
klikkja fuq ir-ritratt ...
|
PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU
TAL-Q.T. PAWLU VI
FL-ASJA ORJENTALI, OCEANIA U
AWSTRALJA
QUDDIESA FIL - «QUEZON CIRCLE»
OMELIJA TAL-PAPA PAWLU VI
Filippini, Manila
Il-Ħadd 29 ta’ Novembre 1970
Jien, Pawlu, suċċessur ta' San
Pietru, inkarigat mill-missjoni
pastorali għall-Knisja kollha,
qatt ma kont se niġi minn Ruma
lejn dan il-pajjiż estremament
imbiegħed, li kieku ma kontx
konvint b'mod sod minn żewġ
affarijiet fundamentali: l-ewwel
Kristu; it-tieni, is-salvazzjoni
tagħkom.
Ta' Kristu! Iva, jiena nħoss
il-ħtieġa li għandi nħabbru, ma
nistax inżommu sieket: "Ħażin
għalija jekk ma nxandarx
l-Evanġelju!" (1 Korintin 9:16).
Għal dan jiena mibgħut minnu,
minn Kristu nnifsu. Jiena
appostlu, jiena xhud. Aktar ma
fejn immur ikun imbiegħed, aktar
ma tkun diffiċli l-missjoni
tiegħi, aktar ma tkun urġenti:
l-imħabba li ġġegħelna nagħmlu
dan (ara 2 Kor 5, 14). Għandi
nistqarr ismu: Ġesù hu
il-Kristu, Bin Alla l-ħaj (Matt
16, 16); Huwa jirrivela lil Alla
inviżibbli, huwa l-ewwel wild
ta' kull kreatura, huwa
l-pedament ta' kollox; Huwa
l-Imgħallem tal-umanità, huwa
il-Feddej; Huwa twieled, miet,
qam mill-mewt għalina; Huwa
ċ-ċentru tal-istorja u
tad-dinja; Huwa dak li jafna u
jħobbna; Huwa s-sieħeb u l-ħabib
tal-ħajja tagħna; Huwa
l-bniedem tan-niket u tat-tama;
hu Huwa Dak li għandu jiġi u li
jum wieħed se jkun l-imħallef
tagħna u, nittamaw, il-milja
eterna tal-eżistenza tagħna,
il-ferħ tagħna. Jiena nispiċċa
biex ma nieqaf qatt nitkellem
dwaru: Huwa l-dawl, il-verità,
anzi: Huwa "it-triq, il-verità u
l-ħajja" (jew 14, 6.); Huwa
l-Ħobż, l-għajn tal-ilma ħaj
għall-ġuħ tagħna u għall-għatx
tagħna; Huwa r-Ragħaj, il-gwida
tagħna, l-eżempju tagħna,
il-konfort tagħna, ħuna. Bħalna,
u iżjed minna, Hu kien żgħir,
fqir, umiljat, ħaddiem,
disgrazzjat u paċenzjuż.
Għalina, huwa tkellem, wettaq
mirakli, waqqaf saltna ġdida,
fejn il-foqra huma mberkin, fejn
il-paċi huwa l-bidu ta’ kif
ngħixu flimkien, fejn is-safja
fil-qalb u dawk li jibku huma
mgħollija u msabbra, fejn dawk
li jixxenqu għall-ġustizzja
jieħdu dak li ħaqqhom, fejn
il-midinbin jistgħu jiġu maħfua,
fejn ilkoll huma aħwa.
Ġesù Kristu: smajtu bih; anzi
intom, ċertament il-maġġoranza
fostkom, intom diġà tiegħu,
intom Insara. Sewwa, lilkom
Insara nirrepeti l-isem tiegħu,
inħabbru lil kulħadd: Ġesù
Kristu huwa l-bidu u t-tmiem;
l-alpha u l-omega; Huwa s-Sultan
tad-dinja l-ġdida; Huwa
s-sigriet tal-istorja; Huwa
l-muftieħ tad-destin tagħna;
Huwa l-medjatur, il-pont, bejn
id-dinja u s-sema; Huwa
bl-istess tifsira Bin l-bniedem,
għaliex Hu l-Iben t'Alla, etern,
infinit; huwa l-Iben ta' Marija,
mbierka fost in-nisa kollha,
ommu fil-ġisem, u ommna
fil-parteċipazzjoni fl-Ispirtu
tal-Ġisem mistiku.
Ġesù Kristu! Ftakru: din hija
t-tħabbira perenni tagħna, hija
l-vuċi li nxandru madwar
id-dinja (ara Rumani 10,18), u
għal dejjem ta’ dejjem (Rumani
9, 5). Ftakru u mmeditaw:
il-Papa ġie hawn fostkom, u
għajjat: Ġesù Kristu!
Ġesù Kristu! Ftakru: din hija
t-tħabbira perenni tagħna, hija
l-vuċi li nxandru madwar
id-dinja (ara Rumani 10,18), u
għal dejjem ta’ dejjem (Rumani
9, 5). Ftakru u mmeditaw:
il-Papa ġie hawn fostkom, u
għajjat: Ġesù Kristu!
U jien u nagħmel hekk nfisser
ukoll it-tieni idea dinamika li
twassalni għandkom; u jiġifieri
li Ġesù Kristu mhux biss jiġi
ċċelebrat għal dak li Hu minnu
innifsu, iżda Huwa għandu jiġi
mgħolli u maħbub għal dak li
Huwa għalina, għal kull wieħed
minna, għal kull Poplu u għal
kull ċiviltà: Kristu huwa
l-Feddej tagħna. Kristu huwa
l-benefattur suprem tagħna.
Kristu huwa l-ħellies tagħna.
Kristu hu neċessarju għalina
sabiex inkunu bnedmin denji u
vera fl-ordni temporali, u
bnedmin meħlusa u mgħollija
għall-ordni supernaturali.
Hawn iqumu ħafna mistoqsijiet,
li qed joħonqu żminijietna, u li
nimmaġina huma wkoll preżenti
fl-ispirtu tagħkom.
Il-mistoqsijiet huma: jista'
Kristu jkun verament utli biex
isolvi wkoll il-problemi
prattiċi u konkreti tal-ħajja
preżenti? Hu ma qalx li s-Saltna
tiegħu mhix ta’ din id-dinja?
X'jista' jagħmel għalina?
Jiġifieri jista’ l-Kristjaneżmu
jiġġenera umaniżmu veru? Jista’
l-kunċett Nisrani tal-ħajja
jispira l-veru tiġdid soċjali?
Jista' jikkonforma mad-domandi
tal-ħajja moderna u jrawwem
il-progress u l-benesseri għal
kulħadd? Jista’ l-Kristjaneżmu
jinterpreta l-aspirazzjonijiet
tal-popli u jassumi t-tendenzi
partikolari taċ-ċivilizzazzjoni
tagħħkom?
Ħafna huma l-mistoqsijiet, li ma
nistgħux nirrisponduhom
b'formula waħda, li ma tqisx
il-kumplessità tal-problemi
tal-bżonnijiet diversi umani,
spiritwali, morali, ekonomiċi,
politiċi, etniċi, storiċi u
soċjali. Imma, għal dak li issa
qed jagħas biex inkunu nafu
fid-dawl tal-evoluzzjoni
pożittiva u feliċi
tal-kundizzjonijiet soċjali
tagħkom, wieħed jista' jwieġeb
b'mod affermattiv:
il-Kristjaneżmu jista' jkun
wkoll salvazzjoni f'dan
il-livell tal-bniedem fid-dinja.
Kristu kattar il-ħobż biex
itaffi wkoll il-ġuħ fil-ġisem
tal-folol li marru wrajh. U
Kristu jkompli jwettaq dan
il-miraklu għal dawk li tassew
jemmnu fih, u minnU joħorġu
l-prinċipji ta' ordni soċjali
dinamiku, jiġifieri fil-proċess
ta' tiġdid dejjem għaddej u
progress
Kristu, per eżempju – dan tafuh
– jipproklama mingħajr qatt ma
jieqaf l-akbar u l-ogħla preċett
tiegħu tal-karità. M'hemm l-ebda
taqlib soċjali aktar b'saħħtu u
itjeb minn dan, kemm meta huwa
pożittiv, biex iqanqal enerġiji
morali li m’hawnx bħalhom u li
ħadd ma jista’ jitfihom, kemmm
meta huwa negattiv, biex
jiddenunzja kull egoiżmu, kull
tnikkir, kull nuqqas ta’ ħsieb
b’dannu għall-bżonnijiet
tal-oħrajn ". Kristu jipproklama
l-ugwaljanza u l-fratellanza
tal-bnedmin kollha: min qatt,
jekk mhux Hu, għallem u għadu
jista’ jgħallem b’mod effikaċi
dawn il-prinċipji, li minnhom
ir-rivoluzzjoni, filwaqt li qed
tinqeda bihom, tiċħadhom; jekk
mhux HU, ngħidu aħna, li żvela
il-Paternità divina, ir-raġuni
vera u ma jmeriha ħadd
tal-fratellanza umana? U
l-libertà awtentika u qaddisa
tal-bniedem minn fejn ġejja jekk
mhux mid-dinjità umana, li
tagħha Kristu sar għalliem u
taha raġuni? U min, jekk mhux
Hu, għamel disponibbli il-ġid
temporali, meta neħħielhom
r-raġuni saiex ikunu skop u
ddikjarhom mezzi, mezzi li
għandhom, ftit jew wisq, ikunu
biżżejjed għal kulħadd, u mezzi
inferjuri għall-ġid tal-ispirtu?
Min jekk mhux Kristu nissel
fil-qalb ta’ dawk li huma tiegħu
il-ġenju tal-imħabba u ta’ qadi
għal kull tbatija u għal kull
ħtieġa tal-bniedem? Min ta
lix-xogħol il-liġi tiegħu
tad-dritt u tad-dmir u
tal-providenza, id-dinjità
tiegħu li twasslu
għall-kooperazzjoni u t-twettiq
tal-pjan divin, il-ħelsien
tiegħu minn kull forma inumana
ta servitù, il-premju tiegħu ta’
ġustizzja u dak li jimmeritah ?
Ngħid lilkom, Studenti, li
tistgħu tifhmu sew dawn l-ideat
fundamentali u dawn il-valuri
superjuri; lilkom, li meta qed
tikkontestaw l-istrutturi
tas-soċjetà li għandha l-ġid u
s-soċjetà ddominata bit-teknika
u l-ansjetà tal-produzzjoni u
t-tgawdija, intom tħossu
l-insuffiċjenza u l-qerq
tal-materjaliżmu ekonomiku u
soċjali tal-progress preżenti
tagħna. Intom tistgħu mill-ġdid
tistqarru b’saħħa s-superjorità,
il-frott u l-attwalità tal-vera
soċjoloġija Nisranija, imsejsa
fuq l-għarfien veru tal-bniedem
u d-destin tiegħu.
Ngħid lilkom, ħaddiema, li llum
sirtu konxji tad-drittijiet
tagħkom u tas-saħħa tagħkom:
oqogħdu attenti li ma tagħżlux,
għar-riabilitazzjoni integrali
tagħkom, formuli mhux kompleti
jew mhux eżatti li, fil-waqt li
joffru kisbiet parzjali ta'
ordni ekonomiku u edonistiku,
ġejjin mill-ġlieda egoista u
qarsa, imbagħad iżidu
d-diżappunt għax tkunu mċaħħda
mill-ġid superjuri tal-ispirtu,
tal-personalità reliġjużi
tagħkom, tat-tama tagħkom
fil-ħajja li ma tmutx. Agħtu
lill-aspirazzjonijiet tagħkom
il-qawwa u l-għerf li
l-Evanġelju tal-Ħaddiem divin
biss jista' jagħtikom. Ngħid
lilkom, Fqar, li għandkom Ħabib
suprem, dak Kristu li sejħilkom
henjin, bħala mistħoqqa
pprivileġġjati tas-saltna
tiegħu, u li ppersonifika fikom
lilu nnifsu biex jiġbed lejkom
kull persuna tajba, kull qalb
kbira, kull bniedem li jrid
isalva lilu nnifsu hu u jfittex
fikom lil Kristu l-Feddej. Iva,
fittxu li teħilsu lilkom
infuskom, għandkom id-dritt u
d-dmir; araw li jkollkom
l-għajnuna minn soċjetà li trid
tissejjaħ lilha nnifisha ċivili;
imma tisħtux xortikom, u lanqas
lill-bnedmin insensittivi,
agħrfu lilkom infuskom bħala
għonja fil-valuri tal-paċenzja
Nisranija u l-uġigħ feddej.
U fl-aħħarnet ngħid lilkom,
sinjuri: ftakru kemm Kristu kien
iebes magħkom, meta rakom
sodisfatti, mingħajr ħeġġa,
egoisti, u kemm imbagħad Hu kien
sensittiv u grat, meta ltaqa'
magħkom u sabkom tipprovdu u
ġenerużi, u qal li lanqas tazza
ilma frisk, mogħtija b'ruħ
Nisranija, m’hi ser tibqa'
mingħajr premju. Forsi waslet
is-siegħa tagħkom, biex tiftħu
l-għajnejn u l-qlub tagħkom għal
viżjonijiet ġodda u kbar, li
l-għan tagħhom mhuwiex
it-taqbida għall-akkwist,
il-mibegħda u l-vjolenza, imma
f'isem l-imħabba li tqanqal u
ġeneruża, u ta' progress veru.
Dan kollu huwa parti
mill-messaġġ tal-fidi Kattolika,
għeżież Uliedi u Ħuti, li jiena
obbligat u kuntent li nħabbar
hawnhekk, f'isem Ġesù Kristu,
il-Mulej tagħna u l-Feddej
tagħna.
Miġjub mit-Taljan g]all-Malti
minn Louis Spiteri
|