġjon, mingħajr rabtiet u manifestazzjonijiet esterni; u fl-aħħar hija mezz li turi b’mod speċjali l-unità tal-Ġisem Mistiku, li tkattarlu l-ħeġġa mqaddsa li ssaħħaħlu l-qawwa, iżżidlu l-ħidma:  “għalkemm, infatti, iċ-ċerimonji, fihom infushom, m’għandhomx ebda perfezzjoni u qdusija, iżda huma għemil estern ta’ reliġjon, li bħala sinjali, jimbuttaw lir-ruħ għall-qima tal-ħwejjeġ imqaddsa, jerfgħu lill-moħħ għall-veritajiet sopranaturali, iżidu l-pjetà, ikattru l-imħabba, iżidu l-fidi, iqawwu d-devozzjoni, jgħallmu d-dgħajfin, iżejnu l-qima lejn Alla, iżommu sħiħa r-reliġjon u jagħżlu l-insara tajba mill-ħżiena u minn dawk mifruda mill-Knisja”.[27]

IL-QIMA INTERNA — ELEMENT EWLIENI

Iżda l-element ewlieni tal-qima għandu jkun il-parti nterna:  hu meħtieġ, infatti, li wieħed jgħix dejjem fi Kristu, li wieħed kollox jagħti Lilu biex fiH, miegħu u biH jingħata gieħ lill-Missier.  Il-liturġija Mqaddsa trid li dawn iż-żewġ elementi jkunu magħqudin ħaġa waħda:  ħaġa li ma tixba’ qatt ittenni kull darba li tordna xi għemil estern ta’ qima.  Għalhekk bħala eżempju, fuq is-sawm tħeġġiġna “biex dak li aħna nħarsu esternament, jaħdem tassew fina”.[28]  Jekk isir il-kuntrarju ir-reliġjon issir formaliżmu bla ebda fundament u vojt għal kollox.  Intom tafu, Ħuti meqjuma, li l-Imgħallem Divin iqis mhux denji tat-tempju mqaddes tiegħu, u jkeċċi ’l dawk  li jemmnu li jkunu qed iqimu ’l Alla bil-ħoss biss ta’ kliem magħdud tajjeb u b’pożi ta’ tijatru, u huma persważi li qed jaħsbu tajjeb ferm għas-salvazzjoni ta’ dejjem, mingħajr ma jeqirdu l-vizzji li rabbew l-għeruq f’qalbhom.[29]  Il-Knisja għalhekk trid li l-insara kollha jinxetħtu f’riġlejn il-Feddej biex jixhdulu l-imħabba u l-qima tagħhom; trid li l-folol, bħat-tfal li marru jiltaqgħu ma’ Ġesù meta kien dieħel Ġerusalemm b’għajjat ta’ ferħ, ifaħħru u jakkompanjaw lis-Sultan tas-slaten u ’l Dak, li minnu ġej kull ġid, b’għana ta’ glorja u ta’ ħajr;  trid li fuq xofftejhom ikollhom talb, issa biex jaqilgħu, issa ferrieħ u ta’ ħajr, li bih, bħall-Appostli ħdejn il-għadira ta’ Tiberijade, jippruvaw huma stess il-għanjunu tal-ħniena u tal-qawwa tiegħu; jew, kif qal S. Pietru fuq it-Tabor, jitilqu lilhom infushom u kulma għandhom f’Alla fir-refgħat mistiċi tal-kontemplazzjoni.

M’għandhomx għalhekk ħsieb ċar tal-Liturġija Mqaddsa dawk li jaħsbuha bħala dik il-parti biss tal-qima lejn Alla li tidher u taqa’ taħt is-sensi, jew bħala ġabra ta’ ċerimonji li jżejnu; u mhux inqas jiżbaljaw dawk li jqisuha biss bħala ġabra ta’ liġijiet u preċetti li bihom il-Ġerarkija tal-Knisja tordna kif isiru ċ-ċerimonji.

Mela kulħadd għandu jkun jaf li ma tistax tqim kif xieraq ’l Alla jekk ir-ruħ ma tfittix li tikseb il-perfezzjoni tal-ħajja, u li l-qima mogħtija ’l Alla mill-Knisja, magħquda mal-Kap Divin tagħha, għandha l-aqwa mezz biex tqaddes lill-bnedmin.

PJETÁ OĠĠETTIVA U SOĠĠETTIVA

Din il-qawwa, fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku u fis-Sagramenti, ġejja qabel kollox mis-siwi ta’ dak li jsir, fih in-nifsu (ex opere operato); jekk imbagħad wieħed iqis dak proprju li tagħmel il-Għarusa bla tebgħa ta’ Ġesù Kristu biex iżżejjen b’talb u ċerimonji mqaddsa s-Sagrifiċċju Ewkaristiku u s-Sagramenti, jew, jekk inqisu s-Sagramentali u riti oħra mwaqqfin mill-Ġerarkija tal-Knisja, allura l-qawwa ġejja iktar mill-għemil stess tal-Knisja (ex opere operantis Ecclesiæ) għaliex hi qaddisa u dejjem taħdem magħquda ħaġa waħda mal-Kap tagħha.

U minħabba din il-ħaġa, Ħuti meqjuma, nixtiequkom li tiġbdu l-attenzjoni tagħkom fuq it-teoriji ġodda dwar “il-pjetà oġġettiva”, li, waqt li jpoġġu ’l quddiem il-misteru tal-Ġisem Mistiku, ir-realtà effettiva tal-grazzja qaddisa, u l-għemil divin tas-Sagramenti u tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku, jittraskuraw jew inaqqsu “l-pjetà soġġettiva” jew personali.

Fl-għemil liturġiku u b’mod speċjali fis-Sagrifiċċju Mqaddes tal-Altar, titkompla bla dubju ta’ xejn, l-opra tal-Fidwa tagħna, u jiġi lilna mogħti l-frott tagħha.  Kristu kuljum jopra l-fidwa tagħna fis-Sagramenti u fis-Sagrifiċċju, u, permezz tagħhom, kontinwament jagħmel safja u jikkonsagra l-bnedmin lil Alla.  L-għemil Liturġiku għandu mela qawwa oġġettiva li biha, fil-fatt, jagħti sehem lill-erwieħ tagħna mill-ħajja divina ta’ Ġesù Kristu.  Għandu mela, mhux b’qawwa tagħna iżda b’qawwa t’Alla, il-forza li jgħaqqad il-pjetà tal-membri mal-pjetà tal-Kap, u jagħmilha b’xi mod għemil tal-komunità kollha.  Minn dawn l-argumenti hekk għoljin x’uħud jaslu biex jgħidu li l-pjetà nisranija kollha għandha tiċċentra ruħha fil-misteru tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, mingħajr ma tħares lejn raġunijiet personali u soġġettivi;  u għalhekk jaħsbu li għandha tiġi traskurata kull prattika oħra reliġjuża li mhix verament liturġika u li ssir barra mill-qima pubblika.

Għalkemm il-prinċipji msemmija aktar ’il fuq huma mill-aħjar, kulħadd però jagħraf li dawn il-konklużjonijiet huma għal kollox foloz, qarrieqa u ta’ ħsara mill-ikbar.

MEĦTIEĠ L-ISFORZ TA’ RUĦNA WKOLL

Hu tassew minnu li s-Sagramenti u s-Sagrifiċċju tal-Altar għandhom  qawwa fihom infushom għaliex huma għemil ta’ Kristu stess li jagħti u jxerred il-grazzja tal-Kap Divin fil-membri tal-Ġisem Mistiku, iżda biex ikolhom il-qawwa meħtieġa, jitolbu dispożizzjonijiet tajba fir-ruħ tagħna.  Għalhekk, dwar l-Ewkaristija, San Pawl iwiddeb:  “Kull wieħed jgħarbel lilu nnifsu u hekk jiekol minn dak il-ħobż u jixrob mill-kalċi”.[30]  Għalhekk dawk l-għemejjel kollha li bihom ir-ruħ issir safja, speċjalment fir-Randan, l-Knisja tfissirhom fil-qasir u b’mod ċar hekk:  “il-mezzi tal-ħarsien tal-milizzja nisranija”;[31] huma infatti l-ħidma tal-membri, li, bil-għajnuna tal-grazzja, jridu jingħaqdu mal-Kap tagħhom biex “tkunilna tidher — biex intennu l-kliem ta’ S. Wistin — fil-Kap tagħna l-għajn stess tal-grazzja”.[32]  Iżda ta’ min jiftakar li dawn il-membri huma ħajjin mogħnija bir-raġuni u bir-rieda tagħhom, għalhekk meħtieġ li huma, waqt li jressqu xofftejhom lejn il-għajn, jieħdu u jagħmlu ħaġa waħda magħhom l-ikel li jagħti l-ħajja u jbiegħdu minnhom dak kollu li jista’ jtelliflu l-qawwa.  Mela għandna ngħidu li l-opra tal-fidwa, fiha nnifisha indipendentement mir-rieda tagħna, trid l-isforz l-aktar ġewwien ta’ ruħna biex inkunu nistgħu niksbu l-fidwa ta’ dejjem.

Jekk il-pjetà privata u nterna ta’ kull wieħed tittraskura s-Sagrifiċċju Mqaddes tal-Altar u s-Sagramenti u titbiegħed mill-influss li jista’, jsalva, li jiġi mill-Kap fil-membri, din tkun ħaġa ta’ min jikkundanna u ħaġa bla frott; iżda meta l-ħsibijiet kollha u l-eżerċizzi ta’ pjetà, mhux verament liturġiċi, jiġbdu l-għajnejn tar-ruħ fuq l-għemil tal-bniedem biss biex iwassluh għand Missierna li qiegħed fis-smewwiet, biex iħajru sewwa lill-bnedmin għall-indiema u għall-biża’ t’Alla u, wara li jkunu ħatfuh mill-ġibda tad-dinja u tal-vizzju, jgħadduh qawwi u sħiħ minn mixja iebsa għall-quċċata tal-qdusija, allura huma mhux biss ta’ min ferm ifaħħarhom, iżda huma wkoll meħtieġa, għaliex jikxfu l-perikoli tal-ħajja tar-ruħ, jimbuttawna biex nakkwistaw il-virtù, u jżidu l-ħeġġa li biha għandna ningħataw ilkoll biex naqdu lil Ġesù Kristu.  Il-pjetà ġenwina, li l-Anġeliku jsejjaħ “devozzjoni”[33] u li hi l-għemil ewlieni tal-virtù tar-reliġjon, li bih il-bnedmin jimxu skont is-sewwa, iduru fil-waqt lejn Alla, u bil-libertà kollha jingħataw għall-qima t’Alla.  Tinħtieġ il-meditazzjoni tal-veritajiet sopranaturali u tal-prattiki spiritwali biex tikber, titħeġġeġ u titqawwa, u tħeġġiġna għall-perfezzjoni.  Għaliex ir-reliġjon nisranija, imħarsa kif inhi xieraq, trid fuq kollox li r-rieda tiġi konsagrata ’l Alla u tinfluwixxi fuq il-fakultajiet l-oħra tar-ruħ.  Iżda kull għemil tar-rieda jissoponi l-ħidma tal-intelliġenza, u qabel ma tiġi x-xewqa u fehma li wieħed jingħata ’l Alla permezz tas-sagrifiċċju, hu assolutament meħtieġ li wieħed ikun jaf l-argumenti u r-raġunijiet li jġiegħluna nħaddnu r-reliġjon, per eżempju t-tmiem tal-ħajja tal-bniedem u l-kobor tal-maestà t’Alla, id-dmir li noqogħdu għar-rieda ta’ Min ħalaqna, it-teżori qatt ma jispiċċaw tal-imħabba li biha Hu ried jistagħna lilna, il-ħtieġa tal-grazzja biex naslu għal fejn ġejna msejħa, u t-triq partikulari li l-Provvidenza t’Alla ħejjitilna billi għaqqditna lkoll bħala membri ta’ Ġisem ma’ Kristu bħala Kap tiegħu.  U billi mhux dejjem raġunijiet ta’ mħabba jiġbdu r-ruħ imħabbta mill-passjonijiet, hu wisq tajjeb li jqanqalna wkoll il-ħsieb ta’ fejda tal-Ħaqq t’Alla biex iwassalna għall-umiltà nisranija, għall-indiema u għat-tpattija.

“INTOM TA’ KRISTU U KRISTU T’ALLA”

Dawn il-ħsibijiet kollha ma għandhomx ikunu tifkira vojta u fl-ajru, iżda għandhom ifittxu tassew iġiegħlu lis-sensi tagħna u l-fakultajiet tagħhom joqgħodu għar-raġuni imdawla bil-fidi biex jagħmlu safja r-ruħ li tingħaqad kuljum aktar ma’ Kristu u dejjem aktar issir tixbHu, u minnu tieħu l-ispirazzjoni u l-qawwa divina li tinħtieġ, u biex jinbuttaw lill-bnedmin b’mod dejjem aktar qawwi għat-tajjeb, għall-qaddi sewwa tad-dmirijiet tagħhom, għall-ħarsien tar-reliġjon, għall-ħidma kollha tal-virtù; jeħtieġ li wieħed iżomm quddiemu dan it-tagħlim;  “Intom ta’ Kristu u Kristu t’Alla”.[34]  Kollox mela, għandu jkun ħaj u jkollu ’l Alla bħala ċentru jekk irridu tassew li kollox nagħmlu għall-glorja t’Alla permezz tal-ħajja u tal-qawwa li tiġina mill-Kap Divin tagħna:  “għaliex għandna tama, li nidħlu fil-Qaddis tal-Qaddisin, permezz tad-Demm ta’ Kristu, mit-triq ġdida u ħajja li fetaħ għalina minn bejn is-satgħtar, jiġifieri minn bejn il-ġisem tiegħu, u għaliex għandna saċerdot kbir li jaħkem fid-Dar ta’ Alla, nersqu b’qalb sinċiera, b’fidi sħiħa, b’qalbna msoffija minn kull sinjal ta’ ħtija u ġisimna maħsul bl-ilma safi, ningħaqdu sħiħ max-xhieda tat-tama tagħna.u noqogħdu attenti għal xulxin biex nitħeġġu fl-imħabba u fl-opri tajba”.[35]

Minn hawn ġej l-ekwilibriju sħiħ bejn il-membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu.  Bit-tagħlim tal-fidi Kattolika, bit-tħeġġiġ għall-ħarsien tal-preċetti nisranija, il-Knisja tħejji t-triq għall-ħidma tagħha tassew saċerdotali u li tqaddes;  tħejjina għall-kontemplazzjoni aktar intima tal-ħajja tal-Feddej Divin u twassalna biex inkunu nafu b’mod aktar għoli l-misteri tal-fidi, biex niksbu ikel tar-ruħ u qawwa ħalli nimxu żgur ’il quddiem fil-ħajja perfetta permezz ta’ Ġesù Kristu.  Mhux biss bil-ħidma tal-ministri tagħha, iżda wkoll b’dik ta’ kull wieħed mill-fidili hekk mimlijin bl-ispirtu ta’ Ġesù Kristu, il-Knisja tipprova timla’ b’dan l-istess spirtu l-ħajja u l-ħidma tal-bniedem f’daru, fiż-żwieġ, fis-soċjetà, il-ħajja ekonomika u politika tiegħu wkoll biex dawk kollha li jissejħu wlied Alla jkunu jistgħu aktar ħafif jakkwistaw il-fidi tagħhom.

   “F’KOLLOX U F’KULĦADD KRISTU”

B’dal-mod il-ħidma privata u l-isforz axxetiku magħmul biex issir safja r-ruħ, iqajmu l-enerġiji tal-insara, u jħejjuhom ħalli jieħdu sehem b’dispożizzjonijiet aħjar għas-Sagrifiċċju Imqaddes tal-Altar biex jirċievu bi frott akbar is-Sagramenti, biex jiċċelebraw ir-riti mqaddsa b’mod li joħorġu aktar imħeġġa u mkissrin għat-talb u għaċ-ċaħda nisranija, biex iwieġbu bil-ħidma tagħhom għall-ispirazzjonijiet u għall-istedin tal-grazzja u biex jimitaw kuljum iktar il-virtujiet tal-Feddej, mhux biss għall-vantaġġ tagħhom, iżda wkoll għal dak tal-ġsem kollu tal-Knisja, li fih kull ġid li jsir ġej mill-qawwa tal-Kap u jmur għall-ġid tal-membri.

Għalhekk fil-ħajja tar-ruħ ma jistgħux ikunu kontra xulxin u ma jaqblux il-ħidma t’Alla li tnissel il-grazzja fl-erwieħ biex tkompli l-fidwa tagħna, u l-kollaborazzjoni ta’ ħidma tal-bniedem, li m’għandux iġib fix-xejn id-don t’Alla,[36] il-qawwa tar-rit estern tas-Sagramenti li ġej mis-siwi tiegħu fih in-nifsu (ex opere operato) u l-meritu ta’ dak li jamministrah jew jirċievih (opus operantis); it-talb privat u pubbliku; l-etika u l-kontemplazzjoni, il-ħajja axxetika u l-pjetà liturġika; is-setgħa tal-ġurisdizzjoni u tal-maġisteru skont il-liġi, u s-setgħa eminentement saċerdotali li tiġi eżerċitata fl-istess ministeru mqaddes.

Għal raġunijiet gravi l-Knisja tordna lill-ministri tal-Altar u r-reliġjużi biex, fiz-żminijiet iffissati, jagħmlu l-meditazzjoni imqaddsa, l-eżami tal-kuxjenza u t-tpattija, u l-eżerċizzi spiritwali l-oħra, għaliex huma b’mod speċjali magħżulin biex jagħmlu l-funzjonijiet liturġiċi tas-sagrifiċċju u tat-tifħir t’Alla.[37]  Mingħajr dubju t-talba pubblika tal-Għarusa ta’ Kristu, għandha dinjità akbar mit-talb privat; iżda din is-superjorità ma tfissirx li dawn iż-żewġ xorta ta’ talb huma kontra xulxin u ma jaqblux.  It-tnejn jingħaqdu u jimxu flimkien għaliex it-tnejn imqawwija mill-istess spirtu:  “f’kollox u f’kulħadd Kristu”[38] u jimxu lejn l-istess skop; sakemm Kristu ma jkunx iffurmat fina.[39]

IL-LITURĠIJA HIJA F’IDEJN L-AWTORITÁ TAL-KNISJA

Biex nifhmu aħjar, imbagħad, il-Liturġija Mqaddsa, hu meħtieġ li nikkunsidraw karattru ieħor importanti tagħha.

Il-Knisja hija soċjetà, u teħtieġ għalhekk, awtorità tagħha proprja u ġerarkija.  Jekk il-partijiet kollha tal-Ġisem Mistiku jieħdu sehem mill-istess ġid u jfittxu li jilħqu l-istess finijiet, mhux kollha għandhom l-istess setgħa u mhux kollha kapaċi jwettqu l-istess azzjonijiet.  Il-Feddej Divin, infatti, waqqaf ir-Renju tiegħu fuq il-pedamenti tal-Ordni Sagru, li hu xebħ ta’ Ġerarkija tas-Sema.

IS-SETGĦA TAS-SAĊERDOZJU

Lill-Appostli biss u lil dawk li, warajhom, irċevew mis-suċċessuri tagħhom permezz tat-tqegħid tal-idejn fuq rashom, ġiet mogħtija s-setgħa tas-saċerdozju, li bis-saħħa tagħha jirrappreżentaw il-poplu quddiem Alla, kif jirrappreżentaw quddiem il-poplu lilhom afdat il-persuna ta’ Ġesù Kristu.  Dan is-saċerdozju ma jgħaddix la b’eredità u lanqas bil-familja, kif lanqas ma joħroġ mill-komunità nisranija jew b’deputazzjoni tal-poplu.  Qabel ma jirrapreżenta l-poplu quddiem Alla, is-saċerdot jirrapreżenta l-Feddej Divin, u billi Ġesù Kristu huwa r-Ras ta’ dak il-Ġisem li tiegħu l-insara huma membri, huwa jirrapreżenta ’l Alla quddiem il-poplu tiegħu.  Is-setgħa li ġiet lilu mogħtija, għalhekk, ma għandna xejn uman fin-natura tagħha:  hija s-sopranaturali u ġejja minn Alla:  “Kif il-Missier bagħat lili, anke jien nibgħat lilkom.[40] min jisma’ lilkom, jisma’ lili.[41] morru fid-dinja kollha, ippriedkaw il-Vanġelu lil kull maħluq; min jemmen u jiġi mgħammed, ikun salv”.[42] 

Għalhekk is-saċerdozju ta’ barra u li jidher ta’ Ġesù Kristu jgħaddi fil-Knisja mhux b’mod universali,  ġeneriku u indeterminat, iżda jiġi mogħti lil xi individwi magħżula, bil-ġenerazzjoni spiritwali tal-Ordni Sagru, wieħed mis-Sebgħa Sagramenti, li mhux biss jagħti grazzja partikolari, li hi ta’ dan l-istat u ta’ dan l-uffiċċju, iżda jagħti karattru li ma jitħassarx, li jagħmel lis-saċerdoti jixbħu lil Ġesù Kristu, juruhom adatti biex jagħmlu dawk l-atti leġittimi tar-reliġjon li bihom jiġu mqaddsa l-bnedmin u glorifikat Alla, skont il-bżonn tal-ordni sopranaturali.

Difatti, kif il-Magħmudija tagħmel l-insara u tgħażilhom minn dawk li ma ġewx maħsula bl-ilma li jsaffi u minn dawk li ma humiex ulied ta’ Kristu, hekk is-Sagrament tal-Ordni Sagri jagħżel is-saċerdoti mill-insara l-oħra kollha li ma humiex konsagrati, għaliex huma biss, b’sejħa tas-sema, ġew imdaħħla fil-ministeru l-aktar qaddis li jagħmilhom Ministru tal-Altar Imqaddes u strumenti divini li permezz tagħhom il-bniedem jieħu sehem fil-ħajja sporanaturali mal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu.  Mhux biss, imma, kif diġa għedna, huma biss għandhom il-karattru li ma jitħassarx li jagħmilhom jixbħu s-saċerdozju ta’ Kristu, u l-idejn tagħhom biss huma konsagrati “biex ikun imbierek dak kollu li huma jbierku u dak kollu li jikkonsagraw ikun konsagrat u mqaddes fl-isem tas-Sinjur Tagħna Ġesù Kristu”.[43]  Għand is-saċerdoti, għalhekk, għandu jirrikorri kull min irid igħix fi Kristu, biex min għandhom jirċievi l-konsolazzjoni u l-ikel tal-ħajja spiritwali, il-mediċina tas-saħħa li tfejqu u ssaħħu biex jista’ iqum sewwa mit-telfien u mir-rovina tal-vizzji; mingħandhom, fl-aħħarnett, il-bnedmin jirċievu l-barka li tikkonsagra l-familja, u minnhom l-aħħar nifs tal-ħajja f’din l-art ikun immexxi għad-dħul fit-tgawdija ta’ dejjem.

  TIDDEPENDI MILL-AWTORITÁ

U għalhekk billi l-Liturġija Mqaddsa hi magħmula fuq kollox mis-saċerdoti f’isem il-Knisja, l-organizzazzjoni tagħha, ir-regolamenti tagħha u l-forma tagħha ma jistgħux jiddependu ħlief mill-awtorità tal-Knisja.  Din hi mhux biss konsegwenza tal-istess natura tal-kult nisrani, iżda hija wkoll imwettqa mix-xhieda tal-istorja.

Dan id-dritt tal-Ġerarkija Ekkesjastika, dritt li ħadd ma jista’ jiċħdilha, huwa wkoll ippruvat mill-fatt li l-Liturġija Mqaddsa għandha rabtiet kbar ma’ dawk il-prinċipji tad-duttrina li l-Knisja tpoġġhom bħala biċċa minn veritajiet l-aktar ċerti, u għalhekk il-Liturġija trid tkun taqbel mat-tagħlim tal-fidi Kattolika mgħallma mill-awtorità tal-ogħla Maġisteru li għandu jħares li ma tiġix imħassra r-reliġjon irrivelata minn Alla.

U fuq hekk inħossu li għandna npoġġu fil-veru dawl tagħha ħaġa li naħsbu li tafuha:  l-iżball ċioe’, ta’ dawk li jipprentendu li l-Liturġija hija bħal esperiment tad-domma, fis-sens li jekk waħda mill-veritajiet tal-fidi, permezz taċ-ċerimonji tal-Liturġija, tkun tat frott ta’ pjetà u ta’ qdusija, il-Knisja għandha tapprova dik il-verità, u jekk ma tkunx tat dan il-frott, il-Knisja għandha tiċħadha.  U minn hawn ħareġ il-prinċipju:  Il-Liġi tat-talb hi l-Liġi tat-Twemmin (Lex orandi, lex credendi).

 IL-LITURĠIJA XHIEDA TAL-FIDI

Iżda mhux hekk tgħallem u tikkmanda l-Knisja.  Il-qima li hija tagħti lil Alla hija, kif fil-qosor u biċ-ċar igħid Santu Wistin, professjoni ta’ fidi kattolika li ma taqta’ qatt u eżerċizzju tat-tama u tal-imħabba:  “Alla għandu jiġi onarat bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba”.[44]  Fil-Liturġija Mqaddsa nagħmlu espliċitament professjoni tal-fidi mhux biss biċ-ċelebrazzjoni tal-misteri divini, bis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa u bl-amministrazzjoni tas-Sagramenti, iżda anke bir-reċita u bil-kant tal-Kredu li huwa bħal badge u tessera tal-insara, bil-qari ta’ kitba oħra u tal-Ittri Mqaddsa miktuba bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu.  Il-Liturġija kollha, mela, hi mimlija bil-fidi kattolika, billi tixhed pubblikament il-fidi tal-Knisja.

Għalhekk, kull darba li riedu jiddefinixxu xi domma, il-Papiet u l-Konċilji, meta marru għalhekk imsejjaħ “Fonti teoloġiċi”, ta’ spiss sabu argumenti anke fil-Liturġija Mqaddsa; kif għamel, per eżempju, il-predeċessur Tagħna li qatt ma jintesa, Piju IX, meta ddefinixxa l-Immakulat Konċepiment tal-Verġni Marija.  Bl-istess mod anke l-Knisja u s-Santi Padri, kull darba li qamet xi diskussjoni dwar xi verità kontroversa jew li fuqha kien jinqala’ xi dubju, qatt ma naqsu li jfittxu d-dawl taċ-ċerimonji mgħoddija lilna mil-qedem.  Għalhekk għandna s-sentenza magħrufa u meqjuma:  “Il-Liġi tat-talb tistabilixxi l-liġi tal-Fidi” (Legem credendi lex statuat supplicandi).[45]  Mela, il-Liturġija ma tiddeterminax u lanqas ma tagħmel f’sens assolut u bis-saħħa tagħha stess il-fidi kattolika, iżda billi hija wkoll professjoni tal-veritajiet tas-Sema, professjoni li toqgħod għat-Tagħlim l-aktar għoli tal-Knisja, tista’ tagħti argumenti u xhieda ta’ valur mhux zgħir biex jiġi ċċarat xi punt partikulari tad-duttrina Nisranija.  Jekk irridu niddistingwu u npoġġu b’mod ġenerali u assolut ir-relazzjonijiet li hemm bejn il-fidi u l-Liturġija, nistgħu ngħidu bir-raġun li “il-liġi tal-fidi għandha tistabilixxi l-liġi tat-talb”.  L-istess għandu jingħad dwar il-virtujiet teologali l-oħra:  “fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba nitolbu dejjem b’xewqa li ma taqtax”.[46]

PROGRESS U ŻVILUPP TAL-LITURĠIJA

Il-Ġerarkija tal-Knisja dejjem użat dan id-dritt tagħha fuq il-Liturġija billi ħejjiet u ordnat il-qima lejn Alla u billi għanitha hi sbuħija u ġabra dejjem ġdida għall-ġieħ t’Alla u għall-ġid tal-insara.  Barra dan ma ddubitatx (waqt li dejjem ħarset il-qofol tas-sagrifiċċju Ewkaristiku u tas-Sagramenti) tbiddel dak li qieset mhux f’postu, iżżid dak li kien jidher li b’mod aħjar kien igħin għall-ġieħ ta’ Ġesù Kristu u tat-Trinità Imqaddsa, u għat-tagħlim u għall-ħeġġa fejjieda tal-poplu nisrani.[47]

L-element uman li jimbidel

Il-Liturġija Mqaddsa, infatti, hi magħmula minn elementi umani (magħmula mill-bnedmin) u minn elementi divini (magħmula minn Alla): dawn għaliex magħmula mill-Feddej Divin, hu ċar li ma jistgħux jiġu mibdula mill-bnedmin; iżda l-oħrajn, l-elementi umani, jistgħu jkollhom ħafna tibdiliet, milqugħa mill-Ġerarkija Imqaddsa, megħjuna mill-Ispirtu Santu, skont ma jitolbu ż-żminijiet, l-affarijiet u l-erwieħ.  Minn hawn ġejja l-varjetà tal-għaġeb tar-riti tal-lvant u tal-punent; minn hawn l-iżvilupp dejjem ’il quddiem ta’ konswetudinijiet reliġjużi partikolari u devozzjonijiet fil-bidu bilkemm jissemmew; minn hawn ġej li xi kultant jiġu mibdija mill-ġdid u mġedda istituzzjonijiet qaddisa mħassra miż-żmien.  Dan kollu jixhed il-ħajja tal-Għarusa bla tebgħa ta’ Ġesù Kristu ma’ tul tant sekoli; ifisser l-ilsien minnha użat biex tixhed lill-Għarus Divin Tagħha l-fidi u l-imħabba bla xaba’ tagħha u tal-ġnus lilha f’dati; juri t-tagħlim għaref tagħha biex tħeġġeġ u tkattar f’dawk li jemmnu s-“sens ta’ Kristu”.

Progress kbir

Mhux ftit huma l-kawżi li jfissru u li bihom isir il-mixi ’l quddiem tal-Liturġija Mqaddsa ma’ tul il-ġrajja twila u glorjuża tal-Knisja.

Għalhekk, bħala eżempju, tifsir aktar ċar u aktar fit-tul tat-tagħlim tal-Knisja fuq l-Inkarnazzjoni tal-Verb Divin, fuq is-Sagramenti u s-Sagrifiċċju Ewkaristiku, fuq il-Verġni Marija Omm ta’ Alla, għenn biex jinbdew riti ġodda, li bihom, id-dawl li beda jiddi b’mod isbaħ fit-tagħlim tal-maġisteru tal-Knisja, deher aħjar u aktar ċar fl-egħmil liturġiku, biex jasal aktar malajr fil-moħħ u qalb tal-poplu nisrani.

Żvilupp maż-żmien

L-iżvilupp aktar ’il quddiem tad-dixxiplina tal-Knisja fl-għotja tas-Sagramenti, u bħala eżempju nsemmu s-Sagrament tal-Qrar; it-twaqqif u mbagħad it-tneħħija tal-katekumenat; it-Tqarbina Ewkaristika taħt speċji waħda fil-Knisja Latina, għenu mhux ftit biex imbidlu riti qodma u biex daħlu ftit ftit il-ġodda, u li aktar kienu jaqblu mat-tibdil fid-dixxiplina.  Għal dan il-mixi ’l quddiem u għal dan it-tibdil għenu ħafna l-inizjattivi u d-devozzjonijiet mhux hekk magħquda mal-Liturġija Mqaddsa, li bdew fi żminijiet ta’ wara, bit-tmexxija tal-għaġeb ta’ Alla, u hekk imxerrdin fost l-insara; kif huma, bħala eżempju, il-qima aktar kbira u aktar imħeġġa lejn l-Ewkaristija Mqaddsa, lejn il-passjoni kiefra tal-Feddej tagħna, lejn il-Qalb ta’ Ġesù, lejn il-Verġni Omm t’Alla u lejn il-Għarus kastissimu tagħha.

Fost iċ-ċirkostanzi barranija kellhom is-sehem tagħhom il-pellegrinaġġi pubbliċi ta’ devozzjoni lejn l-oqbra tal-martri, il-ħarsien ta’ sawm speċjali mwaqqaf għall-istess fini, il-purċissjonijiet stazzjonali ta’ penitenza, li kienu jsiru f’dil-Belt Imqaddsa u li fihom ta’ spiss kien jieħu sehem l-istess Papa.

Hu wkoll ħaġa ħafifa li wieħed jifhem kif il-progress fl-arti, speċjalment fl-arkitetura, fil-pittura, u fil-mużika, kellhom influwenza mhux żgħira biex dawn jiġu mmexxija lejn il-Liturġija Mqaddsa u biex magħha b’mod varju jkunu jaqblu.

L-istess dritt fuq il-Liturġija wżat il-Knisja biex tħares il-qdusija tal-qima mill-abbużi mdaħħlin bla mistħija minn nies privati jew knejjes ta’ xi post.  Hekk minħabba li bdew jitkattru ferm użi u konswetudinjiet ta’ dix-xorta fis-seklu sittax, u billi l-inizjattivi privati kienu jheddu s-sħubija tal-fidi u tad-devozzjoni u hekk jgħinu l-eretiċi biex ixerrdu l-ħażen tagħhom, ġara li l-predeċessur tagħna Sistu V biex iħares ir-riti skont il-liġi tal-Knisja u jżomm id-dħul tar-riti ħżiena, waqqaf fl-1588 il-Kongregazzjoni tar-Riti,[48] li llum ukoll għandha s-setgħa li tmexxi u tgħid x’jinħtieġ f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Liturġija Mqaddsa.[49]

IL-PROGRESS TAL-LITURĠIJA MA GĦANDUX JITĦALLA F’IDEJN PRIVATI

Għalhekk il-Papa biss għandu l-jedd li jagħraf u jwaqqaf kull għemil ta’ qima, idaħħal u jilqa’ riti ġodda, ibiddel dawk li jidhirlu li għandhom jidbiddlu;[50]  l-Isqfijiet, wara, għandhom il-jedd u d-dmir li jħarsu bir-reqqa, biex dak li jgħidu l-liġijiet imqaddsa fuq il-qima lejn Alla jkun imħares kif għandu jkun.[51]  Ma jistax ikun li jiġu mħollija f’idejn nies privati, ukoll jekk huma minn fost il-kleru, dawk il-ħwejjeġ imqaddsa u meqjuma li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja reliġjuża tal-għaqda tal-insara, mal-eżerċizzju tas-saċerdozju ta’ Ġesù Kristu u mal-qima lejn Alla, mal-ġieħ li jistħoqq lit-Trinità Mqaddsa, lill-Verb Divin magħmul bniedem, lill-Omm Imqaddsa tiegħu u lill-Qaddisin l-oħra, u mal-ħelsien ta’ dejjem tal-bnedmin kollha; għall-istess ħaġa ħadd ma jista’ jmexxi ’l quddiem f’din il-ħaġa, għemil estern li għandu x’jaqsam b’mod mill-iktar mad-dixxiplina tal-Knisja, mal-ordni, l-għaqda u l-ftehim tal-Ġisem Mistiku, u ta’ spiss ukoll mas-sħubija stess tal-fidi Kattolika.

Użanzi ġodda

Iva, l-Knisja hi ġisem ħaj, u għalhekk ukoll dak li għandu x’jaqsam mal-Liturġija Mqaddsa, waqt li tibqa’ soda s-sħubija tat-tagħlim jikber u jiżviluppa ruħu, billi jibda jimxi u jkun jaqbel maċ-ċirkostanzi taż-żmien u ma’ dak kollu li jitlob tul il-mixja tiegħu; iżda hu ta’ min imaqdar b’mod aħrax il-ħrara bla mistħija ta’ dawk li b’għajnejhom miftuħa jdaħħlu użanzi ġodda fil-liturġija jew iqajmu riti li ġà spiċċaw jew li ma jaqblux mal-liġijiet u mar-rubriki tal-lum.  U mhux mingħajr niket kbir, nafu li sar dan mhux biss fi ħwejjeġ ta’ importanza żgħira, iżda wkoll fi ħwejjeġ ta’ importanza mill-ikbar; hemm infatti min juża l-ilsna mitkellma tal-lum fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, min jagħmel fi żminijiet oħra festi li l-jum tagħhom ġie diġa ffissat għar-raġunijiet sodi; min ineħħi mill-kotba tat-talb pubbliku l-kitba Mqaddsa tat-Testment il-Qadim, għax iqisha ftit taqbel u flokha fi żminijietna.

Dwar l-użu tal-ilsien Latin

L-użu tal-ilsien Latin kif jinsab fl-ikbar parti tal-Knisja, hu sinjal ċar u nobbli tal-għaqda u kontravelenu qawwi għal kull tħassir tas-safa tat-twemmin.  F’ħafna riti, madankollu, l-użu tal-ilsna mitkellma tal-lum jista’ jkun ta’ ġid kbir għall-insara, iżda biss is-Sedi Appostolika għandha s-setgħa li tħallieh jintuża, u għalhekk fuq din il-ħaġa xejn ma jista’ wieħed jagħmel mingħajr il-fehma u l-approvazzjoni tagħha, għaliex, kif għedna, t-tmexxija tal-Liturġija Mqaddsa hi f’idejha biss.

Kontra ċerimonji li spiċċaw

Bl-istess mod għandu wieħed iħares lejn l-isforzi ta’ xi uhud biex jerġgħu jdaħħli ċerti riti u ċerimonji qodma.  Il-Liturġija taż-żmien l-antik jistħoqqilha mingħajr dubju kull qima, iżda użu antik, għax biss antik, mhux l-aħjar tant fih in-nifsu kemm imqabbel maż-żminijiet ta’ wara u mal-kondizzjonijiet ġodda li daħlu.  Ir-riti tal-liturġija l-aktar qrib fiż-żmien, huma ta’ ġieħ, għaliex bdew taħt it-tmexxija tal-Ispirtu Santu li Hu mal-Knisja sa ma jispiċċaw iż-żminijiet[52] u huma mezzi li bihom l-Għarusa Miqjuma ta’ Ġesù Kristu, tisserva biex tħeġġeġ u tikseb il-qdusija tal-bnedmin.

Hi żgur ħaġa sewwa u ta’ min ferm ifaħħar li tasal bil-moħħ u bir-ruħ għall-bidu tal-Liturġija Mqaddsa, għax l-istudju tagħha meta jinġabar fuq il-bidu tagħha jgħin mhux ftit biex wieħed jifhem xi jfissru l-festi, u biex jgħarbel aħjar u aktar it-tifsir taċ-ċerimonji; iżda mhux ukoll ħaġa sewwa u ta’ min ifaħħar twassal kollox u b’kull mod lejn il-qedem.  Hekk, bħala eżempju, qed jiżbalja min irid jagħti ’l-aktar sura qadima ta’ mejda; min irid ineħħi mill-ilbies liturġiku l-kulur iswed; min irid ineħħi mill-knejjes il-kwardri u l-istatwi mqaddsa; min irid ma jidhrux fix-xbihat tal-Feddej imsallab bid-duluri kiefra li Hu ġarrab; min jiċħad u jmaqdar il-kant polifoniku wkoll meta hu skont dak li trid is-Santa Sede.

Kollox għandu jsir f’għaqda mal-Ġerarkija

Kif, infatti, ebda nisrani bil-għaqal ma jista’ jiċħad il-mod li bih it-tagħlim nisrani hu magħmul u mogħti b’siwi kbir fi żmien qrib tagħna mill-Knisja, imnebbħa u mmexxija mill-Ispirtu Santu, biex jerġa’ lura għall-formoli antiki tal-ewwel Konċilji, jew jista’ jiċħad il-liġijiet tal-lum biex jerġa’ lura għal dak li kienu jwiddbu l-liġijiet anitki tal-Liġi li huma l-egħjun tal-lum tal-Knisja, hekk ukoll, fil-Liturġija Mqaddsa ma jkunx imqanqal minn ħeġġa sewwa u intelliġenti min irid jerġa’ lura għar-riti u l-użu qodma billi jiċċħad il-ġodda mdaħħlin bit-tmexxija tal-provvidenza t’Alla u mit-tibdil taċ-ċirkostanzi.  Min jaħseb u jagħmel b’dal-mod mhux jagħmel ħaġa oħra ħlief iqajjem l-arkeoloġiżmu żejjed u bla għaqal imqanqal mill-Konċilju mhux leġittimu ta’ Pistoja, u qed jipprova iqajjem dawk il-ħafna żbalji li kienu l-bidu ta’ dak il-konċiljabolu u li ġew warajh b’tant ħsara tal-erwieħ, u li l-Knisja, għassiesa dejjem lesta tad-“Depositu tal-fidi”, lilha fdat mill-Fundatur divin tagħha, bir-raġun kollu ikkundannat.[53]  Infatti dawn l-inizjattivi u fehmiet ta’ min imqadar ma jagħmlux għajr ifixklu l-ħidma li tagħti l-qdusija li biha l-Liturġija Mqaddsa tmexxi żgur lejn Missierna fis-Smewwiet l-ulied adottati.

Kollox mela għandu jsir f’għaqda meħtiega mal-Ġerarkija tal-Knisja.  Ħadd ma għandu jieħu fuqu l-jedd li jkun liġi għalih innifsu u jagħtiha lil ħaddieħor minn rajh.  Il-Papa biss, bħala suċċessur ta’ San Pietru li l-Feddej fdalu l-merħla kollha,[54] u l-Isqfijiet ukoll li taħt it-tmexxija tas-Sedi Appostolika, “l-Ispirtu Santu qiegħed biex imexxu l-Knisja t’Alla”,[55] għandhom id-dritt u d-dmir li jmexxu l-poplu nisrani.  Għalhekk, Ħuti meqjuma, kull darba li tħarsu s-setgħa tagħkom — u jekk jeħtieġ ukoll b’severità li tkun ta’ ġid — mhux biss qed taqdu d-dmir tagħkom iżda wkoll tkunu tħarsu r-rieda stess tal-Fundatur tal-Knisja.

 

II

IL-QIMA TAL-EWKARISTIJA

NATURA TAS-SAGRIFIĊĊJU EWKARISTIKU

Il-Misteru tal-Ewkaristija Mqaddsa, imwaqqfa’ mis-Saċerdot il-Kbir Sidna Ġesù Kristu, u b’rieda tiegħu tiġġedded għal dejjem mill-ministri tiegħu, hi qisha l-qofol u ċ-ċentru tat-twemmin nisrani.  Billi l-Ewkaristija hi l-qofol tal-Liturġija Mqaddsa, jidhrilna f’loku, Ħuti miqjuma, li ntawlu ftit u niġbdu l-attenzjoni tagħkom fuq dan l-argument.

IL-QUDDIESA L-ISTESS BĦAS-SAGRIFIĊĊJU TAL-KALVARJU

Sidna Ġesù Kristu, “Saċerdot għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek,”[56] li, “għax ħabb lil Tiegħu li kienu fid-dinja”[57] “fl-aħħar ċena, fil-lejl li ġie mibjugĦ, biex iħalli lill-Knisja, Għarusa maħbuba Tiegħu, sagrifiċċju li jidher — għax hekk trid in-natura tal-bniedem — li jkun xbieha tas-sagrifiċċju bit-tixrid tad-demm, li darba biss kellu jintemm fuq is-Salib, u biex it-tifkira Tiegħu tibqa’ sal-aħħar taż-żminijiet, u l-qawwa fejjieda Tiegħu tiġi mogħtija għall-maħfra tad-dnubiet tagħna ta’ kuljum. offra lil Missier Alla l-Ġisem Tiegħu u d-Demm Tiegħu taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-inbid, u tah lill-Appostli li ġew magħmula saċerdoti tat-Testment il-Ġdid, biex jeħduh taħt l-istess speċji, waqt li ordna lilhom u lis-suċċessuri tagħhom fis-saċerdozju, li joffruh”.[58]

Is-Sagrifiċċju Mqaddes tal-altar ma huwiex, mela, biss tifkira sempliċi tal-passjoni u l-mewt  ta’ Sidna Ġesù Kristu, iżda hu sagrifiċċju tassew li fih, is-Saċerdot il-Kbir, billi joffri lilu nnifsu bla tixrid ta’ demm, jagħmel dak li għamel darba fuq is-Salib meta offra lilu nnifsu kollu kemm hu, bħala vittma l-iktar miġjuba.  “Waħda. u l-istess hi l-vittma, Dak l-istess li issa joffri bil-ministeru tas-saċerdoti, offra lilu nnifsu fuq is-salib; mhux l-istess il-mod biss kif issir l-offerta”.[59]

Mela l-istess hu s-Saċerdot, Ġesù Kristu, li l-persuna Tiegħu tidher mill-ministru tiegħu.  Dan minħabba l-konsagrazzjoni saċerdotali li rċieva, jixbaħ lis-Saċerdot il-Kbir, u għandu s-setgħa jopra bil-qawwa u f’isem Kristu stess;[60] għalhekk, bil-ħidma tiegħu saċerdotali, b’xi mod “jagħti ’l Kristu lsienu, joffrilu idu”.[61]

L-istess ukoll hija l-vittma, jiġifieri l-Feddej Divin, skont in-natura tiegħu ta’ bniedem u fir-realtà tal-Ġisem Tiegħu u tad-Demm Tiegħu.  Iżda mhux l-istess huwa l-mod li bih Kristu hu offert.  Fuq is-Salib Hu offra ’l Alla lilu nnifsu kollu kemm hu u t-tbatijiet Tiegħu, u l-qirda tal-vittma saret b’mewt, milqugħa minn rajh, bit-tixrid tad-demm; iżda fuq l-artal, imħabba l-istat ħieni tan-natura ta’ Kristu, “il-mewt, ma għandhiex aktar setgħa fuqu”,[62] u għalhekk ma jistax ikun hemm tixrid ta’ demm; iżda l-Għerf t’Alla sab il-mod tal-għaġeb biex jagħmel jidher is-sagrifiċċju tal-Feddej tagħna b’sinjali sensibbli li huma simboli tal-mewt.  Għaliex, bit-transustanzazzjoni tal-ħobż fil-Ġisem u tal-inbid fid-Demm ta’ Kristu kif hemm tassew preżenti l-Ġisem Tiegħu, hekk ukoll hemm id-Demm Tiegħu; l-ispeċji ewkaristiċi, li taħthom hemm Hu, imbagħad jissimboleġġaw il-firda bit-tixrid ta’ demm, tal-ġisem mid-demm ta’ Kristu.  Hekk it-tifkira tal-mewt tassew fuq il-Kalvarju tiġġeded f’kull sagrifiċċju tal-altar, għaliex b’simboli magħżula minn xulxin jiġi mfisser u muri li Kristu hu fi stat ta’ vittma.

GĦALIEX ISSIR IL-QUDDIESA

L-istess fl-aħħar, huma l-finijiet, li fosthom l-ewwel hi l-għotja ta’ ġieħ lil Alla.  Mit-twelid sal-mewt, Ġesù Kristu kien mixgħul bil-ħeġġa għall-glorja t’Alla, u minn fuq is-Salib, l-offerta tad-Demm waslet fis-sema bi fwieħa li tgħaxxaq.  U biex din il-għanja qatt żgur ma tintemm, fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku l-membri jingħaqdu mal-Kap Divin tagħhom u Miegħu, mal-Anġli u mal-Arkanġli, jgħannu ’l Alla għana li qatt ma’ jaqta’[63] u hekk jagħtu lill-Missier li jista’ kollox kull qima u tifħir.[64]

It-tieni fini hu ta’ ħajr lil Alla.  Il-Feddej Divin biss bħala l-Iben il-Maħbub tal-Missier Etern li tiegħu kien jaf l-imħabba bla qies, seta’ joffrilu għanja xierqa ta’ ħajr.  Dan kellu f’rasu u dan ried meta “iżża il-ħajr”[65] fl-aħħar ċena u kompla jagħmlu fuq is-Salib u jkompli jagħmlu fis-Sagrifiċċju Mqaddes tal-altar, li proprju jfisser għemil ta’ ħajr jew ewkaristiku: u dan għaliex hi “ħaġa tassew xierqa u sewwa; skont il-ħaqq u ta’ fejda”.[66]

It-tielet fini hu tpattija.  Hu żgur li ħadd minbarra Kristu ma’ seta’ jagħti ’l Alla li jista’ kollox tpattija xierqa għad-dnubiet tal-bnedmin:  Hu, għalhekk, ried joffri lilu nnifsu fuq is-salib bħala “tpattija ta’ dnubietna, u mhux tagħna biss iżda tad-dinja kollha”.[67]  Fuq l-altari Ġesù joffri lilu nnifsu kull jum ukoll għall-fidwa tagħna, sabiex, meħlusa mit-telfin ta’ dejjem niġu milqugħa fil-merħla tal-magħżulin.  U dan mhux għalina biss li qegħdin f’din il-ħajja li tispiċċa, iżda wkoll “għall dawk kollha li jistrieħu fi Kristu, li marru qabilna bis-sinjal tat-twemmin u qegħdin jistrieħu fis-sliem,[68] għaliex, kemm jekk qed ngħixu; kemm jekk imutu “ma ninfirdux minn Kristu l-wieħed”.[69]

Ir-raba’ fini hu t-talb.  Iben il-ħali, il-bniedem nefaq ħażin u xerred il-ġid kollu li ha mill-Missier tas-sema, għalhekk jinsab mitfugħ fl-akbar miżerja u hemm; minn fuq is-Salib Kristu, “għax b’leħen għoli u bi dmugħ offra talb u suppliki. ġie mismugħ għall-qdusija Tiegħu”[70] u fuq l-altari mqaddsa bl-istess imħabba jaqbeż għalina u jaqlagħna żgur biex aħna nkunu mimlija b’kull barka u ġid.

Għalhekk wieħed malajr jifhem għaliex l-imqaddes Konċilju ta’ Trento jgħid li fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku tiġi lilna mogħtija l-qawwa fejjieda tas-Salib għall-maħfra tad-dnubiet tagħna ta’ kull jum.[71]

L-Appostlu tal-Ġnus, imbagħad, wara xandar il-milja bla qies u l-perfezzjoni tas-Sagrifiċċju tas-Salib, qal li Kristu b’sagrifiċċju wieħed għamel perfetti għal dejjem dawk li ġew imqaddsa.[72]  Il-meriti ta’ dan is-sagrifiċċju bla qies u mill-ikbar, m’għandhomx tarf; jaslu sal-bnedmin kollha ta’ kull pajjiż u ta’ kull żmien, għaliex, fih, is-saċerdot u vittma hu l-Bniedem-Alla; għaliex l-offerta tiegħu u l-ubbidjenza tiegħu għar-rieda tal-Missier Etern kienet mill-aktar perfetta, u għaliex hu ried imut bħala Kap tal-bnedmin kollha:  “Għarbel ftit kif sar il-ħelsien tagħna mill-jasar:  Kristu mdendel fuq is-Salib: ara b’liema prezz xtrana.; xerred demmu, xtrana b’demmu, bid-demm tal-Ħaruf bla tebgħa, bid-demm tal-Iben waħdani t’Alla. Min qed jixtri hu Kristu, il-prezz hu d-demm, dak li qed jinxtara hu d-dinja kollha”.[73]

JEĦTIEĠ IS-SEHEM TAGĦNA

Iżda dan il-ħelsien ma kellux l-effett tiegħu mill-ewwel:  kien jeħtieġ li Kristu, wara li ħeles id-dinja bil-prezz hekk għoli tiegħu nnifsu, jieħu setgħa tassew u tabilħaqq fuq l-erwieħ.  Għalhekk mela, biex bi pjaċir t’Alla ssir għall-bnedmin kollha u għall-ġenerazzjonijiet kollha sal-aħħar taż-żminijiet il-fidwa u l-ħelsien tagħhom hu assolutament meħtieġ li kulħadd jiġi f’kuntatt li jagħti l-ħajja, mas-Sagrifiċċju tas-Salib, u hekk il-meriti li minnu ġejjin, jiġi lilhom imwassla u mogħtija.  Nistgħu ngħidu li Kristu bena fuq il-Kalvarju għajn ta’ tisfija u ta’ ħelsien li mela’ bid-demm minnu mxerred; iżda jekk il-bnedmin ma jinżlux f’dan id-demm u ma jaħslux fih it-tebgħat tal-ħażen tagħhom, ma jistgħux jiġu msoffija u meħlusa.

Għalhekk biex kull midneb jitnaddaf fid-demm tal-Ħaruf, hu meħtieġ li l-insara jagħmlu s-sehem tagħhom.  Għalkemm Kristu, jekk nitkellmu b’mod ġenerali, għamel ħbieb mal-Missier, bil-mewt Tiegħu bit-tixrid tad-demm, il-bnedmin kollha, ried ukoll li kulħadd jersaq u jiġi mwassal sas-salib bis-Sagrament u bis-Sagrifiċċju Ewkaristiku biex ikun jista’ jikseb il-frott ta’ fejda minnu mirbuħ fuq is-Salib.  Billi jieħdu sehem f’dan tabilħaqq u kull wieħed hu nnifsu, hekk kif il-membri kull jum aktar jixxebbħu mal-Kap Divin tagħhom ukoll il-qawwa li tiġi mill-Kap tinxtered fil-membri, b’mod li kull wieħed minna jista’ jtenni kliem San Pawl:  “Jiena imsallab ma’ Kristu fuq is-salib, u ngħix mhux jien, iżda jgħix fija Kristu”.[74]  Kif, difatti, darba oħra tkellimna proprju fuq dil-ħaġa u fil-qasir, Ġesù Kristu “waqt li kien qed imut fuq is-salib, ta lill-Knisja Tiegħu, mingħajr ma hi kellha ebda sehem fil-ħaġa, it-teżor immens tal-fidwa; meta mbagħad niġu għat-tqassim ta’ dan it-teżor, Hu mhux biss jaqsam mal-Għarusa Tiegħu bla tebgħa din l-opra ta’ qdusija, iżda jrid li din il-ħaġa tiġi b’xi mod ukoll mill-ħidma tagħha”.[75]

Is-Sagrifiċċju Mqaddes tal-Altar hu strument qawwi għat-tqassim fost dawk li jemmnu tal-meriti li ġejjin mis-Salib tal-Feddej Divin: “kull darba li jiġi magħmul dan is-sagrifiċċju, tintemm l-opra tal-fidwa tagħna”.[76]  Iżda hu, minflok li jnaqqas mid-dinjità tas-Sagrifiċċju bit-tixrid tad-Demm, ipoġġi ’l quddiem, kif jgħid il-Konċilju ta’ Trento[77] il-kobor tiegħu u jxandar il-ħtieġa tiegħu.  Għax jiġġedded kull jum iwissina li ma hemmx fidwa barra s-Salib ta’ Sidna Ġesù Kristu;[78] li Alla jrid li jitkompla dan is-Sagrifiċċju “minn tlugħ sa nżul ix-xemx”[79] biex ma jqata’ qatt il-għana ta’ ġieħ u ta’ ħajr li l-bnedmin huma fid-dmir li jagħtu l-Ħallieq, billi jeħtieġu l-għajnuna ma taqtax Tiegħu u tad-Demm tal-Feddej biex iħassar id-dnubiet li joffendu l-Ħaqq tieghu.

L-INSARA JIEĦDU SEHEM FIS-SAGRIFIĊĊJU

Hu meħtieġ, mela, Ħuti miqjuma, li l-insara kollha jqisu bħala l-aqwa dmir tagħhom u dinjità mill-ikbar li jieħdu sehem fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku mhux billi jassistu b’mod li qishom ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li qed isir, traskurati u moħhom band’oħra, iżda b’impenn u ħeġġa hekk kbira li jingħaqdu b’mod tal-għageb mas-saċrerdot il-Kbir, kif jgħid l-Appostlu:  “Ikollkom fikhom l-istess sentimenti li kienu f’Ġesù Kristu[80] billi toffru miegħu u għalih, u billi titqaddsu miegħu”.

Hu tassew minnu Ġesù Kristu hu saċerdot, mhux għalih innifsu, iżda għalina, billi jwassal għand il-Missier Etern ix-xewqat u s-sentimenti reliġjużi tal-bnedmin kollha; Ġesù hu vittma, imma għalina, billi ħa l-post tal-bniedem midneb; issa kliem l-Appostlu: “ikollkhom fikom l-istess sentimenti li kienu f’Ġesù Kristu”, irridu mill-insara kollha li dawn ikollhom fihom sakemm jista’ l-bniedem, l-istess stat tar-ruħ li kellu l-Feddej Divin meta kien jagħmel is-Sagrifiċċju tiegħu nnifsu:  is-sottomissjoni umli tal-Ispirtu, jiġifieri, l-adorazzjoni, il-ġieħ, it-tifħir u l-ħajr lil-Kobor t’Alla; iridu mbagħad li jkollhom fihom l-istess kondizzjonijiet tal-vittma:  iċ-ċaħda tiegħek innifsek skont it-tagħlim tal-Vanġelu, l-għemil minn rajk bla ma mġiegħel tal-penitenza, is-sogħba u t-tpattija tad-dnubiet.  Iridu, f’kelma waħda, il-mewt mistika tagħna fuq is-Salib ma’ Kristu, b’mod li nistgħu ngħidu ma’ S. Pawl:  “imsallab ma’ Kristu fuq is-Salib”.[81]

SEHEM L-INSARA MHUX BĦAL TAS-SAĊERDOTI

Jeħtieġ, Ħuti miqjuma, tfissru ċar lill-merħliet tagħkom li, għalkemm l-insara jieħdu sehem fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku, dan ma jfissirx li huma għandhom is-setgħa tas-saċerdozju.  Għaliex fi żmiena, hemm x’uħud li, billi qorbu lejn tagħlim qarrieqi diġà ikkundannat,[82] jgħallmu illi fit-Testment il-Ġdid mhux magħruf ħlief is-saċerdozju li hu tal-imgħammdin kollha, u li l-kmand mogħti minn Ġesù lill-Appostli fl-aħħar ċena biex jagħmlu dak li kien għamel Hu, ġie mogħti direttament lill-Knisja kollha tal-insara, u wara biss daħal is-saċerdozju ġerariku.  Għalhekk iżommu li l-poplu biss għandu setgħa tassew saċerdotali, waqt li s-saċerdot jagħmel dak li jagħmel biss għax il-għaqda tal-insara fdatlu f’idejh dan ix-xogħol.  Jidhrilhom għalhekk li s-Sagrifiċċju Ewkaristiku hu tassew “konċelebrazzjoni”, u li hu aħjar li s-saċerdoti “jiċċelebraw flimkien” mal-poplu li jkun preżenti, milli joffru s-sagrifiċċju tal-Quddiesa fil-privat meta ma hemm ħadd.

Għalxejn tfisser kif dan it-tagħlim qarrieqi, li jidher hekk jiġbdek, hu kuntrarju għall-veritajiet li wrejna iktar lura, meta tkellimna fuq il-post li jmiss lis-saċerdot fil-Ġisem Mistiku ta’ Kristu.  Infakkru biss li s-saċerdot hu flok il-poplu għax jidher flok Sidna Ġesù Kristu bħala Kap tal-membri kollha li offra lilu nnifsu għalihom:  għalhekk jitla’ fuq l-altar bħala ministru ta’ Kristu, inqas minnu, iżda aqwa mill-poplu.[83]  Min-naħa l-oħra l-poplu, billi għall-ebda raġuni ma jirrapreżenta l-persuna tal-Feddej Divin, u billi lanqas ma jindaħal bejnu u bejn Alla, ma jista’ jkollu b’ebda mod setgħat saċerdotali.

JOFFRU S-SAGRIFIĊĊJU FLIMKIEN MAS-SAĊERDOT

Dan kollu hi ta’ fidi ċerta; iżda għandna ngħidu wkoll li l-insara joffru wkoll il-vittma divina, jekk inħarsu lejn din il-ħaġa minn naħa oħra.

Qaluh ċar diġà x’uħud mill-papiet li ġew qabilna u minn Dutturi tal-Knisja.  “Mhux biss — hekk igħid il-Papa Innoċenzju III — joffru s-saċerdoti, iżda l-fidili wkoll; għaliex dak li fil-partikular isir mill-ministeru tas-saċerdoti, isir ukoll universalment b’xewqa tal-fidili”.[84]  U nieħdu pjaċir insemmu waħda mill-ħafna siltiet mill-kotba ta’ S. Robertu Bellarmino fuq din il-ħaġa: “Is-sagrifiċċju — jgħidilna — hu offert prinċipalment fil-persuna ta’ Kristu.  Għalhekk l-offerta li tiġi wara l-konsagrazzjoni tixhed li l-Knisja kollha tingħaqad fl-offerta magħmula minn Kristu u toffri flimkien miegħu”.[85]

Mhux inqas ċar ir-riti u t-talb tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku jfissru u juru li l-offerta tal-vittma hi magħmula mis-saċerdoti magħqudin mal-poplu.  Infatti mhux biss is-saċerdot, wara l-offerta tal-ħobż u tal-imbid, idur lejn il-poplu u jgħid ċar u tond: “Itolbu, ħuti, sabiex is-sagrifiċċju tiegħi u tagħkom ikun milqugħ quddiem Alla l-Missier li jista’ kollox”,[86] iżda wkoll it-talb li bih il-vittma divina tiġi offerta, jingħad, aktarx, fil-plural, u fih spiss jiġi muri li l-poplu wkoll qed jieħu parti bħala dak li qed joffri f’dan is-Sagrifiċċju Mqaddes.  Bħala eżempju, fil-Quddiesa jingħad: “Li għalihom aħna noffru u huma wkoll joffrulek.Għalhekk nitolbuk, Mulej, tilqa’ din l-offerta tal-qaddejja tiegħek, u tal-familja tiegħek kollha. Aħna qaddejja tiegħek kif ukoll il-poplu mqaddes tiegħek, noffru lil kobor għoli tiegħek, mill-ħwejjeġ kollha li Int tajtna, l-Ostja pura, l-Ostja Mqaddsa, l-Ostja ta’ bla tebgħa”.[87]

M’hemmx għax wieħed jistagħġeb li l-insara ġew imgħollija għal din id-dinjità.  Bl-ilma tal-Magħmudija l-insara, b’titolu komuni, isiru membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu Saċerdot, u bil-“karattru” li jiġi stampat f’ruħhom jiġu magħżula għall-qima lejn Alla, billi jieħdu sehem, skont l-istat tagħhom, fis-Saċerdozju ta’ Kristu.

Fil-Knisja Kattolika, ir-raġuni tal-bniedem imdawla bil-fidi dejjem ippruvat tifhem mil-aħjar li tista’ l-ħwejjeġ t’Alla:  għalhekk hi ħaġa naturali li l-poplu nisrani jitlob bil-qima kollha, taħt liema tifsir fil-Kanoni tal-Quddiesa jingħad li hu wkoll joffriha.  Biex nissodisfaw din ix-xewqa qaddisa għandna pjaċir nitkellmu fuq dan is-suġġett fil-qasir b’mod ċar.

GĦALIEX L-INSARA JOFFRU WKOLL IL-QUDDIESA

Hemm, qabel xejn, raġunijiet aktarx mill-bogħod: ta’ spiss, jiġifieri, jiġri li l-insara, waqt is-smigħ tal-Quddies, jgħaqqdu t-talb tagħhom ma’ dak tas-saċerdot biex iwieġbu għal xi talb tiegħu;  xi kultant ukoll jiġri, u dari dan kien jiġri aktar ta’ spiss, li huma jagħtu lill-ministru tal-altar il-ħobż u l-imbid biex isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kirstu; u fl-aħħar, għaliex bl-elemożina jagħmlu b’xi mod li s-saċerdot joffri għalihom il-vittma divina.

Iżda hemm raġuni aktar għolja li minħabba fiha nistgħhu ngħidu li l-insara kollha, speċjalment dawk li jkunu jisimgħu l-Quddiesa, jagħmlu offerta.

Biex ma nqanqlux tagħlim qarrieqi mill-aktar ta’ ħsara fuq din il-ħaġa hekk ta’ siwi jeħtieġ infissru bir-reqqa kollha t-tifsir tal-kelma “offerta”.  Il-qirda ta’ vittma bla tixrid ta’ demm, li biha, wara li jkunu ntqalu l-kliem tal-konsagrazzjoni, Kristu jinsab fuq l-altar bħala vittma, isir biss mis-saċerdot bħala dak li jidher fil-persuna ta’ Kristu, u mhux bħala rappreżentant tal-persuna tal-insara.  Iżda waqt li jpoġġi fuq l-altar il-vittma divina s-saċerdot jippreżentaha lil Missier Alla bħala offerta f’gieħ it-Trinità Mqaddsa għall-ġid tal-insara kollha.  Għal din l-offerta l-insara jieħdu sehem, kif inhu lilhom permess, għal żewġ raġunijiet: għaliex huma joffru s-Sagrifiċċju mhux biss permezz ta’ idejn is-saċerdot, iżda, b’xi mod, flimkien miegħu, u b’dan it-tisħib l-offerta wkoll magħmula mill-poplu għandha x’taqsam mal-qima liturġika.

KIF JOFFRU L-QUDDIES L-INSARA

Li l-insara joffru s-sagrifiċċju permezz tas-saċerdot jidher ċar mill-fatt li l-ministru tal-altar jagħmel li jagħmel f’isem Kristu bħala Kap, li joffri f’isem il-membri kollha:  u għalhekk bir-raġun kollu ngħidu li l-Knisja, permezz ta’ Kristu, tagħmel l-offerta tal-vittma.  Meta imbagħad ngħidu li l-poplu joffri flimkien mal-qassis ma rridux ingħidu li l-membri tal-Knisja, l-istess bħas–saċerdot, jagħmel ir-rit liturġiku viżibbli — dak hu biss għemil tal-ministru magħżul għalhekk minn Alla — iżda rridu ngħidu li l-poplu jgħaqqad ix-xewqat tiegħu ta’ tifħir, ta’ talb, ta’ tpattija u ta’ ħajr mal-intenzjoni tal-qassis, anzi mal-intenzjoni tal-istess Saċerdot Kbir, biex jiġu ppreżentati lill-Missier Alla fl-istess offerta tal-vittma, bir-rit estern ukoll tas-Saċerdot.  Hu meħtieġ li r-rit estern juri minnu nnifsu l-qima nterna:  issa, is-sagrifiċċju tal-Liġi l-Ġdida jfisser il-qima l-iżjed għolja li biha l-ewlieni fost dawk li joffru (u dan hu Kristu stess), u miegħu u permezz tiegħu l-membri mistiċi tiegħu kollha jqimu kif jixraq ’l Alla. 

B’ferħ kbir tagħna qalulna li dan it-tagħlim, l-aktar f’dawn l-aħħar żminijiet, minħabba l-ħafna studji tal-liturġija, ġie mfisser kif għandu jkun:  iżda ma jistax ma jisgħobbiniex l-eżaġerazzjonijiet u t-tifsir ħażin tas-sewwa li ma jaqblux mat-tagħlim veru tal-Knisja.

X’uħud jikkundannaw għal kollox il-Quddies fil-privat fejn ħadd ma jisimgħu, qisu dan sejjer kontra sura ewlenija tas-sagrifiċċju; u hemm ukoll min igħid li l-qassissin ma jistgħux iqaddsu fl-istess ħin fuq ħafna altari, għax hekk jifirdu l-komunità u jheddu l-għaqda tagħha: u ma jonqsux lanqas dawk li jaslu biex jemmnu li meħtieġa l-konferma u r-ratifika tas-sagrifiċċju mill-poplu biex ikollu l-qawwa u l-effikaċja tiegħu.

Jiżbalja min irid jipprova din il-ħaġa mill-karattru soċjali tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku.  Kull darba, difatti, li s-saċredot iġedded dak li għamel il-Feddej divin fl-aħħar ċena, is-sagrifiċċju jkun tassew mitmum, u għandu, dejjem u kullimkien, bilfors u minnu nnifsu, ħidma pubblika u soċjali, għaliex minn joffri qed joffri f’isem Kristu u f’isem l-insara, li tagħhom il-Feddej Divin hu l-Kap, u joffrih ’l Alla għall-Knisja Mqaddsa Kattolika u għall-ħajjin u għall-mejtin.[88]  U dan żgur isir kemm jekk hemm nies jisimgħu l-Quddies — u nixtiequ nirrikkmandaw li l-insara jisimgħu l-Quddies b’numru kbir u b’ħeġġa mill-iżjed — kemm jekk ma jkunx hemm min jisma’ għax mhux meħtieġ bl-ebda mod li l-poplu jirratifika dak li jagħmel is-saċerdot.

Għalhekk, mela, minn dak lli għedna, jidher ċar li l-Quddiesa hi offerta f’isem Kristu u l-Knisja, u mhix nieqsa mill-frott tagħha soċjali, ukoll jekk titqaddes mingħajr ma jkun hemm ħadd biex igħinha, madankollu, f’ġieh dal-misteru, irridu ninsistu — kif dejjem riedet il-Knisja Mqaddsa — li ebda saċerdot ma jitla’ fuq l-artal mingħajr ma jkollu min igħinu u jwieġbu kif irid il-kan. 813.

JOFFRU WKOLL LILHOM INFUSHOM BĦALA VITTMI

Biex imbagħad din l-offerta, li biha f’dan is-Sagrifiċċju l-insara joffru l-vittma divina lill-Missierna fis-smewwiet, ikollha l-effett kollu tagħha, jeħtieġ li huma wkoll joffru lilhom infushom bħala vittmi.

Din l-offerta ma ssirx biss bis-Sagrifiċċju tal-liturġija.  Il-Prinċep tal-Appostli jrid li għaliex mibnija qisha ġebel ħaj fuq Kristu, nistgħu bħala “saċerdozju mqaddes, noffru vittmi spiritwali li jogħġbu ’l Alla permezz ta’ Ġesù Kristu”;[89] u San Pawl Appostlu, mingħajr ma jagħmel ebda għażla ta’ żmien iħeġġeġ l-insara kollha b’dawn il-kelmiet:  “Jiena mela nitlobkom bil-ħerqa, ħuti.sabiex toffru l-ġisem tagħkom bħala vittma ħajja, qaddisa, li togħġob ’l Alla, bħala qima tagħkom skont ir-raġuni”.[90]  Iżda l-aktar meta l-insara jieħdu sehem fl-għemil liturġiku b’tant ħeġġa u ġabra li tista’ tassew tgħid għalihom: “li tagħhom hi magħrufa l-fidi kif ukoll l-qima”,[91] ma jistax ikun li l-fidi ta’ kull wieħed minnhom ma taħdimx iktar malajr permezz tal-imħabba, li ma tissaħħaħx u titkebbes il-ħeġġa, u li ma jingħatawx ilkoll ħalli jfittxu l-ġieħ t’Alla billi jkunu jixtiequ bl-ikbar ħeġġa jsiru mill-iktar jixbhu lil Ġesù Kristu li bata tbatija tal-għaġeb, billi joffru lilhom infushom is-Saċerdot il-Kbir u permezz tiegħu bħala ostja spiritwali.

Dan jgħallmu wkoll il-kliem li l-Isqof jgħid f’isem il-Knisja lis-saċerdoti f’jum il-konsagrazzjoni tagħhom: “Aħsbu fuq dak li qed tagħmlu, ixbħu lil dak li qed tagħmlu billi waqt li tiċċelebraw il-misteru tal-mewt tal-Mulej, tfittxu b’kull mezz tgħakksu ġisimkom mill-vizzji u l-ġibdiet ħżiena”.[92]  U kważi bl-istess mod fil-kotba tal-Liturġija l-insara jiġu mħeġġa li jersqu lejn l-altar biex jieħdu sehem fil-misteri mqaddsa:  “J’Alla fuq dan l-altar tiġi meqjuma l-innoċenza, tiġi ssagrifikata s-suppervja, tinqered il-għadba, tiġi ferita ż-żina u kull ħażen, jiġi mogħti, u flok il-ħamiem, is-sagrifiċċju tas-safa”.[93]  Mela meta nassistu ħdejn l-altar, irridu nbiddlu ruħna, b’mod li jinqered mill-egħruq kull dnub, u li fiha, bl-akbar għaqal, jiġi msaħħaħ u mqawwi dak kollu li bi Kristu jagħti l-ħajja sopranaturali:  u hekk insiru, flimkien mal-Ostja bla Tebgħa, vittma li togħġob lill-Missier Alla.

Il-Knisja tipprova, bil-preċetti tal-Liturġija mqaddsa, biex isseħħ mill-aħjar din ix-xewqa hekk qaddisa.  Dan ifittxu mhux biss il-qari, l-omelji, u t-tħeġġiġ l-ieħor tal-ministri mqaddsa, u b’ġabra l-misteri li jiġu mfakkra ma’ tul is-sena, iżda wkoll l-ilbies, ir-riti mqaddsa u dak kollu li jidher fiċ-celebrazzjoni tagħhom li jridu “jġiegħlu lill-insara jaħsbu fil-kobor ta’ dan is-Sagrifiċċju, iħeġġuhom, bis-sinjali li jidhru ta’ ġabra u qima, biex jikkontemplaw il-ħwejjeġ l-iktar għoljin u moħbija f’dan is-Sagrifiċċju”.[94]

L-elementi kollha tal-Liturġija jfittxu li joħolqu f’ruħna x-xbieha tal-Feddej Divin bil-misteru tas-Salib, kif igħidu l-Appostlu tal-Ġnus: “Ma’ Kristu msallab fuq is-salib, u ngħix mhux aktar jiena, iżda Kristu jgħix fija”.[95]  U għal din il-ħaġa nsiru ostja flimkien ma’ Kristu għall-ġieħ dejjem akbar t’Alla.

DINJITA’ KBIRA

Għal dan mela għandhom iħarsu u jgħollu ruħhom l-insara li joffru l-vittma divina fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku.  Jekk, kif jikteb S. Wistin, fuq il-mejda tal-Mulej hu mpoġġi l-misteru tagħna, jiġifieri l-istess Kristu l-Mulej[96] bħala Kap u simbolu ta’ dik il-għaqda li biha aħna ġisem Kristu,[97] u membri ta’ Ġismu;[98] jekk S. Robertu Bellarmino jgħallem, skont il-fehma tal-għaref ta’ Ippona, li fis-Sagrifiċċju tal-Altar hu mfisser is-sagrifiċċju ġenerali li bih il-ġisem mistiku kollu ta’ Kristu, jiġifieri l-belt kollha mifdija tiġi offerta ’l Alla permezz ta’ Kristu s-Saċerdot il-Kbir,[99] xejn m’hemm iktar sewwa u iktar skont il-ħaqq, milli noffru lilna nfusna lkoll mal-Kap tagħna li bata għalina, lill-Missier Etern.  Fis-Sagrament tal-Altar, skont l-istess Santu Wistin, lill-Knisja jiġi muri li fis-sagrifiċċju li toffri hi wkoll tiġi offerta.[100]

Mela jaraw ftit l-insara għal liema dinjità jgħollihom l-ilma mqaddes tal-Magħmudija; u ma jkunux kuntenti jieħdu sehem fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku biss bl-intenzjoni ġenerali li tixraq lill-membri ta’ Kristu u wlied il-Knisja, iżda bir-rieda tagħhom magħqudin mill-iktar b’mod speċjali mas-Saċerdot il-Kbir u l-ministru tiegħu fuq l-art skont l-ispirtu tal-Liturġija mqaddsa; fil-waqt tal-konsagrazzjoni tal-Ostja Divina, joffruha flimkien miegħu meta jingħadu dawn il-kelmiet hekk għoljin;  Bih, Miegħu u Fih, lilek, Alla Missier li tista’ kollox, f’għaqda mal-Ispirtu Santu, kull ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem”,[101] li għalihom il-poplu jwieġeb: “Ammen — Hekk ikun”.  U ma jinsewx l-insara li joffru mal-Kap Divin imsallab lilhom infushom, ħsibijiethom, in-niket, id-dwejjaq, il-miżerji u l-ħtigiet tagħhom.

KIF ISEĦĦ DAN IT-TISĦIB

Mela ta’ min ifakkar lil dawk kollha, li, biex il-poplu jieħu sehem fil-Quddiesa b’mod aktar ħafif u ta’ fejda, jippruvaw ipoġġu f’idejn l-insara il-“Missal Ruman” b’mod li l-insara, magħqudin mal-qassis, jitolbu miegħu bl-istess kliem tiegħu u bl-istess fehmiet tal-Knisja; u dawk li jfittxu jagħmlu l-Liturġija, esternament ukoll, għemil imqaddes li fih tassew jieħu sehem kull min ikun hemm.  Dan jista’ jsir b’ħafna modi:  meta l-poplu kollu skont ir-regoli tal-Liturġija, jew iwieġeb, kulħadd flimkien, għall-kliem tas-saċerdot jew ikanta għana li jkollu x’jaqsam mal-partijiet differenti tal-Quddiesa, jew jagħmel waħda u l-oħra; jew inkella fil-Quddiesa kantata, iwieġeb għat-talb tal-Ministru ta’ Kristu, u flimkien magħhom jieħu sehem fil-kant lituriġku.

Madankollu dawn il-manjieri li wieħed jieħu sehem fis-Sagrifiċċju ta’ minn ifaħħarhom u jfittixhom meta jobdu bir-reqqa l-preċetti tal-Knisja u regoli tal-Liturġija.  Huma l-aktar li jsiru biex iħeġġu u jqawwu l-pjetà tal-insara u l-għaqda interna tagħhom ma’ Kristu u mal-ministru li jidher tiegħu, u biex iqajmu dawk is-sentimenti u l-qagħda tar-ruħ li bihom jeħtieġ li ruħna ssir tixbaħ is-Saċerdot il-Kbir tat-Testment il-Ġdid.  Madankollu, għalkemm dawn l-affarijiet juru bid-dieher li s-sagrifiċċju minnu nnifsu, għax magħmul mill-Medjatur t’Alla u tal-bnedmin,[102] għandu jitqies bħala opra tal-Ġisem Mistiku kollu ta’ Kristu; iżda mhumiex meħtieġa biex jagħtuh is-sura pubblika u komuni.  Imbagħad, il-Quddiesa “djalogata” ma tistax tieħu l-post tal-Quddiesa kantata, li, ukoll jekk titqaddes meta jkun hemm biss il-ministri, għandha dinjità kollha tagħha minħabba l-kobor tar-riti u l-apparat taċ-ċerimonji; għalkemm is-sbuħija u s-solennità tagħha tikber l-aktar jekk, kif trid il-Knisja, jisimgħuha poplu kbir fin-numru u devot.

Ta min igħid ukoll li għadhom ’il bogħod mis-sewwa u mit-triq tas-sewwa dawk li miġbuda minn fehmiet qarrieqa, jagħtu lil dawn l-affarijiet tant siwi illi ma jiddubitawx jgħidu illi, jekk tħallihom l-għemil imqaddes ma jiksibx l-iskop li għalih isir.

KULĦADD JISSIEĦEB FIL-QUDDIESA MILL-AĦJAR LI JISTA’

Mhux ftit insara ma jafux jużaw il-“Missal Ruman”, ukoll jekk miktub bl-ilsien li jitkellnu; u mhux kulħadd tal-qatgħa li jifhem sewwa, kif jixraq, ir-riti u ċ-ċerimonji tal-liturġija.  Il-moħħ, il-karattru u l-fehma tal-bnedmin huma tant u tant ma jinxtiebhux, li mhux kulħadd l-istess jiġi impressjonat u mmexxi minn talb, għana u għemil qaddis magħmulin flimkien.  Il-ħtiġijiet, imbagħad, u l-qagħda tal-erwieħ mhux l-istess f’kulħadd, u ma jibqgħux l-istess f’kull wieħed.  Min, mela, jista’ jgħid, imbuttat minn ħsieb bħal dan, li tant insara ma jistgħux jieħdu sehem fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku u jgawdu mill-ġid tiegħu?  Dan żgur jistgħu jagħmlu mod ieħor li għal xi wħud hu eħfef; jistgħu, bħala eżempju, jimmeditaw bil-ġabra kollha, fuq il-misteri ta’ Ġesù Kristu, jew jagħmlu xi devozzjonijiet oħra, jew jgħidu xi talb ieħor li, għalkemm mhux l-istess fis-sura bħar-riti mqaddsa, jaqbel magħhom fin-natura tagħhom.

U għalhekk inħeġġukom, Ħuti miqjuma, biex id-djoċesi tagħkom jew fil-post tas-setgħa tagħkom, tmexxu u tordnaw l-aħjar mod li bih il-poplu jista’ jieħu sehem fil-għemil liturġiku skont ir-regoli mniżżla fil-“Missal Ruman” u skont il-preċetti tas-Santa Kongregazzjoni tar-Riti u l-Kodiċi tal-Liġi tal-Knisja; sabiex kollox jsir bl-ordni u l-ġabra meħtieġa, u ma jkun permess lil ħadd, ukoll jekk saċerdot li juża knejjes għal xi esperimenti għaddoċċ.  Fuq din il-ħaġa nixtiequ li f’kull djoċesi, kif hemm Kummissjoni għall-arti u għall-mużika sagra, titwaqqaf kummissjoni biex tmexxi ’l quddiem l-appostolat liturġiku, sabiex taħt il-ħarsien tagħkom, isir kollox skont ma trid is-Sede Appostolika.

Fil-komunitajiet reliġjużi, imbagħad, għandu jiġi mħares dak kollu li l-kostituzzjonijiet tagħhom iwiddbu fuq dil-ħaġa u ma jdaħħlu xejn ġdid qabel ma jiġi l-ewwel approvat mis-Superjuri.

Fl-aħħar mill-aħħar, għalkemm ħafna huma s-surjiet u ċ-ċirkostanzi li bihom l-insara jieħdu sehem fil-Quddiesa u fl-għemil liturġiku l-ieħor, wieħed dejjem għandu jfittex bl-ikbar reqqa biex l-erwieħ li jkunu hemm jingħaqdu mar-Redentur divin b’rabtiet sodi mill-iktar li jista’ jkun, u biex ħajjithom tistagħna bi qdusija dejjem akbar u biex jikber kull jum iktar il-ġieħ ta’ Missierna fis-Smewwiet.

IT-TQARBINA EWKARISTIKA

It-Tqarbin meħtieġ għas-sħubija tas-Sagrifiċċju

Is-Sagrifiċċju Mqaddes tal-Altar jagħlaq bit-Tqarbin bl-ikel divin.  Iżda, kif kulħadd jaf, biex is-Sagrifiċċju jkun sħiħ biżżejjed li s-saċerdot biss jiekol l-ikel tas-sema, u mhux ukoll li l-poplu — ħaġa, però, wisq mixtieqa — jersaq lejn it-Tqarbin Imqaddes.

Hawnhekk jogħġobna ntennu l-ħsibijiet tal-Predeċessur tagħna Benedittu XIV, fuq id-definizzjonijiet tal-Konċilju ta’ Trento:  “L-ewwel għandna ngħidu li f’moħħ ebda nisrani m’għandu jimbett il-ħsieb illi l-quddies privat, li fih is-saċerdot biss jitqarben, jitlef għalhekk is-siwi tas-Sagrifiċċju tassew perfett u sħiħ imwaqqaf minn Kristu l-Mulej u għalhekk għandhu jitqies mhux skont il-liġi.  U l-insara jafu — u jekk ma jafux hu faċili tgħallimhom — illi l-Imqaddes Konċilju ta’ Trento, billi waqaf fuq it-tagħlim imħares fit-tradizzjoni bla waqfien tal-Knisja, kkundana t-tagħlim ġdid u qarrieqi ta’ Luteru li hu kontra t-tagħlim tal-Knisja.[103] “Minn jgħid illi l-Quddies li fih is-saċerdot biss jitqarben, mhuwiex skont l-liġi u għalhekk ta’ min ineħħiħ huwa skumnikat”.[104]

Jitbiegħdu mela mis-sewwa dawk li ma jridux iqaddsu jekk l-insara ma jersqux għat-tqarbin; u iktar jitbiegħdu mis-sewwa dawk li, biex isostnu l-ħtieġa fuq kollox li l-insara jitqarbnu flimkien mas-saċerdot, jgħidu bla raġuni, li l-quddiesa hi mhux biss sagrifiċċju, iżda sagrifiċċju u ikla ta’ bejn l-aħwa, u jqisu t-tqarbina flimkien bħala l-qofol tal-quddiesa kollha.

Għandna mela għal darba oħra ngħidu li s-Sagrifiċċju Ewkaristiku fil-qofol tiegħu jikkonsisti fil-qerda bla tixrid ta’ demm tal-Vittma Divina, qerda li tidher mistikament fil-firda tal-ispeċji mqaddsa u fl-offerta tagħhom magħmula lil Missier Etern.  It-Tqarbina għandha x’taqsam mas-sħubija tas-Sagrifiċċju, u għall-sehem fih permezz tat-tqarbina bis-Sagrament Imqaddes; u waqt li hi għall kollox meħtieġa għall-ministru li qed iqaddes għall-insara hi biss rakkomandata bl-ikbar ħeġġa.

Kif, però, l-Knisja bħala għalliema tas-sewwa, tfittex bl-ikbar reqqa li tħares is-sħubija tat-twemmin nisrani;  hekk, bħala Omm li taħseb f’uliedha, bil-qawwa tħeġġiġhom jieħdu sehem ta’ spiss u bil-premura kollha għal dan l-aqwa ġid tar-reliġjon tagħna.

Biex “inħossu fina bla ma jaqta l-frott tal-Fidwa”

Tixtieq fuq kollox li l-insara — speċjalment meta ma jistgħux jirċievu bil-ħeffa l-ikel ewkaristiku — jirċievuh almenu bix-xewqa; b’mod li, b’fidi ħajja, b’ġabra umli u li tafda fir-rieda tal-Feddej Divin, b’imħabba l-iktar imħeġġa, jingħaqdu miegħu.

Iżda dan mhux biżżejjed għaliha.  Għaliex kif għedna aktar il-fuq nistgħu nieħdu sehem fis-sagrifiċċju wkoll bit-tqarbina sagramentali  billi nieklu l-ħobż tal-Anġli.  Ommna l-Knisja biex aktar “inħossu fina bla ma jaqta’ l-frott tal-Fidwa”[105] ittenni ’l-uliedha kollha l-istedina ta’ Kristu l-Mulej: “Ħudu u kulu. għamlu dan b’tifkira Tiegħi”.[106]  U f’din il-ħaġa l-Konċilju ta’ Trento, itenni x-xewqa ta’ Kristu u tal-Għarusa tiegħu bla tebgħa u jħeġġeġ bil-qawwa “sabiex fil-quddies kollu l-insara li jkun hemm jieħdu sehem mhux biss spiritwalment, iżda wkoll jirċievu sagramentalment l-Ewkaristija, sabiex aktar mimli jasal għandhom il-frott ta’ dan is-sagrifiċċju”.[107]  Anżi l-predeċessur tagħna Benedittu XIV, sabiex ikun aħjar u jidher aktar ċar is-sehem ta’ l-insara fl-istess Sagrifiċċju Mqaddes permezz tat-Tqarbina Ewkaristika, ifaħħar id-devozzjoni ta’ dawk li mhux biss iridu jieħdu l-ħobż tas-sema waqt li jisimgħu l-Quddies, iżda jridu kieku jitqarbnu bl-ostji kkonsagrati fl-istess quddiesa li jisimgħu, għalkemm, kif jgħid hu, wieħed tassew jieħu sehem fis-Sagrifiċċju jekk jitqarben bil-ħobż ewkaristiku kkonsagrat minn qabel.  Hekk jikteb:  “U għalkemm jieħdu sehem fl-istess sagrifiċċju, barra dawk li lilhom is-saċerdot li jqaddes jagħti parti mill-vittma minnu offerta fl-istess Quddiesa, dawk ukoll li s-saċerdot iqarben bl-Ewkaristija li tinżamm fit-tabernaklu; mhux għal dan il-Knisja ma rieditx li ssir fl-imgħoddi jew ma tridx issa li s-saċerdot jissodisfa d-devozzjoni u t-talba skont il-ħaqq ta’ dawk li jisimgħu l-quddiesa u jitolbu li jieħdu sehem fl-istess sagrifiċċju li huma wkoll joffru fil-mod li jgħodd għalihom:  anzi tapprova u tixtieq li dan isir, u ċċanfar ’l dawk is-saċerdoti li ħitja jew traskuraġni tagħhom jiġi miċhud lill-insara dan is-sehem”.[108]

J’Alla l-altari tagħna jkunu iffullati għat-tqarbin

J’Alla mbagħad, kulħadd minn rajh u bir-rieda tiegħu jwieġeb għal dan l-istedin imħeġġeġ tal-Knisja: j’Alla l-insara kollha, kuljum, jekk jistgħu, jieħdu sehem mhux biss spiritwalment fis-Sagrifiċċju Divin, iżda wkoll bit-Tqarbin tas-Sagrament Imqaddes billi jirċievu l-Ġisem ta’ Ġesù Kristu, offert għal kulħadd lil Missier Etern.  Qanqlu, Ħuti miqjuma, fl-erwieħ lilkom fdati, ġuħ imħeġġeġ u bla xebgħa ta’ Ġesù Kristu;  it-tagħlim tagħkom jimla l-altari b’folol ta’ tfal u żagħżagħ li joffru l-Feddej Divin l-innoċenza u l-entużjażmu tagħhom;  jersqu ta’ spiss il-miżżewġa biex, għax kielu mill-altar imqaddes u minħabba fih, jistgħu jrabbu l-ulied lilhom fdati fil-fehma u fl-imħabba ta’ Ġesù Kristu; jiġu mistiedna l-ħaddiema, biex ikunu jistgħu jirċievu dak l-ikel qawwi u ma jonqosx li jagħtihom mil-ġdid is-saħħa u jħejji għax-xogħol tagħhom il-ħlas ta’ dejjem fis-sema; iġbru fl-aħħar il-bnedmin ta’ kull klassi u ġiegħeluhom jidħlu”;[109] għax Dan hu l-ħobż tal-ħajja li kulħadd jeħtieg.  Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu għandha biss dan il-ħobż biex ixxebba x-xewqat u t-tnehid ta’ rwieħna, biex tgħaqqadhom mill-aktar ma’ Ġesù Kristu, sabiex fl-aħħar, bih isiru “ġisem wieħed”,[110] u jkunu bħall-aħwa dawk kollha li joqgħodu madwar l-istess mejda biex jieħdu d-duwa tal-ħajja ta’ dejjem[111] bil-qsim ta’ ħobż wieħed.

Hu tajjeb — u dan madankollu mitlub mil-Liturġija — illi l-poplu jersaq jitqarben wara li jkun tqarben is-saċerdot; u kif ktibna aktar il-fuq, ta’ minn ifaħħar ’l dawk li wara li jisimgħu l-quddiesa, jitqarbnu bl-ostji kkonsagrati fl-istess quddiesa, b’mod li jseħħ “li dawk kollha li qed nissieħbu f’dan l-altar, ser nilqgħu ġewwa fina l-Ġisem u d-Demm Imqaddes tal-Iben Tiegħek, nintlew b’kull barka tas-sema u b’kull ġid”.[112]

Madankollu, ma jonqsux xi kultant, u mhux rari, raġunijiet li minħabba fihom it-Tqarbin isir qabel jew wara l-Quddiesa li wieħed jitqarben — għalkemm it-Tqarbin isir malli jitqarben il-Qassis — b’ostji kkonsagrati f’quddies ieħor.  F’dawn il-każi wkoll kif madankollu għidna il-fuq — il-poplu jissieħeb regolarment fis-Sagrifiċċju Ewkaristku, u jista’ ta’ spiss b’ħeffa aqwa jersaq lejn l-ikel tal-ħajja ta’ dejjem.  U jekk il-Knisja, b’imħabba ta’ omm li trid tikkuntenta, tipprova tersaq lejn il-ħtiġiet spiritwali ta’ uliedha, dawn għall-anqas, minn naħa tagħhom, m’għandhomx malajr jeħduha kontra dak li twissi l-liturġija, u, dejjem, jekk m’hemmx raġuni soda għall-kuntrarju, għandhom jagħmlu dak li l-aktar juri fuq l-altar l-għaqda ħajja tal-Ġisem Mistiku.

Ir-Ringrazzjament wara t-Tqarbina tagħna

L-għemil imqaddes, li hu mmexxi mir-regoli liturġiċi partikolari, meta jintemm, ma jeħlisx milli jiżżuħajr il-Dak li dagħaq mill-ikel tas-sema; anzi hi ħaġa wisq xierqa li dan, wara li jkun irċieva l-ikel ewkaristiku u wara li spiċċaw ir-riti pubbliċi, jinġabar u, magħqud mill-aktar mal-Imħallef Divin, joqgħod Miegħu, kemm jippermettulu ċ-ċirkostanzi, f’kollokwju tal-aktar ħlewwa u fejda.  Jitbegħdu mela mit-triq tas-sewwa dawk li, għax jieqfu aktar fuq il-kliem milli fuq il-ħsieb, jgħidu u jgħallmu, illi meta spiċċat il-Quddiesa, wieħed m’għandux itawwal ir-ringrazzjament, mhux biss għaliex il-quddiesa hi minnha n-nifisha għemil ta’ ħajr, imma wkoll għax ir-ringrazzjament hu ħaġa privata u personali u mhux għall-ġid tal-komunità.

Iżda għall-kuntrarju, s-sagrament minnu n-nifsu jitlob li n-nisrani li rċeviħ, minnu jieħu frott bix-xebgħa ta’ qdusija.  Iva, l-laqgħa pubblika tal-komunità, spiċċat, iżda jeħtieg li kull wieħed, magħqud ma’ Kristu, ma jaqtax f’qalbu l-għana ta’ tifħir “jiżżiħajr dejjem ta’ kollox, f’isem Sidna Ġesù Kristu, ’l Alla u ’l Missier”.[113]  Għal dan tħeġġiġna l-istess liturġija tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku, meta tgħidilna nitolbu b’dawn il-kliem: “Agħtina nitolbuk, li dejjem niżżuk ħajr.[114] u ma nieqfu qatt infaħħruk”.[115]  Għalhekk jekk dejjem għandna niżżuħajr ’l Alla u qatt ma għandna nieqfu nfaħħruħ, min jissogra jeħodha kontra l-Knisja u ma jilqgħax li tgħid hi, li twissi lis-saċerdoti[116] u ’l-fidili biex jieqfu almenu għal ftit taż-żmien wara t-Tqarbin, jitkellmu mal-Feddej Divin, u li daħħlet fil-kotba tal-Liturġija talb apposta, mogħni bl-indulġenżi, li bih il-ministri mqaddsa jistgħu jħejju ruħhom kif jixraq qabel iqaddsu u jitqarbnu u mbagħad, wara l-quddiesa, jiżżu ’l Alla l-ħajr tagħhom?  Il-Liturġija Mqaddsa, mhux biss ma toħnoqx l-feħmiet l-aktar ġewwiena ta’ kull nisrani, iżda tgħinhom u timbuttahom biex ikunu jixbhu lil Kristu u minnu jiġu mwasslin għand il-Missier, għalhekk Hi stess titlob illi min ikun resaq lejn it-Tqarbin Imqaddes jiżżi hajr ’l Alla kif hu xieraq.  Lil Feddej Divin jogħġbu jisma’ t-talb tagħna, jitkellem b’qalbu miftugħha magħha, u jagħtina kenn fil-Qalb imħeġġa Tiegħu.

Anzi dan l-għemil ta’ kull wieħed waħdu hu għal kollox meħtieġ biex wieħed igawdi aktar bix-xebgħa t-teżori kollha sopranaturali li bihom hi għanja l-Ewkaristija u biex iwassalhom għand l-oħrajn kif jista’, biex Kristu l-Mulej jikseb fl-erwieħ kollha il-mili tal-qawwa Tiegħu.

Kif isir ir-Ringrazzjament

Għaliex, mela, Ħuti miqjuma, ma nfaħħrux dawk li, wara li rċevew l-ikel ewkaristiku, ukoll wara li uffiċjalment spiċċat il-laqgħa nisranija, jieqfu fi-ħbiberija mill-aktar ġewwiena mal-Feddej Divin mhux biss biex jidħaddtu bil-ħlewwa miegħu, iżda biex jiżżuH ħajr u jfaħħruH u l-aktar biex jitolbuH għajnuna ħalli jneħħu minn ruħhom dak kollu li jistgħa jnaqqas il-qawwa tas-sagrament, u biex jagħmlu minn naħa tagħhom dak kollu li jista’ jgħin l-ħidma l-aktar preżenti ta’ Ġesù?  Anżi nħeġġuhom jagħmluh b’mod partikolari kemm billi iġiegħlu jseħħu l-fehmiet li jieħdu u jagħmlu għemil ta’ virtù, u kemm billi jqegħdu għall-ħtiġijiet tagħhom kull ma qalgħu b’liberalità regali.  Tassew kien jitkellem skont il-preċetti u l-ispirtu tal-Liturġija min kiteb dak il-ktieb tad-deheb “Fuq l-Imitazzjoni ta’ Kristu” meta wissa lil min ikun tqarben:  “Inġabar fil-moħbi u gawdi ’l Alla tiegħek, għax għandek dak li d-dinja kollha ma’ tistax tieħodlok”.[117]  Aħna ilkoll meta, hekk magħqudin mill-aktar ma’ Kristu, infittxu kważi li nidħlu għal kollox fir-ruħ l-aktar imqaddsa Tiegħu, u ningħaqdu Miegħu biex nissieħbu għall-għemil ta’ qima li bih Hu joffri lit-Trinità Mqaddsa l-qima l-aktar milqugħa; għall-għemil ta’ tifħir u ta’ ħajr li Hu joffri lil Missier Etern u li għalih iwieġeb b’leħen wieħed l-għana tas-sema u tal-art, kif jingħad:  “Bierku l-Mulej, intom il-ħidmiet tiegħu kollha”;[118] għall-dak l-għemil, fl-aħħar, li meta nissieħbu fih nitolbu u naqilgħu l-għajnuna f’isem Kristu;[119] iżda fuq kollox noffru lilna nfusna u ninqerdu bħala vittmi bil-kliem:  “Għamel li aħna nkunulek offerta għal dejjem.”[120]

Il-Feddej Divin ittenni bla ma jaqta l-istedina tiegħu kollha premura:  “Ibqgħu fija”.[121]  Bis-Sagrament tal-Ewkaristija Kristu jgħix fina u aħna ngħixu fi Kristu; u kif Kristu waqt li jibqa’ fina jgħix u jaħdem, hekk hu meħtieġ li aħna waqt li nibqgħu fih, Bih ngħixu u naħdmu.

L-ADORAZZJONI TAL-EWKARISTIJA

Inqimu “b’adorazzjoni waħda l-Veru Alla

magħmul bniedem u l-ġisem Tiegħu stess”.

L-ikel ewkaristiku għandu, kif kulħadd jaf, “verament, realment u sostanzjalment il-ġisem u d-demm flimkien, mar-ruħ u d-divintà ta’ Sidna Ġesù Kristu”;[122] u għalhekk ħadd ma jistagħġeb li l-Knisja mil-bidu, adorat il-Ġisem ta’ Kristu taħt l-ispeċji Ewkaristiċi, kif jidher miċ-ċerimonji stess tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku, li bihom tgħid lill-ministri mqaddsa biex jaduraw is-Sagrament Imqaddes b’ġenuflessjonijiet u inkini kbar.

Il-Konċilji Mqaddsa jgħallmu illi, mil-bidu tal-ħajja tagħha, ġie mogħti lill Knisja li għandha tqim “b’adorazzjoni waħda l-verb magħmu Bniedem u l-Ġisem Tiegħu stess”;[123] u Santu Wistin jgħid:  “Ħadd ma jiekol min dak il-Ġisem, mingħajr qabel ma jkun adurah” u jżid jgħid mhux biss ma nidimbux jekk nadurawH, iżda nidimbu jekk ma nadurawHx.[124]

Minn dawn il-prinċipji ta’ tagħlim bdiet u bil-mod il-mod żviluppat ruħha l-qima ewkaristika ta’ adorazzjoni barra s-sagrifiċċju mqaddes.  Għaliex bdew jinżammu l-ispeċji kkonsagrati għall-morda u għal dawk kollha li kienu jinsabu f’periklu ta’ mewt, daħal l-użu, ta’ min ifaħħru, li jiġi adorat dak l-ikel tas-sema merfugħ fil-Knejjes.  Din il-qima ta’ adorazzjoni għandha raġun qawwi u ta’ siwi.  L-Ewkaristija hi sagrifiċċju u wkoll sagrament; u tingħażel mis-Sagramenti l-oħra għaliex mhux biss tagħmel il-grazzja, iżda fiha jinsab, b’mod li jibqa’, dak stess li jagħti l-grazzja.  Meta għalhekk il-Knisja tgħidilna naduraw ’l Kristu moħbi taħt il-veli ewkaristiċi u nitolbuH il-grazzji sopranaturali u temporali li neħtieġu, Hi tkun turi fidi ħajja li biha temmen li taħt dawk il-veli jinsab moħbi l-Għarus Divin tagħha, tgħidlu r-rikonoxxenza tagħha u tgawdi mill-ħbiberija intima tiegħu.

Ta’ din il-qima l-Knisja ma’ tul iż-żminijiet daħħlet ħafna sura, kull jum isbaħ u aktar fejjieda; kif huma bħala eżempju, il-viżiti devoti u ta’ kuljum lil Ġesù Sagramentat; l-barka bis-Santissimu; purċissjonijiet solenni f’pajjiżi u bliet l-aktar f’okkażjoni ta’ Kongressi Ewkaristiċi; u adorazzjoni tas-Sagrament Imqaddes espost pubblikament.  U dawk l-adorazzjonijiet solenni xi kultant idumu għal ftit żmien u drabi oħra itulu siegħat sħaħ, u għall-erbgħin siegħa wkoll; f’xi post imtawlin tul is-sena kollha, f’kull knisja, waħda wara l-oħra kif tmiss; f’oħrajn idumu ukoll lejl u nhar u jieħdu sehem spiss l-insara ukoll.

Dawn id-devozzjonijiet għenu b’mod tal-għaġeb il-fidi u l-ħajja sopranaturali tal-Knisja militanti fuq l-art, li, meta tagħmel hekk, tkun b’xi mod tagħmel bħall-Knisja trionfanti li għal dejjem tgħolli innu ta’ tifhir lill Alla u lil Ħaruf “li ġie maqtul”.[125]  Għalhekk il-Knisja mhux biss approvat, iżda għamlithom tagħha u kkonfermat bis-setgħa tagħha, dawn id-devozzjonijiet li xterdu kullimkien ma’ tul iż-żminijiet.[126]  Huma ħiergin mill-ispirtu tal-Liturġija, u għalhekk meta huma magħmulin kif jixraq, bil-fidi u l-ġabra mitluba mir-riti mqaddsa u mill-preċetti tal-Knisja, żgur jgħinu ħafna lill-insara biex jgħixu ħajja liturġika.

L-anqas ma għandna nghidu li dawn id-devozzjonijiet iġibu taħwid qarrieqi bejn il-Kristu tal-istorja, kif jgħidu, li għix fuq l-art, u l-Kristu li hemm fis-Sagrament Imqaddes tal-altar, u l-Kristu rebbieħ fis-sema u xerried tal-grazzji;  anzi għandna ngħidu li b’dal-mod l-insara jixħdu u juru solennement il-fidi tal-Knisja, li biha temmen li wieħed u l-istess hu l-Verb t’Alla u l-Iben ta’ Marija Verġni li bata fuq is-salib, li jinsab moħbi fl-Ewkaristija u jsaltan fis-sema.  Hekk jgħid S. Gwann Krisostmu:  “Meta tarah (’l Ġisem ta’ Kristu) jiġi lilek mogħti, għid lilek innifsek:  Għal dan il-Ġisem m’inhix aktar trab u rmied, m’inhix aktar irsir iżda ħieles; għalhekk nittama li jkolli s-sema u l-ġid li hemm jinsab, il-ħajja ta’ dejjem, il-wirt tal-Anġli, l-kumpanija ta’ Kristu; dan il-Ġisem minfud mill-imsiemer, imqatta mill-flaġelli, ma kienx maħtuf sal-mewt.  Dan hu dak il-ġisem li tiegħu ġie mxerred id-demm, li ġie minfud minn lanza, li minnu ħarġu żewġ għejjun fejjieda:  waħda ta’ demm u oħra ta’ ilma.  Dan il-Ġisem ġie mogħti lilna biex inżommu u nieklu, u dan kien ġej minn imħabba tal-għaġeb”.[127]

B’mod partikolari mbagħad ta’ minn ifaħħar l-użu li ħafna devozzjonijiet li daħlu fost il-poplu jagħlqu bil-barka ewkaristika.  Xejn ma hu aħjar u aktar ta’ siwi mill-moviment li bih is-saċerdot jgħolli lejn is-sema l-ħobż tal-Anġli, quddiem il-folla tal-insara mixħuta fl-art; u jdawru f’forma ta’ salib, u jitlob lill-Missierna fis-Smewwiet biex idawwar bil-ħniena l-għajnejn Tiegħu fuq Ibnu msallab għall-imħabba tagħna, u minħabba fiH, li ried ikun il-Feddej tagħna u ħuna, u permezz Tiegħu ixerred id-doni Tiegħu fas-sema fuq il-mifdija mid-demm bla tebgħa tal-Ħaruf.[128]

Fittxu mela, ħuti miqjuma, bir-reqqa tagħkom mill-aqwa tas-soltu li l-knejjes, mibnija mill-fidi u tjubija tal-ġenerazzjonijiet insara matul iż-żminijiet bħala innu għal dejjem ta’ ġieħ ’l Alla li jista’ kollox, u bħala dar xierqa tal-Feddej tagħna moħbi taħt l-ispeċji ewkaristiċi, ikunu mill-aktar li jista’ jkun miftugħha għan-numru dejjem jiżdied tal-insara, sabiex, miġbura f’riġlejn il-Feddej tagħna, jisimgħu l-istedina l-iktar ħelwa tiegħu:  “Ejjew għandi inthom ilkoll li inthom imnikkta u maħqura, u jien infarraġkom”.[129]  Ikunu tassew il-knejjes djar t’Alla, li fihom min jidħol biex jitlob favuri, jifraħ li ser jaqla kollox[130] u jikseb il-faraġ tas-sema.

Hekk biss jista jsir li l-familja tal-bnedmin kollha ssib il-paċi fl-ordni u b’qalb waħda u moħħ wieħed tkanta l-innu tat-tama u tal-imħabba:  “Ragħaj it-tajjeb, ħobż tassew, — O Ġesù, ħenn int għalina — int itmana, inti ħarisna, — għamel li naraw il-hena — f’art il-ħajjin”.[131]

 

III

L-“UFFIĊĊJU MQADDES” U S-SENA LITURĠIKA

“L-UFFIĊĊJU MQADDES”

Il-bidu tal-Uffiċċju Mqaddes fil-Knisja

L-ideal tal-ħajja nisranija jinsab filli kull wieħed minna jingħaqad mill-aktar m’Alla.  Għalhekk, il-qima li l-Knisja tagħti lil Alla, u li tinsab miġbura fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku u fl-użu tas-Sagramenti, hi ordnata u mqassma b’mod illi, permezz tal-Uffiċċju Mqaddes, ittul sigħat kollha tal-ġurnata, l-ġimgħat, is-sena kollha, iż-żminjiet kollha u tiswa għall-kondizzjonijiet kollha tal-ħajja tal-bniedem.

Għaliex l-Imgħallem divin kien ikkmanda:  “Jeħtieġ li titolbu dejjem bla ma tgħejjew”,[132] il-Knisja, ħalli tobdi sewwa din it-twissija, ma taqta qatt li titlob, u tħeġġiġna mal-Appostlu tal-Ġnus: “BiH (Ġesù Kristu) noffru dejjem ’l Alla s-sagrifiċċju ta’ tifħir”.[133]  

It-talba pubblika u flimkien, dari kienet issir biss f’xi ġranet, u f’xi sigħat tal-ġurnata.  Iżda l-insara kienu jitolbu mhux biss fil-laqgħat pubbliċi iżda wkoll fid-djar, xi kultant mal-ġirien u l-ħbieb.  Hekk f’qasir żmien, f’kull pajjiż nisrani, daħal l-użu li jwarrbu għat-talb xi ħinijiet; jew l-aħħar siegħa tal-jum, meta x-xemx tinżel u jinxtegħel il-musbieħ; jew l-ewwel siegħa meta jispiċċa l-lejl, wara, jiġifieri li jidden is-serduq, x’ħin titla’ ix-xemx.  Ħinijiet oħra tal-jum huma murija bħala tajbin għat-talb mill-Kotba Mqaddsa, mill-użu tardizzjonali tal-Lhud; mid-drawwiet ta’ kull jum.  Skont l-Atti tal-Appostli d-dixxipli ta’ Ġesù kienu jinġabru għat-talb fit-tielet siegħa, meta “lkoll ġew mimlija bl-Ispirtu Santu”;[134] il-Prinċep tal-Appostli, mbagħad, qabel l-ikel, “telgħa fuq il-bejt biex jitlob madwar is-sitt siegħa”;[135] S. Pietru u S. Ġwann “kienu telgħu fit-Tempju fid-disa’ siegħa”;[136] u S. Pawl u Sila “kienu jfaħħru ’l Alla f’nofs l-lejl”.[137]   

Dan il-ħafna talb, aktarx mibdi b’ħidma tal-patrijiet u tal-axxendenti, beda jsir aktar aħjar kuljum, u ftit ftit daħal fl-użu tal-Liturġija Mqaddsa bis-setgħa tal-Knisja.

X’inhu l-Uffiċċju Mqaddes

L-Uffiċċju Mqaddes, mela, hu t-talba tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, magħmula ’l Alla f’isem l-insara kollha u għall-ġid tagħhom, għax hi magħmula mis-saċerdoti, mill-ministri l-oħra tal-Knisja u mir-reliġjużi magħżulin għalhekk mill-Knisja.

Kif għandu ikun l-karattru u s-siwi ta’ din it-tifħira ’l Alla nieħduh mill-kliem li l-Knisja tgħidilna ngħidu qabel ma nibdew it-talb tal-Uffiċċju, billi twiddibna biex ngħiduh “kif hu xieraq bl-attenzjoni u l-ġabra kollha”.

Il-Verb t’Alla meta ha n-natura ta’ bniedem, daħħal f’dan it-turufnament tal-art, l-għana li jitkanta fis-sema għal dejjem.  Hu jgħaqqad miegħu l-bnedmin kollha u jseħibhom fl-għanja ta’ dan l-innu ta’ tifħir.  Għandna ngħarfu bl-umiltà kollha li aħna “ma nafux dak li għandna nitolbu kif hu xieraq, iżda l-Ispirtu stess jitlob għalina bi tnehid li ma jitfissirx”.[138]  U Kristu wkoll permezz tal-Ispirtu tiegħu jitlob fina lil-Missier.  “Alla ma setgħax jagħti don akbar lill-bnedmin.(Ġesù) jitlob għalina bħala saċerdot tagħna:  jitlob fina bħala Kap tagħna; nitolbuH bħala Alla tagħna.  Nagħrfu mela leħenna fiH, u l-leħen tiegħu fina.  Isir it-talb lilu bħala Alla, Hu jitlob bħala qaddej:  hemm il-Ħallieq, hawn il-maħluq billi ha natura biex ibiddel mingħajr ma tidbiddel, billi għamilna bniedem wieħed miegħu:  Kap u Ġisem”.[139]

Għal din id-dinjità hekk għolja tat-talba tal-Knisja għandha twieġeb id-devozzjoni mħeġġa ta’ ruħna.  U għaliex leħen min jitlob itenni l-għana miktub taħt it-tnebbiħ tal-Ispirtu Santu, li jxandar u jfaħħar, l-kobor mill-iktar sħiħ t’Alla, jeħtieġ li ma dan il-leħen ikun hemm ukoll il-moviment ġewwieni ta’ ruħna, biex jagħmel tagħna wkoll dawk is-sentimenti li bihom nogħlew lejn is-sema, nqimu t-Trinità Mqaddsa u nagħtuHa it-tifħir u l-ħajr li jistħoqqilHa:  “Għandna nitolbu b’mod li l-ħsieb jaqbel mal-leħen tagħna”.[140]  Mela mhux ngħidu biss jew inkantaw biss, ħaġa li, għalkemm ikun mill-aħjar wkoll skont il-liġijiet tal-arti mużikali u regolamenti tar-riti mqaddsa, tasal biss sal-widna; iżda fuq kollox għandna ngħollu l-moħħ u r-ruħ tagħna lejn Alla, biex nikkonsagraw ruħna u l-ħidma tagħna kollha Lilu, magħqudin ma’ Ġesù Kristu.

Minn hawn mela ġejja mhux parti ċkejkna tal-qawwa tat-talb, li għalkemm mhux magħmul lill-istess Verb Divin magħmul bniedem dejjem jispiċċa b’dawn il-kelmiet:  “f’ġieħ Sidna Ġesù Kristu”; li bħala dak li jidher bejna u bejn Alla, juri lill-Missier fis-sema l-pjagi tiegħu glorjużi “dejjem lest biex jaqbeż għalina”.[141]

Is-Salmi

Is-Salmi, kif kulħadd jaf, jagħmlu l-aqwa parti tal-Uffiċċju Mqaddes.  Huma għandhom x’jaqsmu mal-jum kollu kemm hu twil, u jagħtuh ħajja u tiżjin ta’ qdusija.

Kassjodoru jgħid fuq is-salmi li kienu jiffurmaw l-Uffiċċju Mqaddes ta’ żmienu dan il-kliem sabieħ:  “Huma.bil-ferħ ta’ filgħodu jagħmlulna hieni l-jum li qed jibda, iqaddsulna l-ewwel siegħa tal-jum, jikkonsagrawlna it-tielet siegħa, jferrħulna is-sitt siegħa fi qsim il-ħobż, juruna, fid-disa siegħa t-tmiem tas-sawma, jagħalqu l-aħħar tal-jum, ma jħallux l-ispirtu tagħna jiddallam ma’ dħul il-lejl”.[142]

Ifakkru fil-veritajiet li Alla qal lill-ġens magħżul, xi kultant tal-biża, xi kultant mimlija bi ħlewwa li tgħaxxaq mill-aktar; jtennu u jqawwu t-tama fil-Feddej imwiegħed, tama li dari kienet tinżamm imħeġġa bl-għana madwar il-fuklar tad-dar u fl-istess kobor tat-Tempju; idawwlu b’dawl tal-għaġeb is-sebħ imħabbar ta’ Ġesù Kristu u s-setgħa Tiegħu fuq kollox u bla tmiem, il-miġja Tiegħu u l-mewt Tiegħu f’dan it-turufnament fuq l-art, id-dinjità tiegħu ta’ sultan u s-setgħa tiegħu ta’ saċerdot, l-għejja tiegħu fejjieda u d-demm tiegħu mxerred għall-fidwa tagħna.  Itennu kemm il-ferħ ta’ ruħna, in-niket, it-tama, il-biża’, t-tpattija tal-imħabba u t-telqa tagħna f’Alla, kif ukoll it-tlugħ mistiku tagħna lejn it-tabernakli t’Alla.

“Is-Salm.hu l-barka tal-poplu, t-tifħir t’Alla, l-eloġju tal-poplu, l-applaws ta’ kull wieħed, ilsien kulħadd, leħen il-Knisja, x-xhieda bil-fomm tal-fidi, d-devozzjoni sħiħa lejn is-setgħa, l-ferħ tal-libertà, l-għajta tal-hena, l-eku tal-hena”.[143]

L-Għasar fil-Parroċċi

Fiż-żmien l-imgħoddi t-tisħib tal-insara f’dan it-talb tal-Uffiċċju kien aktar mil-lum; iżda bil-mod il-mod naqas, u kif għidna issa, dan it-talb illum jingħad biss mill-kleru u mir-reliġjużi.  Mela jekk inħarsu biss lejn dak li titlob il-liġi, xejn ma għandhom jagħmlu s-sekolari f’din il-ħaġa:  iżda huwa ferm ta’ min jixtiequ li s-sekolari jissieħbu fil-kant u li jgħidu l-Għasar, fil-btajjel, fil-parroċċa tagħhom.  Nirrikkmandaw mill-aktar, Ħuti meqjuma, lilkom u lill-insara lilkom fdati, biex ma tispiċċax din il-konswetudni tajba u jekk jista’ jkun terġa tiġi mdaħħla fejn spiċċat.  Dan żgur isir b’ġid ta’ fejda jekk l-Għasar jitkanta mhux biss kif hu xieraq u kif jisħoqq, iżda wkoll b’xi mod li jferraħ id-devozzjoni tal-insara.  Jitħarrsu mela l-btajjel li għandhom jiġu mogħtija u jkunu kkonsagrati ’l Alla b’mod speċjali:  u fuq kollox jitħares jum il-Ħadd, li l-Appostli mgħallmin mill-Ispirtu Santu għażlu flok is-Sibt.  Jekk ġie imwiddeb lil-Lhud:  “Aħdmu matul sitt ijiem; fis-seba’ jum hu s-Sibt, mistrieħ imqaddes tal-Mulej:  kull min jaħdem f’dan il-jum, jiġi mogħti l-mewt:[144] kif ma jibżgħux mill-mewt tar-ruħ dawk l-insara li jagħmlu xogħol tal-idejn fil-btajjel u matul il-btala minnflok jagħtuha biex jitqaddsu u għar-reliġjon, jintelqu għal kollox għat-tlellix tad-dinja?  Il-Ħdud u l-btajjel għandhom jiġu mela mogħtija għall-qima li biha Alla jiġi meqjum u r-ruħ tieħu l-ikel tagħha:  u għalkemm il-Knisja tikkmanda biss lill-insara li ma jaħdmux xogħol tal-id u jisimgħu l-quddiesa, u ma tikkmandax li jieħdu sehem fl-uffiċċju ta’ filgħaxija, iżda, barra l-preċetti tagħha, hemm ukoll ir-rakkomandazzjonijiet u x-xewqat tagħha ta’ spiss; u dan iktar u iktar hu meħtieġ biex il-Mulej iħenn għalina u naqilgħu minn għandu l-ġid li neħtieġu.  Ruħna titnikket mill-iktar meta naraw kif fiż-żmienna l-insara jgħaddu wara nofsinhar fil-btajjel:  il-postijiet tal-logħob u tal-ispettakoli huma mimlija, waqt li fil-knejjes m’hemmx hekk nies kemm għandu jkun hemm.  Iżda hu meħtieġ żgur li kulħadd imur fil-knejjes biex jitgħallmu l-veritajiet tat-twemmin nisrani, biex ikantaw tifħir ’l Alla, biex jiġu mogħnija mis-saċerdot bil-barka ewkaristika u mqawwija mill-għajnuna tas-sema kontra t-tfixkil tal-ħajja tal-lum.  Ifittex kulħadd jitgħallem il-formoli li jitkantaw fl-għasar u ifittxu jitgħallmu t-tifsir ġewwieni tagħhom; taħt l-influss ta’ dan it-talb iħossu dak li Santu Wistin qal għalih innifsu:  “Kemm bkejt fost l-inni u l-għana, mqanqal mill-iktar mil-kant ħelu tal-knisja tiegħek.  Dawk il-vuċijiet niżlu f’widnejja, qattru s-sewwa f’qalbi, xegħeluni b’sentimenti ta’ devozzjoni, u d-dmugħ iċarċar u għamilli l-ġid”.[145]   

IĊ-CIKLU TAL-MISTERI FIS-SENA LITURĠIKA

Xi trid minnha l-Liturġija matul is-sena

Matul is-sena ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku u tal-Uffiċċju Mqaddes isiru l-aktar madwar il-persuna ta’ Sidna Ġesù Kristu; u jiġu organizzati b’mod hekk xieraq u tajjeb, li l-Feddej tagħna fihom isaltan fil-misteri tal-umiljazzjoni, tal-fidwa u tat-trijonf tiegħu.

Billi tiftakar f’dawn il-misteri ta’ Ġesù Kristu, l-Liturġija trid kieku ssieħeb l-insara kollha b’mod li Kap Divin tal-Ġisem Mistiku jgħix fil-milja tal-qdusija tiegħu f’kull wieħed mill-membri.  Ikunu, mela, erwieħ l-insara qieshom altari li fuqhom jiġġeddu u jieħdu l-ħajja mil-ġdid il-fażijiet kollha tas-sagrifiċċju li joffri is-saċerdot il-Kbir:  in-niket u d-dmugħ li jaħsbu u jpattu għad-dnubiet: it-talba mgħollija ’l Alla li tasal sas-sema; l-qirda tiegħek innifsek magħmula b’rieda malajr mill-qalb u mħeġġa, u, fl-aħħar, l-għaqda intima li biha nitilqu lilna nfusna u kull ma għandna f’Alla u nistrieħu fiH, “għaliex il-qofol tar-reliġjon huwa li tixbaħ ’l dak li tqim”.[146]

Kif b’dan il-mod u għal dawn ir-raġunijiet il-Knisja ġġiegħelna nimmeditaw fi żminijiet magħżula l-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu, hekk ukoll il-Knisja turina l-eżempji li għandna nimitaw, it-teżori tal-qdusija li nagħmlu tagħna, għaliex meħtieġ temmen bir-ruħ dak li tkanta bil-fomm, u tagħmel fil-fatt bl-imġieba f’darek u quddiem kulħadd dak li temmen bir-ruħ.

Infatti fi żmien l-Avvent, il-Knisja tqanqal fina l-kuxjenza tad-dnubiet li jaħasra għamilna, u tħeġġiġna biex, billi ngħakksu x-xewqat biċ-ċaħdiet min rajna tal-ġisem, ninġabru f’meditazzjoni qaddisa u niġu mbuttati min xewqa li nerġgħu lura għand Alla, li biss jista’ jeħlisna bil-grazzja tiegħu mit-tebgħa tad-dnubiet u tad-deni li minnhom jiġi.

Hekk il-festa tal-Milied tal-Feddej, qiesha teħodna fil-grotta ta’ Betlem biex nitgħallmu li fuq kollox meħtieġ li nitwieldu mil-ġdid u nidbiddlu għal kollox; u dan biss jista’ jkun jekk ningħaqdu mill-aktar u b’mod ħaj mal-Verb t’Alla magħmul bniedem u nkunu msieħba fin-natura Divina Tiegħu, li għaliha niġu mgħollija.

Bil-festa tal-Epifanija, waqt li niftakru fis-sejħa tal-Ġnus għal-fidi nisranija, tridna niżżuħajr kull jum li Mulej ta’ grazzja hekk kbira, tridna nixtiequ b’fidi qawwija ’l Alla ħaj, nifhmu b’ġabra u mill-iktar il-ħwejjeġ t’Alla, u nħobbu fuq kollox l-iskiet u l-meditazzjoni biex malajr nifhmu u niksbu l-ħwejjeġ tas-sema.

Fil-ġranet tas-Settwaġesima u tar-Randan il-Knisja Omm, tkattar ħsibijietha biex kull wieħed minna jagħraf bir-reqqa n-nuqqas tiegħu, jiġi mqanqal tassew ħalli jbiddel imġiebtu u jobgħod b’mod speċjali d-dnubiet u jħassarhom bit-talb u t-tewba:  għaliex it-talb ma jaqtax u t-tewba tad-dnubiet magħmula jaqilgħulna l-għajnuna t’Alla, li mingħajrha kull ħidma tagħna hi għalxejn u bla frott.

Fiż-żmien imqaddes imbagħad, meta l-Liturġija tpoġġilna quddiem għajnejna d-duluri kiefra ta’ Ġesù Kristu, l-Knisja tistedinna fuq il-Kalvarju, biex nimxu, wara l-passi mċappsa bid-demm tal-Feddej Divin, biex bil-qalb nerfgħu warajH s-salib, nħossu fina li għandna npattu u nagħmlu ’l Alla ħanin magħna, u biex flimkien immutu lkoll miegħu.

Fil-festa tal-Għid il-Kbir, li tfakkarna fit-trijonf ta’ Kristu, ruħna hi mimlija b’ferħ ġewwieni u għandna għalhekk naħsbu li aħna wkoll għandna nirxuxtaw mal-Feddej minn ħajja kiesħa u bla saħħa, għal ħajja qaddisa u mħeġġa billi noffru lilna nfusna lkoll u b’heġġa ’l Alla, u billi ninsew din l-art imsejkna biex nittamaw biss fis-sema:  “jekk irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ ta’ hemm fuq.ixxenqu għall-ħwejjeġ ta’ hemm fuq”.[147]

Fiż-żmien Għid il-Ħamsin, imbagħad, il-Knisja tħeġġiġna bil-preċetti u bil-ħidma tagħha, biex nagħtu ruħna, bla ma nfixklu lill-ħidma tal-Ispirtu Santu, li jrid jixgħel f’qalbna l-imħabba t’Alla ħalli kull jum nimxu ’l quddiem fil-virtù, b’ħeġġa akbar, u hekk insiru qaddisin, kif Kristu l-Mulej u l-Missier huma qaddisin.

Is-sena liturġika kollha, mela, nistgħu ngħidulha għanja mill-isbaħ ta’ tifħir li l-familja nisranija tgħanni lil Missier permezz ta’ Kristu medjatur tiegħu għal dejjem; iżda trid minna wkoll studju bil-għaqal u sewwa biex nagħarfu u nfaħħru dejjem aktar il-Feddej tagħna; sforz qawwi u ta’ siwi, taħriġ bla mistrieħ biex nimitaw il-misteri tiegħu, biex naqbdu minn rajna t-triq tan-niket tiegħu, biex nissieħbu fl-aħħar fil-glorja tiegħu u fl-hena tiegħu li ma tispiċċa qatt.

“Kristu l-bieraħ u llum.  Hu wkoll tul ż-żminijiet”

Minn dak li għedna jidher ċar, Ħuti meqjuma, kemm huma l-bogħod mill-ħsieb veru u ġenwin tal-Liturġija dawk il-kittieba tal-lum, li, mqarrqa minn dixxiplina mistika li jidhrilhom hi aktar għolja, isostnu li m’għandniex ninġabru fuq il-Kristu tal-istorja, iżda fuq Kristu “prewmatiku u glorifikat”, u ma jaħsbuhiex darbtejn biex jgħidu li fid-devozzjoni tal-insara sar tibdil, li bih qiesu Kristu ġie mniżżel mit-tron tiegħu, billi ġie moħbi, Kristu glorifikat li jgħix u jsaltan tul iż-żminijiet kollha u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, u floku daħal Kristu tal-ħajja fuq l-art.  X’uħud għalhekk jaslu biex jridu jneħħu mill-knejjes l-ixbihat tal-Feddej Divin li qed ibati fuq is-Salib.

Iżda dawn il-fehmiet qarrieqa huma għal kollox kontra t-tagħlim tradizzjonali qaddis.  “Emmen fi Kristu mwieled bil-ġisem — hekk jgħid Santu Wistin, u tasal sa Kristu mwieled minn Alla, Alla ħdejn Alla”.[148]  Il-Liturġija mqaddsa mbagħad tpoġġilna quddiem għajnejna il-Kristu kollu kemm hu, fil-ħajja tiegħu kollha:  Kristu li hu l-Verb tal-Missier Etern, imwieled minn Verġni Omm t’Alla, li jgħallimna s-sewwa, ifejjaq il-morda, jfarraġ l-imnikktin, li jbati, li jmut; li fl-aħħar jirxoxta rebbieħ fuq il-mewt li, waqt li qed isaltan fil-glorja tas-sema jibgħatilna l-Ispirtu Paraklitu li jgħix dejjem fil-Knisja tiegħu:  “Kristu l-bieraħ u llum:  Hu wkoll matul iż-żminijiet”.[149]  U mhux biss tpoġġihulna bħala xempju li għandna nimitaw, iżda wkoll bħala mgħallem li għandna nisimgħu bħala ragħaj li għandna nimxu warajh bħala dak li jaqbeż għalina għall-ħelsien tagħna, bidu tal-qdusija tagħna, Kap Mistiku li tiegħu aħna membri, li qed ngħixu fl-istess ħajja tiegħu.

U billi d-duluri kiefra tiegħu jagħmlu l-ministeru ewlieni li minnu ġejja l-fidwa tagħna, hu skont ma jitlob it-twemmin kattoliku jekk tpoġġih f’dawl mill-aktar.  Għaliex hu qiesu ċ-ċentru tal-qima lejn Alla, billi s-sagrifiċċju ewkaristiku hu r-rappreżentazzjoni u tiġdida ta’ kuljum tiegħu, u billi s-sagramenti kollha huma marbuta b’mod mill-iktar mas-Salib.

Għalhekk is-sena liturġika, li hi mqawwija u akkompanjata mill-qdusija tal-knisja, mhix rappreżentazzjoni kiesħa u bla ħajja ta’ għemil tal-imgħoddi, l-anqas tifkira sempliċi u bla tiżjin ta’ ħaġa li saret fi żminijiet oħra.[150]  Hi għall-kuntrarju Kristu stess, li jgħix dejjem fil-Knisja tiegħu u li jkompli t-triq ta’ ħniena bla qies li beda bi ħsieb ta’ ħniena f’din il-ħajja fuq l-art meta għadda jagħmel il-ġid[151] biex iqarreb erwieħ il-bnedmin lejn il-misteri tiegħu, u jġiegħelhom igħixu bihom: misteri li huma dejjem hemm u jaħdmu, mhux b’mod inċert u imħawwad li fuqu jitkellmu xi kittieba tal-lum, iżda għaliex, skont it-tagħlim tal-Knisja u l-fehma tad-Dutturi tal-Knisja, huma eżempji ewlenija ta’ perfezzjoni nisranija, u għajn tal-grazzji t’Alla għall-meriti u t-talb tal-Feddej:  u għaliex jibqgħu fina bl-effett tagħhom, billi kull wieħed minnhom hu skont ma titlob in-natura tiegħu, l-kawża tal-ħelsien tagħna.  Inżidu li Ommna l-Knisja Mqaddsa waqt li tistedinna għal kontemplazzjoni tal-misteri ta’ Kristu, bit-talb tiegħu jitlob dawk id-doni sopranaturali li bihom uliedha jintlew bl-ispirtu ta’ dawn il-misteri bil-qawwa ta’ Kristu.  Bl-influss u l-qawwa tiegħu, nistgħu, billi nżidu l-ħidma tar-rieda tagħna wkoll, nieħdu u nagħmlu tagħna dik il-qawwa li tagħtha l-ħajja, bħala friegħi ta’ siġra, bħala membri mill-kap tagħna, u nistgħu bil-mod u bit-taħbit nitbiddlu “skont l-qies tal-età sħiħa ta’ Kristu”.[152]

IL-FESTI TAL-QADDISIN

Matul is-sena liturġika jiġu mfakkra mhux biss il-misteri ta’ Ġesù Kristu, iżda l-festi wkoll tal-Qaddisin li bihom għalkemm huma ta’ ordni nferjuri u anqas, il-Knisja dejjem fi ħsiebha li turi lill-insara eżempji ta’ qdusija li jimbuttawhom biex jiżżejnu bl-istess virtujiet tal-Feddej Divin.

Jeħtieġ li nimitaw il-virtujiet tal-Qaddisin li fihom tiddi, iżda mhux l-istess, il-virtù ta’ Kristu, kif huma ixxibħu lilu.  Għaliex f’xihud deher iż-żelu għall-appostolat; f’oħrajn uriet ruħha il-qawwa tal-qalbiena tagħna sat-tixrid tad-demm; f’oħrajn kienet tiddi s-sagħra ma taqtax għall-miġġja tal-Feddej; f’oħrajn deher is-safa oriġinali tar-ruħ u l-ħlewwa mistħija tal-umiltà nisranija; fi lkoll imbagħad xegħlet imħabba l-aktar imħeġġa lejn Alla u lejn il-proxxmu.  Il-Liturġija tpoġġi quddiemna dan it-tiżjin kollu hekk sabiħ ta’ qdusija biex inħarsu lejħ b’ħarsa ta’ fejda u biex “aħna li qed ingawdu mill-merti tagħhom, ninxtegħlu biex nagħmlu bħalhom”.[153]  Jeħtieġ mela nħarsu “l-innoċenza fis-sempliċità, l-għaqda fl-imħabba, l-mistħija fl-umiltà, l-għaqal fit-tmexxija; inkunu dejjem lesti biex ngħinu minn ibati, biex nuru ħniena u induru bil-fqar, biex inħarsu s-sewwa u l-ħaqq fl-ebbusija tad-dixxiplina, ħalli xejn fina ma jonqos minn kull virtù li tiġi murija lilna bħala xempju.  Dawn huma l-passi li ħallulna l-qaddisin meta reġgħu lura pajjiżhom, biex warajhom nimxu u warajhom naslu fl-hena.[154]  U biex is-sensi tagħna wkoll ikollhom impressjonijiet fejjieda l-Knisja trid li fil-knejjes tagħna jkun hemm xbihat tal-Qaddisin, dejjem, għall-istess raġuni biex “nimitaw il-virtujiet ta’ dawk li tagħhom inqimu x-xbiha”.[155]

Iżda hemm raġuni oħra talli l-ġens nisrani jqim il-qaddisin:  dak li jitolbuhom l-għajnuna li “jiġu mqawwijin mill-patroċinju ta’ dawk li nitgħaxqu bit-tifħir tagħhom”.[156]  Minn hawn malajr jidher il-għaliex dan il-ħafna formoli ta’ talb li l-Knisja tuża biex titlob il-patroċinju tal-Qaddisin.

Il-qima lejn il-Madonna

Fost il-qaddisin imbagħad għandna qima fuq l-oħrajn, Marija Verġni, l-Omm t’Alla.  Ħajjitha, b’missjoni lilha fdata minn Alla, hi mdaħħla mill-aktar fil-misteri ta’ Ġesù Kristu u ħadd, żgur, aktar minnha ma mexa eqreb u b’akbar qawwa fuq il-passi tal-Verb Divin magħmul bniedem, ħadd m’għandu akbar grazzja u setgħa fuq il-Qalb Imqaddsa tal-Iben t’Alla, u permezz tal-Iben, fuq il-Missier.  Hi aktar qaddisa mill-Kerubini u s-Serafini, u bl-ebda paragun hi iktar glorjuża mill-qaddisin l-oħra kollha għaliex hi “mimlija bil-grazzja”,[157] Omm Alla u tatna bil-ħlas imqaddes tagħha l-Feddej.  Lejha, li hi “Omm tal-ħniena ħajja ħlewwa, u tama tagħna” nirrikorru lkoll “nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugħ”,[158] u nafdaw lilna u kull ma għandna għall-ħarsien tagħha.  Saret Ommna meta l-Feddej Divin kien qed itemm is-Sagrifiċċju Tiegħu nnifsu, u għalhekk, għal dan ukoll, aħna uliedha.  Tgħallimna l-virtujiet kollha:  tagħtina l-Binha u miegħu, l-għajnuna kollha li ninħtieġu għax Alla ried li “ngħaqilu kollox permezz ta’ Marija”.[159]

Minn din it-triq liturġika li kull sena tinfetħilna mill-ġdid taħt il-ħidma li tqaddes tal-Knisja mfarrġa mill-għajnuna u l-eżempji tal-Qaddisin, u fuq kollox ta’ Marija Verġni “nersqu b’qalb sinċiera, b’fidi sħiħa, b’qalbna msaffija minn kull sinjal ta’ ħtija u ġisimna maħsul minn l-ilma safi”[160] lejn “is-Saċerdot il-Kbir”[161] u ngħixu u nħossu miegħu u nidħlu permezz tiegħu l’hemm mill-Velu”[162] fejn inqimu ’l Alla għal dejjem ta’ dejjem.

Dan hu l-qofol u l-għaliex tal-Liturġija Mqaddsa; għandha x’taqsam mas-Sagrifiċċju, mas-Sagramenti u mat-tifħir ’l Alla; l-għaqda ta’ rwieħna ma Kristu u l-qdusija tagħhom permezz tal-Feddej Divin biex jiġi mġieħ Kristu u miegħu u fiH it-Trinità Mqaddsa:  Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu Santu”.

 

IV

DIRETTIVI PASTORALI

NIRRIKKMANDAW ID-DEVOZZJONIJIET MHUX GĦAL KOLLOX LITURĠIĊI

Liema huma d-devozzjonijiet mhux liturġiċi

Biex imbegħdu mill-Knisja dak it-tagħlim qarrieqi u l-esaġerazzjonijiet kontra s-sewwa li tkellimna fuqhom, u biex l-insara, immexxijin minn tagħlim iktar żgur, jistgħu jagħmlu appostolat liturġiku bi frott mill-iktar, jidhrilna, Ħuti miqjuma, li għandna nżidu xi ħaġa biex iseħħ dak li għallimna.

Meta tkellimna fuq liema hi d-devozzjoni skont is-sewwa, għidna li l-Liturġija u l-għemil ieħor tar-reliġjon — sakemm hu mmexxi sewwa u jilħaq l-iskop tiegħu — ma’ humiex kontra xulxin anzi hemm xi devozzjonijiet li l-Knisja tridhom li jsiru mill-qassisin u mir-reliġjużi.[163]

Issa irridu li s-sekulari wkoll ma jibqgħux lura minn dawn id-devozzjonijiet.  Huma, u nsemmu biss l-ewlenija, l-meditazzjoni fuq ħwejjeġ ta’ ruħ, l-eżami tal-kuxjenza, l-irtiri magħmula biex wieħed aktar jaħseb fuq is-sewwa ta’ dejjem, il-viżita lis-Sagrament Imqaddes tal-Altar, u t-talb speċjali lill-Imqaddsa Verġni Marija, li fostna jisboq kif kulħadd jaf, ir-Rużarju.

Minn dawn il-ħafna devozzjonijiet ma tistax tkun imbegħda l-ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu; huma — għalkemm b’ħafna suriet — ilkoll ifittxu jdawwru u jmexxu lejn Alla ir-ruħ tagħna biex tikseb il-virtù, isaffuha mid-dnub, jimbuttawha biex, fl-aħħar, iħeġġuha għad-devozzjoni sewwa, billi jdarruha timmedita fuq il-veritajiet ta’ dejjem, u iħejjuha aħjar biex tikkontempla il-misteri tan-natura ta’ bniedem u tan-natura t’Alla fi Kristu.  U mbagħad billi jqawwu mill-iktar fl-insara l-ħajja tar-ruħ, iħejjuhom biex jieħdu sehem fil-funzjonijiet imqaddsa b’frott akbar, u hekk jevitaw il-periklu li t-talb liturġiku jsir biss ritwaliżmu fieragħ.

Immexxu l-quddiem dawn id-devozzjonijiet

Tgħejjux mela, Ħuti miqjuma, fil-ħidma tagħkom ta’ ragħajja, li tirrikmandaw u tmexxu ’l quddiem dawn id-devozzjonijiet li minnhom joħroġ żgur frott fejjiedi għall-erwieħ lilkom fdati.  Fuq kollox, tħallux — kif x’uhud isostnu, jew bl-iskuża ta’ tiġdid tal-Liturġija jew għax jitkellmu bħal boloħ fuq qawwa u dinjità li (jgħidu) huwa biss tar-riti tal-Liturġija — u l-knejjes jibqgħu magħluqa fil-ħinijiet meta m’hemmx funzjonijiet tal-Liturġija, kif diġà qed isir f’xi postijiet; li tiġi traskurata l-adorazzjoni u l-viżita lis-Sagrament Imqaddes tal-Altar; li l-insara jiġu mħarġġa iħallu l-qrar magħmul biss għad-devozzjoni, li tiġi traskurata l-aktar fost iż-żagħżagħ, tant li tibda tnin il-qima lejn il-Verġni Omm t’Alla, qima li kif jgħidu l-qaddisin, hi sinjal ta’ predestinazzjoni.

Dan huwa frott avvelinat, mill-iktar ta’ ħsara għall-qdusija tal-insara, frott li ħareġ minn friegħi mħassra ta’ siġra b’saħħitħa; jeħtieġ taqtgħu barra biex is-siġra tagħti biss frott bnin u mill-aħjar.

Billi mbagħad il-fehma ta’ x’uħud dwar il-qrar ta’ spiss hu għal kollox kontra l-Ispirtu ta’ Kristu u tal-Għarusa bla tebgħa tiegħu, u li tassew ta’ ħsara għall-ħajja tar-ruħ, infakkru f’dak li ktibna, b’niket ta’ qalbna fl-enċiklika Mystici Corporis; u mill-ġdid ninsistu biex iġġiegħelu l-insara lilkom fdati, speċjalment iż-żagħżagħ imsejħa għas-saċerdożju u l-qassisin żagħżagħ tagħkom, ħalli jimmeditaw sewwa u bil-mod il-mod iġiegħlu jseħħ dak li kemm għidna bi kliem maħsub.

Irtiri għas-Sekulari

Fittxu b’mod speċjali biex ħafna, mhux biss mill-kleru iżda wkoll mis-sekulari, u speċjalment dawk li huma mseħbin f’għaqdiet reliġjużi u fil-fili tal-Azzjoni Kattolika, biex jieħdu sehem fl-irtir ta’ kull xahar u f’eżerċiżżi spiritwali magħmula fi żminijiet magħżula biex titkattar id-devozzjoni.  Kif għidna, dawn l-eżerċiżżi huma ta’ siwi kbir, anżi meħtieġa biex inisslu fl-erwieħ id-devozzjoni vera, u ikkisruhom għall-qdusija ħalli jkunu jistgħu jieħdu mill-Liturġija mqaddsa ġid iktar qawwi u iktar kbir.

Jekk niġu għas-sura kif għandhom jintgħamlu dawn l-eżerċiżżi, kulħadd għandu jkun jaf illi fil-Knisja fuq l-art kemm f’dik tas-sema hemm “ħafna għamara”;[164] u li l-axxetika ma hiex monopolju ta’ ħadd.  Wieħed huwa l-Ispirtu, li però “inebbaħ fejn irid”;[165] u b’ħafna għotjiet mhux l-istess, u minn ħafna triqat, imexxi l-erwieħ minnu mdawwla biex jiksbu l-qdusija.  Il-libertà tagħhom u l-ħidma sopranaturali tal-Ispirtu Santu fihom huma ħwejjeġ qaddisa u minn ħadd, għall-ebda raġuni, m’għandhom jiġu mfixkla, u mkasbra.  Iżda kulħadd jaf li l-Eżerċiżżi ta’ Sant Injazju ġew għal kollox milqugħ u bil-ħeġġa kollha rakkomandati mill-Papiet li ġew qabilna minħabba l-qawwa tagħhom tal-għaġeb; u aħna wkoll għall-istess raġuni lqajnihom u rrikmandajnihom, u bil-qalb kollha nilquhom u nirrikmandawhom.

Iżda hu għal kollox meħtieġ li l-ispirazzjoni liema devozzjonijiet tfittex u tagħmel tiġi minn Missier kull dawl li minnu ġej kull ħaġa tajba u kull għotja perfetta;[166] u sinjal ta’ dan tkun il-qawwa li biha jkun ta’ siwi għaliex il-qima lejn Alla tkun iktar maħbuba, iktar immexxija l-quddiem u l-insara jkunu imbuttati b’xewqa akbar li jieħdu sehem fis-Sagramenti u fil-qima u l-ħarsien meħtieġ għal kull ħaġa qaddisa.  Jekk għal kuntrarju, jkun ta’ tfixkil u jidhru kontra l-prinċipji u r-regoli tal-qima lejn Alla, żgur ta’ min iqishom bħala mhux ġejjin minn fehma sewwa u mmexxijin minn żelu imdawwal.

Devozzjonijiet li jfakkru fina l-ispirtu ta’ Kristu

Hemm imbagħad devozzjonijiet oħra, li għalkemm m’għandhomx x’jaqsmu mal-Liturġija, jekk nitkellmu skont il-ħaqq, għandhom iżda dinjità u siwi speċjali b’mod li wieħed għandu jqishom li huma mdaħħla b’xi mod fl-ordinament liturġiku, u jgawdu approvazzjoni mtennija ta’ spiss u tifhir minn din is-Sedi Appostolika, u mill-Isqfijiet.  Fosthom jingħaddu t-talb li jsir matul ix-xahar ta’ Mejju f’ġieħ il-Verġni Omm t’Alla jew tul ix-xahar ta’ Ġunju f’ġieħ il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, tridijiet u n-noveni, l-“Via Sagra” u d-devozzjonijiet oħra bħal dawn.

Dawn id-devozzjonijiet li jħeġġu l-insara biex jersqu ta’ spiss lejn is-Sagrament tal-Qrar u biex jissieħbu bil-ġabra kollha fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku u fl-Ikel Imqaddes, kif ukoll fil-meditazzjoni tal-misteri tal-Fidwa tagħna u fit-tixbiħ tal-eżempji qalbiena tal-Qaddisin, għal dan kollu, jgħinu b’sura ta’ fejda għat-tisħib tagħna fil-qima liturġika.

Għalhekk jagħmel ħsara kbira u ħaġa għal kollox qarrieqa minn jissogra bla ebda raġuni jieħu fuqu r-riforma ta’ dawn id-devozzjonijiet biex idaħħalhom fir-riti biss tal-liturġija.  Iżda jeħtieġ li l-ispirtu tal-liturġija u r-regoli tagħha jinfluwenzawha b’mod ta’ ġid, biex ma jidħol fihom xejn li mhux floku u ma jixraqx lid-Dar t’Alla jew li jkun ta’ tfixkil għall-funżjonijiet imqaddsa u kontrarju għad-devozzjoni skont is-sewwa.

Fittxu mela, Ħuti miqjuma, li din id-devozzjoni vera u ġenwina, tikber quddiem għajnejkom u twarrad dejjem aktar.  Fuq kollox tgħejjux tfehmu lil kull wieħed li l-ħajja n-nisranija ma tinsabx f’ħafna talb differenti u f’ħafna devozzjonijiet, iżda aktar tinsab f’dak li tassew jgħin il mixi l-quddiem fil-ħajja tar-ruħ l-insara u għalhekk fit-tkattir tal-Knisja kollha.  Għaliex il-Missier Etern “għażilna fiH (fi Kristu), qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisin u bla tebgħa quddiemu”.[167]  Mela t-talb tagħna kollu, d-devozzjonijiet tagħna kollha għandhom ifittxu dejjem imexxu l-qawwiet kollha ta’ ruħna biex niksbu dan l-iskop hekk kbir u nobbli.

SPIRTU LITURĠIKU U APPOSTOLAT LITURĠIKU

                                           Mexxu l-quddiem l-ispirtu liturġiku       

Inħeġġukom imbagħad bla ma naqtgħu, Ħuti miqjuma, biex, wara li ma tħallux li jsir kull ħaġa li hi barra s-sewwa u l-ordni, tmexxu l-quddiem kull bidu li jagħti lill-poplu tagħrif akbar tal-liturġija mqaddsa; b’mod li huma jistgħu aktar aħjar u aktar malajr jissieħbu fir-riti mqaddsa bi tħejjija tassew nisranija.

Jeħtieġ qabel kollox taħdmu biex kulħadd jobdi bil-qima u fidi meħtieġa d-digrieti maħruġa mill-Konċilju ta’ Trento, mill-Papiet, mill-Kongregazzjoni tar-Riti, u dak kollu li jridu l-kotba tal-Liturġija f’dak li għandu x’jaqsam mall-għemil li jidher tal-qima pubblika.

Fil-ħwejjeġ kollha qabel kollox għandu jidher dawn it-tliet bżonnijiet, li fuqhom jitkellem il-Papa Piju X:  l-qdusija, jiġifieri li ma tagħmilx ebda ħaġa profana; n-nobiltà tal-ixbiħat u tal-forom li għalihom tiswa kull arti tassew u mill-aħjar; l-universalità li waqt li tħares l-imġieba skont il-liġi ta’ kull post — turi l-għaqda kattolika tal-Knisja.[168]

Nixtiequ li nirrikmandaw bl-ikbar ħerqa, għall darb’oħra li l-knejjes u l-altari jinżammu b’mod xieraq.  Kulħadd għandu jħoss ruħu mħeġġeġ mill-kelma divina:  “Il-ħeġġa għal darek fnietni”;[169] u kulħadd jaħdem skont ma jiswa, biex kull ħaġa, tant fil-bini mqaddes, kemm fl-ilbies u l-ħwejjeġ kollha tal-liturġija ukoll jekk ma jkunx hemm għana u tiżjin iżżejjed, kollox ikun, xieraq u nadif, għax kollox hu konsagrat għall-Kobor t’Alla.  U jekk diġà ħadniha kontra l-aġir mhux sewwa li dawk li, bl-iskuża li jdaħħlu l-antik, iridu jneħħu mill-knejjes l-ixbihat imqaddsa, jidhrilna hawn li hu dmirna nċanfru d-devozzjoni mhux imħarrġa, sewwa ta’ dawk, li, fil-knejjes u fuq l-altari stess, ipoġġu biex jiġu miqjuma bla raġuni biżżejjed, ħafna u ħafna xbihat u statwi; ’l dawk li jesponu relikwi mhux magħrufa mill-awtorità ’l dawk fl-aħħar li jirsistu, fuq ħwejjeġ partikolari u ta’ ftit importanza u jittraskuraw l-ħwejjeġ ewlenija u meħtieġa u hekk iwaqqgħu għaċ-ċajt ir-reliġjon u jbaxxu s-serjetà tal-qima t’Alla.

Infakkrukom fid-diġriet “dwar is-suriet ġodda ta’ qima u ta’ devozzjoni li m’għandhomx jiġu mdaħħla”;[170] nirrakkmandawlkom taraw inthom li qed jiġi mħares sewwa.

                                                             Il-mużika sagra

Fuq il-mużika, rridu li jitħarrsu sewwa r-regoli ċari u determinati, maħruġa mis-Sedi Appostolika.  Il-kant Gregorjan, li [171] l-Knisja ta’ Ruma tqies bħala ħaġa tagħha, għaliex ġej minn tradizzjoni antika u mħares matul iż-żminjijet bl-ikbar ħsieb, u li hi turieħ lill-insara bħala ħaġa tagħhom ukoll u li trid li jintuża hu biss f’ċerti partijiet tal-Liturġija, mhux biss iktar iżejjen u jkabbar is-solennità fiċ-ċelebrazzjoni tal-Misteri Mqaddsa, iżda wkoll jgħin ferm biex ikattar il-fidi u l-ġabra ta’ kull minn hemm miġbur.  U fuq din il-ħaġa il-Papiet Piju X u Piju XI ordnaw — u aħna bil-qalb nikkonfermaw bis-setgħa tagħna dak li għamlu huma — fis-seminarji u fl-Istituti reliġjużi il-kant Gregorjan għandu jiġi mmexxi l-quddiem bi studju u b’għaqal, u, għallinqas fil-knejjes l-iktar ewlenija għandhom jitwaqqfu mill-ġdid li Scholæ Cantorum taż-żmien l-imgħoddi, kif ġa sar u irnexxa f’xi postijiet.[172] 

Barra dan, “biex l-insara jissieħbu aktar fil-qima lejn Alla, jerġa jidħol il-kant Gregorjan fl-użu tal-poplu, għal dik il-parti li fiha jindaħal il-poplu.  U hu ferm meħtieġ li l-insara ifittxu jieħdu sehem fiċ-ċerimonji reliġjużi mhux billi jkunu hemm jaraw bla ma jitniffsu u qieshom barranin, u mhux imqanqlin mis-sbuħija tal-Liturġija. iżda billi skont ir-regoli tal-liturġija leħenhom jissieħeb mal-leħen is-saċerdot u ma’ leħen il-kanturi; u jekk għall-grazzja t’Alla dan iseħħ, ma jiġrix aktar li l-poplu bil-kemm iwieġeb b’dgergir dgħajjef u taħt ilsien għat-talb flimkien li jingħad bil-Latin u bl-ilsien mitkellem”.[173]  In-nies li jassistu bil-ġabra kollha għas-Sagrifiċċju tal-altar, fejn il-Feddej tagħna, flimkien mal-ulied, mifdija b’demmu, ikanta l-għanja tal-imħabba bla qies tiegħu, żgur ma jistgħux jibqgħu siekta, għaliex “tkanta hu ta’ min iħobb”[174] u għaliex sewwa, jgħid il-qawl tal-imgħoddi: “min ikanta sewwa, jitlob darbtejn”.  Hekk il-Knisja militanti, l-kleru u n-nies flimkien, jgħaqqdu leħenhom mal-għana tal-Knisja trijonfanti u mal-kori tal-Anġli; biex ilkoll flimkien ikantaw għana ta’ ferħ mill-isbaħ u għall dejjem lit-Trinità Mqaddsa, kif hu miktub:  “li magħhom nitolbok li jissemgħa wkoll leħenna”.[175]

M’għandniex, iżda, ngħidu li l-mużika u l-kant tal-lum għandu jitneħħa għal kollox mill-qima kattolika.  Anżi jekk m’għandhom xejn profan u mhux xieraq għall-qdusija tal-post u għall- funzjoni mqaddsa, u l-anqas ma huma ġejjin minn tfittix fieragħ ta’ effetti straordinarji u barra minn lokhom, allura għandna bilfors niftħulhom biebien il-knejjes tagħna, għax kemm waħda u kemm l-oħra jistgħu jgħinu mhux ftit is-sbuħija tar-riti mqaddsa, biex jerfgħu qlubna lejn Alla u jkattru l-vera devozzjoni.

Neżortawkom ukoll, Ħuti meqjuma, li tieħdu ħsieb biex tmexxu il-quddiem il-kant popolari reliġjuż u li tfittxu li ikun esegwit bir-reqqa u bid-dinjità meħtieġa, għax iqanqal u ikabbar il-fidi u il-pietà tal-fidili.  Jitla’ lejn is-sema il-kant qawwi u f’leħen wieħed tal-poplu tagħna bħal ħsejjes tal-mewġ tal-baħar,[176] espressjoni melodjuża u vibranti ta’ qalb waħda u ruħ waħda,[177] kif jixraq lil aħwa u ulied tal-istess Missier wieħed.

L-arkitettura, l-iskultura u l-pittura

Dak li għidna fuq il-mużika, nistgħu ngħiduħ ukoll għal kull arti oħra, speċjalment għall-arkitettura, għall-iskultura u għall-pittura.  M’għandhomx jiġu mkasbra u miċħuda fuq fuq u b’fehma minn qabel, suriet u xbihat ta’ żminijietna, aktar jaqblu mal-materjali ġodda li bihom isiru; iżda waqt li nevitaw b’tiqjis sewwa kemm ir-realiżmu żejjed min-naħa waħda, u s-simboliżmu żejjed minn l-oħra, u waqt li nfittxu iktar dak li trid il-komunità nisranija milli dak li jaħseb u jogħġob lill-artist, jeħtieġ fuq kollox niftħu l-bieb lill-arti tal-lum, jekk tiswa, bil-qima meħtieġa u bil-gieħ meħtieġ għall-bini mqaddes u għar-riti mqaddsa; biex hi wkoll tgħaqqad leħenna mal-għana ta’ ġieħ hekk tal-għaġeb li l-kbar kantaw matul iż-żmien l-imgħoddi lill-Knisja Kattolika.  Iżda ma nistgħux ma ngħidux li jisogħbina u li nikkundannaw ċerti xbihat u forom mdaħħlin dan l-aħħar, li jidhru huma tiħżin u deformazzjoni tal-arti tassew, u li xi kultant jonqsu biċ-ċar għad-dekor, għas-satra u għad-devozzjoni nisranija u joffendu mill-iktar il-veru sentiment reliġjuż; dawn għandhom għalkollox jinżammu l-bogħod u jintremew il-barra mill-knejjes tagħna, kif “ukoll dak kollu li ma jaqbilx mal-qdusija tal-post”.[178]

Billi timxu skont ir-regoli u d-degrieti tal-Papiet fittxu bir-reqqa, Ħuti miqjuma li ddawlu u tmexxu l-moħħ u r-ruħ tal-artist, li lilhom illum ġie mogħti x-xogħol li jsewwu u jibdnu mill-ġdid tant knejjes imwaqqgħin u mġarrfa mill-kefrija tal-gwerra; j’Alla billi jispiraw ruħhom għar-reliġjon, jistgħu u jridu jsibu s-suġġetti l-iktar xierqa u jaqblu ma’ dak li titob il-qima; u hekk għall-grazzja t’Alla jiġri li kull arti tal-bnedmin, qiesha ġejja mis-sema — tiddi b’dawl sabieħ, tmexxi mill-iktar iċ-ċivilità tal-bnedmin u tgħin biex tagħti glorja ’l Alla, u biex tqaddes l-erwieħ.  Għaliex kull arti taqbel mar-reliġjon meta tkun “bħala qaddejja l-iktar nobbli tal-qima lejn Alla”.[179]

Jiħtieġ l-Insara jgħinu l-Liturġija

Iżda hemm ħaġa aktar ta’ siwi, Ħuti miqjuma, li nirrikmandaw b’mod speċjali għall-ħsieb u għall-ħeġġa appostolika tagħkom.  Kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-qima reliġjuża li tidher minbarra għandha s-siwi tagħha, iżda fuq kollox jeħtieġ li l-insara jgħixu ħajja liturġika, u biha jqawwu u jkattru l-ispirtu sopranaturali.

Fittxu mela bil-ħeġġa kollha li l-kleru żagħżugħ tagħkom jiġi mrawwem biex jifhem iċ-ċerimonji mqaddsa, jagħraf il-kobor u s-sbuħija tagħhom, jitgħallem bir-reqqa r-rubriki kif jiġi mrawwem fl-axxetika, fit-teoliġja, fil-liġi tal-knisja, fit-tmexxija tal-erwieħ.  U dan għandu jsir mhux biss minħabba t-tagħlim, biex il-quddiem is-seminarista jista’ jagħmel ir-riti mqaddsa sewwa, kif hu xieraq u bid-dinjità meħtieġa, iżda fuq kollox biex jiġi mrawwem f’għaqda ma’ Kristu Saċerdot, u jsir ministru qaddis ta’ qdusija.

Fittxu biex b’kull mod, bil-mezzi u l-għinunijiet li fl-għaqal tagħkom jidhrilkom l-iktar jiswew ħalli l-kleru u l-poplu jkunu fehma waħda u qalb waħda; u hekk il-poplu nisrani jissieħeb tassew fil-Liturġija, li mbagħad issir tassew l-għemil qaddis li fih is-saċerdot li jieħu ħsieb l-erwieħ tal-parroċċa lilu fdata, magħqud mal-ġabra tal-insara, jagħti l ’Alla l-qima li tistħoqqlu.

Biex niksbu dan jiswa żgur li tfal twajba fil-bidu taż-żogħżija, mgħallmin sewwa, jiġu magħżula minn kull klassi ta’ nies biex bla ebda interess u b’ried tajba iservu, bil-ġabra u mingħajr ma jonqsu, fil-knejjes:  ħidma li għandha titqies bl-akbar rispett mill-ġenituri wkoll jekk huma ta’ kondizzjoni għolja u ta’ skola.

Jekk dawn it-tfal fil-bidu ta’ żogħżithom jiġi mgħallma bil-ħsieb kollu meħtieġ, taħt il-ħarsien ta’ qassis, biex jagħmlu din il-ħidma tagħhom bla ma jonqsu u bil-qima kollu u fil-ħin magħżul, ikun ħafif li jimbtu fosthom vokazzjonijiet għas-saċerdozju; u l-kleru ma jgħidx iktar li ma jsibx — kif xi kultant jiġri wkoll f’postijiet l-iktar kattoliċi —min iwieġbu u jgħinu.

Fittxu fuq kollox, bil-ħeġġa mill-ikbar tagħkom biex l-insara kollha jassistu għall-Quddiesa u hekk jieħdu minnha frott dejjem akbar ta’ fejda; għalhekk ħeġġuhom bla ma taqtgħu biex jassistu bil-ġabra, bil-manjieri kollha li fuqhom tkellimna aktar il-fuq.  Is-Sagrifiċċju Mqaddes tal-altar hu l-għemil ewlieni tal-qima lejn Alla, għalhekk jeħtieġ li jkun l-għajn u ċentru tad-devozzjoni nisranija.  Qiesu li għadkom ma qdejtux sewwa l-ħeġġa appostolika tagħkom jekk ma tarawx lil-uliedkom jersqu b’numru kbir għal dik l-ikla tas-sema li hi “Sagrament ta’ ħniena, sinjal ta’ għaqda, rabta ta’ mħabba”.[180]

Biex imbagħad l-insara jkunu jistgħu jiksbu dawn id-doni sopranaturali b’mod abbondanti aktar għallmuhom sewwa, bi prietki f’lokhom u speċjalment b’diskorsi u serji ta’ konferenzi, b’ġemgħat ta’ studju u manifestazzjonijiet bħal dawn, fuq it-teżori ta’ tjubija li jinsabu fil-Liturġija Mqaddsa.  Għal din il-ħaġa żgur issibu l-membri tal-Azzjoni Kattolika li huma dejjem lesti biex jaħdmu mal-Ġerarkija tal-Knisja għat-tixrid tas-Saltna ta’ Kristu.

Għassu għall-għadu li jiżra s-sikrana

Iżda jeħtieġ dejjem li inthom tgħassu dejjem biex fl-għalqa tal-Mulej ma jidħolx l-għadu ħalli jiżra s-sikrana fost il-qamħ;[181] biex fi kliem ieħor, ma jinżergħax fost l-insara tagħkom dak it-tagħlim ta’ ħsara u fih ta’ mistiċiżmu qarrieqi u kwietiżmu ħażin — tagħlim, kif tafu, ġa kkundannat minna[182] — u biex l-erwieħ ma jiġux miġbuda minn umaniżmu perikoluż, u biex ma jidħolx tagħlim ħażin li ibiddel il-fehma sewwa tal-fidi, u biex fl-aħħar ma’ jidħolx arkeoloġiżmu żejjed fil-liturġija.  Fittxu bl-istess reqqa biex ma jixterdux il-fehmiet ħżiena ta’ dawk li bla raġuni jemmnu u jgħallmu li n-natura ta’ bniedem ta’ Kristu glorifikata tgħammar realment u bi preżenża kontinwa f’kull wieħed mill-imseddqa, jew inkella grazzja waħdiena u l-istess tgħaqqad lil-Kristu mal-membri tal-Ġisem Tiegħu.

Taqtux qalbkom mit-tfixkil li jista’ jinqala; m’għanda tonqos qatt il-ħeġġa tagħkom.  “Doqqu t-trombi f’Sion, sejħu l-ġabra; iġbru l-poplu, qaddsu l-Knisja, għaqdu x-xjuħ, iġbru t-tfal u ’l dawk li jreddgħu”,[183] u bil-mod il-mod fittxu li l-knejjes u l-altari jkunu ffullati mill-insara; li, bħala membri ħajja magħquda mal-Kap Divin tagħhom, jiġu mqawwija mill-grazzi tas-sagramenti, jiċċelebraw miegħu u biH is-sagrifiċċju mqaddes u jagħtu l-Missier Etern it-tifħir li jistħoqqlu.

Il-kelma tal-aħħar

Dan kollu, Ħuti miqjuma, riedna niktublkom u għamilnih biex Uliedna u uliedkom aktar jifhmu u aktar jqisu jiswa t-teżor li jinsaq fil-Liturġija; jiġifieri s-Sagrifiċċju Ewkaristiku, li hu xbiha u ġġedded is-Sagrifiċċju tas-Salib, is-Sagramenti, xmajjar ta’ grazzja u ta’ ħajja t’Alla, u l-għana ta’ tifħir li mis-sema u mill-art kuljum jitla għand Alla.

Għandna nittamaw li dan it-tħeġġiġ tagħna iqanqal il-bierda u l-dawk li ma jridux jisimgħu mhux biss biex jistudjaw aktar u b’aktar dawl il-Liturġija iżda wkoll biex jdaħħlu fil-ħajja l-ispirtu sopranaturali tagħha, kif jgħid l-Appostlu “ara titfu l-ispirtu”.[184]

Lil dawk li ħeġġa żejda xi kultant iġġiegħelhom jgħidu u jagħmlu ħwejjeġ li jissogħbina ma nistgħux ndaħħlu, intennu t-twissija ta’ San Pawl:  “għarblu kollox; żommu biss dak li hu tajjeb”;[185] u inwiddbuhom b’qalb ta’ missier biex ifittxu kif jaħsbu u jaħdmu mit-tagħlim nisrani, skont il-preċetti tal-Għarusa bla tebgħa ta’ Ġesù Kristu, Omm il-Qaddisin.

Lill-kulħadd imbagħad nirrikmandaw obbidjenza mill-qalb u sħiħa lir-Ragħajja li għandhom id-dritt u d-dmir ukoll li jmexxu l-ħajja, qabel kollox dik tar-ruħ, tal-knisja: “obdu s-superjuri tagħkom u oqogħdu għalihom.  Huma jishru fuq l-erwieħ tagħkom bil-ħsieb li jridu jagħtu konthom, biex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux jibku”.[186]

T’Alla li nqimu, u li “mhux Alla ta’ tlewwim iżda ta’ sliema”[187] jagħtina lkoll li nissieħbu f’dan it-turufnament fuq l-art, bi ħsieb wieħed u b’qalb waħda, fil-Liturġija Mqaddsa, u dan ikun bħala tħejjija u rahan ta’ dik il-Liturġija tas-sema, li biha, kif nittamaw, flimkien mal-kbira Omm t’Alla u Omm tagħna l-iktar ħelwa, nkantaw:  “Lil Dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf:  barka, u ġieħ u sebħ u setgħa għal dejjem ta’ dejjem”.[188]

B’din it-tama hekk ferrieħ, lilkom ilkoll flimkien u ’l kull wieħed, Ħuti miqjuma, lil merħiet fdati għall-ħarsien tagħkom, bħala rahan ta’ għotjiet mis-sema, u sinjal tal-imħabba speċjali tagħna, nagħtu bl-ikbar imħabba l-Barka Appostolika.

Mogħti f’Castel Gandolfo, ħdejn Ruma fl-20 ta’ Novembru tas-sena 1947, id-disa’ waħda tal-Pontifikat tagħna.

 

PIUS P.P. XII


 

[1] I Tim. 2,5.  

[2] Cf. Hebr. 4,14.

[3] Cf. Hebr. 9, 14.

[4] Cf. Mal. I, 11.

[5] Cf. Konċilju ta’ Trento, Sess. 22, c.1.

[6] Cf. Ibid., c.2.

[7] Ittra Enċiklika “Caritate Christi”, 3 ta’ Mejju 1932.

[8] Cf. Ittra Appostolika Motu ProprioIn cotidianis precibus” tal-24 ta’ Marzu 1945.

[9] I Kor. 10, 17.

[10] S. Tumas, Summa Theol.,  IIa, Ila3, 81, art.1.

[11] Ara Ktieb tal-Levitiku.

[12] Ittra lil-Lhud, 10,1.

[13] S. Ġwann 1,14.

[14] Lil-Lhud, 10, 5-7.

[15] Lil-Lhud, 10,10.

[16] S. Ġwann 1,9.

[17] Lil-Lhud, 10,39.

[18] L-ewwel Ittra ta’ San Ġwann 2,1.

[19] L-ewwel lill Tim. 3,15.

[20] Boniface IX, Ab origine mundi eċċ.

[21] Ef. 2,19-22.

[22] Matt. 18,20.

[23] Atti, 2,42.

[24] Kol. 3,16.

[25] S. Wistin, Epist. 130, ad Probam,18.

[26] Prefazju tal-Milied.

[27] Card. Bona, De divina psalmodia, cap.19.

[28] Is-Secreta tal-Ħamis wara t-II Ħadd tar-Randan.

[29] Ara S. Mark 7, 6, u Is. 29,13.

[30] I lill-Korintin, 11,28.

[31] Quddiesa ta’ Ras ir-Randan.

[32] De prædestinatione sanctorum, 31.

[33] S. Tumas, Summa Theol., IIa, IIa3, 82, art 1.

[34] Ara I lil Korintin, 3,23.

[35] Lil-Lhud, 10, 19-24.

[36] Ara II lil-Korintin, 6,1.

[37] Ara Kodiċi tal-Knisja kan. 125, 126, 565, 571, 595, 1367.

[38] Kol. 3,11.

[39] Gal. 4,19.

[40] Ġwanni,  20,21.

[41] Luqa, 10,16.

[42] Mark, 16, 15-16.

[43] Pontif. Rom., De ordinatione presbyteri, in manuum unctione.

[44] Enchiridion cap. 3.

[45] De gratia DeiIndiculus”.

[46] S. Augustin, Epist. 130, ad Probam, 18.

[47] Cfr. Const. Divini cultus d/d 20 Diċ., 1928.

[48] Const. Immensa d/d  22 Jan. 1588.

[49] Kodiċi tal-Knisja, kan. 253.

[50] Kodiċi tal-Knisja, kan. 1257.

[51] Kodiċi tal-Knisja, kan. 1261.

 

[52] Cfr. Mt. 28, 20.

[53] Cfr. Pius VI Const. Auctorem fidei  d/d 28 Awwissu, 1794, nn. 31-34, 39, 62, 66, 69-74.

[54] Cfr. Ġwanni 21, 15-17.

[55] Atti  20,28.

[56] Salm 109,4.

[57] San Ġwann 13, 1.

[58] Konċilju ta’ Trento Sess. 22,1.

[59] Ibid. c2.

[60] S. Tumas: Summa Theo, 3, 22, 4.

[61] Ġwanni Chrysostom, In Joann. Hom. 86, 4.

[62] Lir-Rumani, 6, 9.

[63] Prefazju tal-Quddiesa.

[64] Kanoni tal-Quddiesa.

[65] S. Mark 14, 23.

[66] Prefazju tal-Quddiesa.

[67] L-ewwel Ittra ta’ San Ġwann, 2, 2.

[68] Kanoni tal-Quddiesa.

[69] S. Wistin; De Trinit., 13, 19.

[70] Lil-Lhud 5, 7.

[71] Sess. 22,1.

[72] Lil-Lhud 10,14.

[73] S. Wistin, Enarr in Ps., 147, 16.

[74] Lil Galatin 2, 19-20.

[75] Ittra Enċiklika, Mystici Corporis.

[76] Mill-Missal: Secreta tad-Disgħa Ħadd wara l-Pentekoste.

[77] Cfr. Sess. 22, 2, kan. 4.

[78] Galatin 6, 4.

[79] Malakija 1,2.

[80] Lill-Filippini, 2,5.

[81] Lil Galatin, 2, 19.

[82] Konċilju Trento, Sess. 23, 4.

[83] S. Rob. Bellarmino; De Missa 2, 4.

[84] De Sacro Altaris Mysterio, 3, 6.

[85] De Missa, 1, 27.

[86] Missal Rom. Ordo Missæ.

[87] Missal Rom. Canon Missæ.

[88] Missal Rom. Canon Missæ.

[89] L-ewwel ittra ta’ S. Pietru 2, 5.

[90] Lir-Rumani, 12, 1.

[91] Kanoni tal-Quddiesa.

[92] Pontificale Romanum.

[93] Prefazju tal-Konsagrazzjoni tal-Artali.

[94] Konċilju Trento Sess. 22,5.

[95] Lil Galatin, 2, 19-20.

[96] Priedka 272.

[97] L-ewwel ittra lil Korintin, 12,27.

[98] Lin-nies ta’ Efesu, 5,30.

[99] S. Rob. Bellarmino, De Missa 2,8.

[100] De Civitate Dei, 10,6.

[101] Kanoni tal-Quddiesa.

[102] L-ewwel lil Tim. 2,5.

[103] Ittra Enċiklika, Certiores effecti, Nov 1742.

[104] Konċilju Trento Sess.22, can. 8.

[105] L-ewwel lil Korintin, 11, 24.

[106] Missal Roman Coll. Festa Corpus Christi.

[107] Sess. 22, 6.

[108] Ittra Enċiklika, Certiores effecti, par. 3.

[109] S. Luqa  14, 23.

[110] L-ewwel lil Korintin, 10,17.

[111] S. Injazju Martri lil Efesin, 20.

[112] Kanoni tal-Quddiesa.

[113] Lil Efesin, 5,2.

[114] Postcommunio tal-Ħadd fuq Lapsi.

[115] Postcommunio tal-Ewwel Ħadd fuq il-Pentekoste.

[116] Kodiċi tal-Liġi tal-Knisja, kan. 810.

[117] Lib., 4, c. 12.

[118] Dan. 3, 57.

[119] S. Ġwann 16, 23.

[120] Secreta tat-Trinità.

[121] S. Ġwann 15, 4.

[122] Konċilju Trento, Sess. 13, 1.

[123] II Konċilju Costantinopli u Konċilju ta’ Efeso u Konċilju Trento, Sess. 13, 6. Piju V, Const. Auctorem fidei.

[124] Enarr. In Ps. 98,9.

[125] Apok., 5, 12.

[126] Konċilju Trento, Sess. 13, 5 u Kan. 6.

[127] In I ad Kor., 24, 4.

[128] L-Ewwel ta’ S. Pietru, 1.19.

[129] S. Mattew  11, 28.

[130] Oremus tad-Dedikazzjoni tal-Knejjes.

[131] Lauda Sion fil-Festa ta’ Corpus.

[132] S. Luqa 18, 1.

[133] Lil-Lhud 13, 15.

[134] Atti  2, 1-15.

[135] Atti  10, 9.

[136] Atti  3, 1.

[137] Atti 16, 25.

[138] Lir-Rumani, 8, 26.

[139] S. Wistin, Enarr. In Ps. 85, n. 1.

[140] S. Benedittu, Regola k. 19.

[141] Lil-Lhud, 7, 25.

[142] Explicatio in Psalterium.

[143] S. Amborġ, Enarr in Ps. 1, n.9.

[144] Eżodu 31, 15.

[145] Konfess. 9, 6.

[146] S. Wistin, De Civitate Dei  8, 17.

[147] Lil Kolossin, 3, 1-2.

[148] S. Wistin, Enarr. in Ps 123, 2.

[149] Lil-Lhud, 13, 8.

[150] S. Tumas, Summa Theologica 3a, 49, 62 ad. 5.

[151] Atti  10, 38.

[152] Lil Efesin, 4, 13.

[153] Oremius tal-Quddiesa ta’ ħafna martri barra żmien il-Għid.

[154] S. Beda, Omelia tal-festa tal-Qaddisin kollha.

[155] Oremus fil-festa ta’ S Ġwann Damaxxenu.

[156] S. Bernard, it-tieni prietka fil-festa tal-Qaddisin kollha.

[157] S. Luqa 1, 28.

[158] “Salve Reġina”.

[159] S. Bernard, In Nativ. B.M.V., 7.

[160] Lil-Lhud, 10, 22.

[161] Lil-Lhud, 10, 21.

[162] Lil-Lhud, 6, 19.

[163] Liġi tal-Knisja, Kan 125.

[164] S. Ġwann 14, 2.

[165] S. Ġwann 3, 8.

[166] S. Ġakbu 1, 17.

[167] Lil Efesin, 1, 4.

[168] Motu proprju. Tra le sollecitudini (1903).

[169] Salm 68, 9; S. Ġwann 2, 17.

[170] Digriet ta’ Sant’ Uffizzju 26 ta’ Mejju,1937.

[171] Piju X, Motu proprju: Tra le sollecitudni.

[172] Piju X, Moto proprju: Tra le sollecitudni.  Piju XI, Divini cultus 2,5.

[173] Piju XI, Divini cultus, 9.

[174] S. Wistin, Serm. 336, 1.

[175] Prefazzju tal-Quddiesa.

[176] S. Ambroġ, Hexameron, 3-5, 23.

[177] Atti  4, 32.

[178] Liġi tal-Knisja, Kan. 1178.

[179] Piju XI, Divini cultus.

[180] S. Wistin, Tract. 26 f’Ġwanni, 13.

[181] S. Matt. 13, 24-25.

[182] Ittra Enċiklika, Mystici Corporis.

[183] Ġoel 2, 15-16.

[184] I Thess. 5, 19.

[185] I Thess. 5, 21.

[186] Lil-Lhud 13, 17.

[187] L-ewwel lil Korintin, 14, 33.

[188] Apok. 5, 13.