KONGREGAZZJONI
GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI
Ittra
Placuit Deo
lill-Isqfijiet
tal-Knisja Kattolika
fuq xi aspetti
tas-salvazzjoni
fit-tagħlim Nisrani
KONGREGAZZJONI
GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI
Ittra
Placuit Deo
lill-Isqfijiet
tal-Knisja Kattolika
fuq xi aspetti
tas-salvazzjoni
fit-tagħlim Nisrani
I.
Introduzzjoni
1.
“Fit-tjieba u l-għerf
tiegħu Alla għoġbu
jirrivela lilu nnifsu u
jgħarraf il-misteru
tar-rieda tiegħu (ara
Efes 1:9) li bih
il-bnedmin, permezz ta’
Kristu, il-Verb magħmul
bniedem, fl-Ispirtu
s-Santu jistgħu jersqu
lejn il-Missier u
jkollhom sehem
min-natura ta’ Alla (ara
Efes 2:18; 2 Pt 1:4).
[…] Il-verità profonda
[…] fuq Alla u s-salvazzjoni
tal-bnedmin, b’din
ir-rivelazzjoni tidher
lilna ċara fi Kristu li
huwa fl-istess waqt
il-medjatur u l-milja
tar-rivelazzjoni kollha
kemm hi”.[1]
It-tagħlim fuq
is-salvazzjoni fi Kristu
hemm bżonn li dejjem
ninżlu mill-ġdid
fil-fond tiegħu. Waqt li
żżomm ħarsitha msammra
fuq il-Mulej Ġesù,
il-Knisja ddur bi mħabba
ta’ omm fuq il-bnedmin
kollha, biex tħabbrilhom
il-pjan sħiħ tal-Patt
tal-Missier li, permezz
tal-Ispirtu s-Santu,
irid “jiġbor kollox taħt
Ras waħda, li hu Kristu”
(Efes 1:10). Din l-Ittra
trid turi biċ-ċar,
fid-dawl tat-tradizzjoni
kbira tal-fidi u
b’riferiment partikulari
għat-tagħlim tal-Papa
Franġisku, xi aspetti
tat-tagħlim Nisrani fuq
is-salvazzjoni li llum
jistgħu jkunu tqal biex
jinftehmu minħabba
fil-bidliet kulturali li
seħħu dan l-aħħar.
II.
L-influwenza tal-bidliet
kulturali ta’ żmienna
fuq it-tifsira Nisranija
tas-salvazzjoni
2.
Id-dinja tal-lum issibha
bi tqila tifhem
l-istqarrija tal-fidi
Nisranija, li xxandar
lil Ġesù l-feddej
waħdieni tal-bniedem
sħiħ u tal-bnedmin
kollha (ara Atti 4:12;
Rum 3:23-24; 1 Tim
2:4-5; Tit 2:11-15).[2]
Minn naħa,
l-individwaliżmu li
jiffoka fuq is-suġġett
awtonomu jipprova jħares
lejn il-bniedem bħala
essri li
r-realizzazzjoni tiegħu
tiddipendi għalkollox
mill-qawwa tiegħu.[3]
F’din il-viżjoni,
il-figura ta’ Kristu
iżjed tikkorrispondi
għal mudell li jnebbaħ
għemejjel ġenerużi,
bil-kliem u bil-ġesti
tiegħu, milli għal Dak
li jibdel il-qagħda
umana, u jdaħħalna
f’ħajja ġdida
rrikonċiljata
mal-Missier u bejnietna
permezz tal-Ispirtu (ara
2 Kor 5:19; Efes 2:18).
Min-naħa l-oħra, qed
tinfirex dejjem iżjed
l-idea ta’ salvazzjoni
interjuri biss, li forsi
tqanqal fina konvinzjoni
personali qawwija, jew
sentiment b’saħħtu, li
aħna mxierka ma’ Alla,
imma mingħajr ma
tassumi, tfejjaq u
ġġedded
ir-relazzjonijiet tagħna
mal-oħrajn u mad-dinja
maħluqa. B’din
il-perspettiva jsir
diffiċli nifhmu u
nilqgħu s-sens
tal-Inkarnazzjoni
tal-Verb, li għalhekk
sar membru tal-familja
tal-bnedmin, ħa l-ġisem
tagħna u daħal
fl-istorja tagħna,
għalina l-bnedmin u
għall-fidwa tagħna.
3.
Il-Qdusija Tiegħu
Franġisku, fil-maġisteru
ordinarju tiegħu, spiss
irrifera għal żewġ
tendenzi li
jirrappreżentaw iż-żewġ
devjazzjonijiet li
għadna kemm semmejna u
li f’xi aspetti tagħhom
jixbhu żewġ ereżiji
antiki, il-Pelaġjaniżmu
u l-Injostiċiżmu.[4]
Fi żminijietna qed
jinfirex Neopelaġjaniżmu
fejn l-individwu,
awtonomu għalkollox,
jippretendi li jista’
jsalva lilu nnifsu, bla
ma jagħraf li hu
jiddipendi, fil-qiegħ
nett ta’ dak li hu, minn
Alla u mill-oħrajn. Hawn
is-salvazzjoni titħalla
f’idejn il-qawwa
tal-persuna waħidha, jew
inkella tal-istrutturi
purament umani, li
m’għandhomx ħila jilqgħu
l-element ġdid
tal-Ispirtu ta’ Alla.[5]
Min-naħa l-oħra, ċertu
Neonjostiċiżmu qed
jippreżenta salvazzjoni
sempliċiment interjuri,
magħluqa
fis-suġġetiviżmu.[6]
Din tikkonsisti f’li
wieħed “jogħla
bl-intellett lil hinn
mill-ġisem ta’ Ġesù lejn
il-misteri tad-divinità
mhux magħrufa”.[7]
Hekk wieħed jippretendi
li jista’ jeħles
il-persuna mill-ġisem u
mill-kożmu materjali,
fejn ma jibqax isib
iżjed ħjiel tal-id
providenti tal-Ħallieq,
imma jara biss realtà
sajma minn kull sens,
barranija għall-identità
aħħarija tal-persuna, u
li tista’ tiġi
mmanipulata skont
l-interessi tal-bniedem.[8]
Mill-bqija, nagħmluha
ċara li dan it-tqabbil
mal-ereżiji Pelaġjana u
Njostika jrid biss
jevoka aspetti ġenerali
komuni, mingħajr ma
jidħol f’ġudizzji fuq
in-natura eżatta ta’
dawk l-iżbalji
tal-qedem. Fil-fatt,
kbira hi d-differenza
bejn il-kuntest storiku
tal-lum hekk
sekularizzat u dak
tal-ewwel sekli Nsara,
meta twieldu dawn
l-ereżiji.[9]
Madankollu, ladarba
l-Injostiċiżmu u
l-Pelaġjaniżmu
jirrappreżentaw perikli
dejjiema li minħabba
fihom wieħed jista’
jifhem ħażin il-fidi
biblika, hu possibbli
nsibu ċerta familjarità
mal-movimenti ta’
żmienna li għadna kemm
fissirna.
4. Kemm l-individwaliżmu
Neopelaġjan u kemm
id-disprezz Neonjostiku
tal-ġisem jgħawġu
l-istqarrija tal-fidi fi
Kristu, Feddej waħdieni
u universali. Kif jista’
Kristu jkun medjatur
tal-Patt għall-familja
kollha tal-bnedmin, jekk
il-bniedem hu individwu
iżolat, li jirrealizza
lilu nnifsu bil-qawwa
tiegħu waħdu, kif irid
jipproponi
n-Neopelaġjaniżmu? U kif
tista’ taslilna
s-salvazzjoni permezz
tal-Inkarnazzjoni ta’
Ġesù, ta’ ħajtu, il-mewt
u l-qawmien tiegħu
bil-ġisem veru tiegħu,
jekk dak li jiswa hu
biss kif se neħilsu
l-interjorità
tal-bniedem
mil-limitazzjonijiet
tal-ġisem u tal-materja,
skont il-viżjoni
Neonjostika? Quddiem
dawn it-tendenzi, din
l-Ittra trid tisħaq
mill-ġdid li
s-salvazzjoni hi x-xirka
tagħna ma’ Kristu, li,
bl-Inkarnazzjoni,
il-ħajja, il-mewt u
l-qawmien tiegħu, ġab
ordni ġdid ta’
relazzjonijiet
mal-Missier u bejn
il-bnedmin, u daħħalna
f’dan l-ordni bis-saħħa
tal-Ispirtu tiegħu, biex
nistgħu nixxierku
mal-Missier bħala wlied
fl-Iben, u nsiru ġisem
wieħed fil-“kbir
fost ħafna aħwa” (Rum
8:29).
III.
Ix-xewqa tal-bniedem li
jsalva
5.
Il-bniedem iħoss,
direttament jew
indirettament, li huwa
enigma: Min jiena jien
li neżisti, imma
m’għandix fija l-bidu
tal-eżistenza tiegħi?
Kull persuna, bil-mod
tagħha, tfittex il-hena,
u tipprova tasal għalih
billi tirrikorri
għar-riżorsi li għandha
għad-dispożizzjoni
tagħha. Madankollu, din
ix-xewqa universali mhux
bilfors hi espressa jew
iddikjarata; anzi, hi
iżjed sigrieta u moħbija
minn kemm tidher, u hi
lesta li tinkixef
quddiem emerġenzi
partikulari. Spiss din
taħbat mat-tama
fis-saħħa fiżika, xi
drabi tieħu x-xejra ta’
ansjetà għal ġid
ekonomiku ikbar, ħafna
drabi tesprimi ruħha
fil-bżonn għall-paċi
interjuri jew għal ħajja
serena f’armonija
mal-proxxmu. Min-naħa
l-oħra, waqt li x-xewqa
għas-salvazzjoni
tippreżenta ruħha bħala
impenn għal ġid ogħla,
hi żżomm ukoll
il-karattru ta’
reżistenza u ta’ min
irid jegħleb it-tbatija.
Mat-taqbida għall-kisba
ta’ dak li hu tajjeb
tingħaqad ukoll
it-taqbida għall-ħarsien
mid-deni: mill-injoranza
u mill-iżball,
mill-fraġilità u
mid-dgħufija, mill-mard
u mill-mewt.
6.
Dwar dawn ix-xewqat
il-fidi fi Kristu
tgħallimna, hija u
tiċħad kull pretensjoni
ta’ awtorealizzazzjoni,
li dawn jistgħu
jitwettqu biss b’mod
sħiħ jekk Alla nnifsu
jagħmilhom possibbli,
billi jiġbidna lejh.
Is-salvazzjoni sħiħa
tal-persuna ma
tikkonsistix fil-ħwejjeġ
li l-bniedem jista’
jikseb bis-saħħa tiegħu
waħdu, bħall-pussess jew
il-ġid materjali,
ix-xjenza jew
it-teknoloġija, il-poter
jew l-influwenza fuq
l-oħrajn, il-fama tajba
jew il-pjaċir tiegħu
nnifsu.[10]
Xejn mill-ħolqien ma
jista’ jissodisfa
għalkollox lill-bniedem,
għax Alla ddestinana
għall-komunjoni miegħu u
l-qalb tagħna ma ssibx
serħan sakemm ma
tistrieħx fih.[11]
“Is-sejħa aħħarija
tal-bniedem fil-fatt
hija waħda biss,
jiġifieri dik ta’ Alla”.[12]
Ir-rivelazzjoni, b’dan
il-mod, ma tillimitax
ruħha li xxandar
is-salvazzjoni bħala
tweġiba għax-xewqat ta’
żmienna. “Li kieku
l-fidwa,
għall-kuntrarju, kellha
tiġi ġġudikata jew
imkejla skont
il-ħtiġijiet
eżistenzjali
tal-bnedmin, kif inkunu
nistgħu naħarbu
s-suspett li
sempliċiment ħloqna Alla
Feddej magħmul fuq
ix-xbieha tal-bżonn
tagħna?”.[13]
7. Fuq kollox, irridu
nisħqu li, skont il-fidi
biblika, l-oriġni
tal-ħażen ma nsibuhx
fid-dinja materjali jew
korporja, li nħossuha
bħala limitazzjoni jew
bħala ħabs li minnu
rridu niġu meħlusa.
Bil-maqlub, il-fidi
xxandar li l-kożmu kollu
hu tajjeb, ladarba hu
maħluq minn Alla (ara
Ġen 1:31; Għerf 1:13-14;
1 Tim 4:4), u li l-ħażen
li jagħmel l-akbar ħsara
lill-bniedem hu dak li
joħroġ minn ġol-qalb
tiegħu (ara Mt 15:18-19;
Ġen 3:1-19). Bid-dnub,
il-bniedem iwarrab
l-għajn tal-imħabba, u
jintilef f’xejriet foloz
ta’ mħabba, li jagħlquh
dejjem iżjed fih
innifsu. Hi din il-firda
minn Alla – minn Dak li
hu l-għajn tal-komunjoni
u tal-ħajja – li twassal
għat-telfien
tal-armonija bejn
il-bnedmin u tal-bnedmin
mad-dinja, għax iddaħħal
il-ħakma tal-qerda u
tal-mewt (ara Rum 5:12).
B’konsegwenza ta’ dan,
is-salvazzjoni li l-fidi
xxandrilna ma tmissx
biss l-interjorità
tagħna, imma dak li aħna
b’mod sħiħ. Fil-fatt hi
l-persuna kollha, ġisem
u ruħ, li ġiet maħluqa
mill-imħabba ta’ Alla
fuq is-sura u x-xbieha
tiegħu, u hi msejħa
tgħix f’komunjoni
miegħu.
IV. Kristu, Salvatur u
Salvazzjoni
8.
Fl-ebda mument tal-mixja
tal-bniedem Alla ma
waqaf joffri
s-salvazzjoni tiegħu lil
ulied Adam (ara Ġen
3:15), u waqqaf patt
mal-bnedmin kollha f’Noè
(ara Ġen 9:9) u, iżjed
tard, ma’ Abraham u
nislu (ara Ġen 15:18).
Hekk is-salvazzjoni
divina tassumi l-ordni
tal-ħolqien imħaddan
mill-bnedmin kollha u
timxi fit-triq konkreta
tagħhom fl-istorja. Alla
għażel poplu, li lilu
offra l-mezzi biex
jitqabad kontra d-dnub u
biex joqrob lejh, u hekk
ħejjieh għall-miġja ta’
“qawwa ta’ salvazzjoni
f’dar David qaddej
tiegħu” (Lq 1:69).
Fil-milja taż-żminijiet,
il-Missier bagħat
fid-dinja lil Ibnu, li
xandar is-saltna ta’
Alla, u fejjaq minn kull
xorta ta’ mard (ara Mt
4:23). Il-fejqan li
għamel Ġesù, fejn dehret
il-providenza ta’ Alla,
kien sinjal li jiġbed
lejn il-persuna tiegħu,
lejn Dak li fil-ġrajja
tal-Qawmien tiegħu deher
b’mod sħiħ bħala Sid
il-ħajja u l-mewt. Skont
il-Vanġelu,
is-salvazzjoni
għall-popli kollha tibda
meta nilqgħu għandna lil
Ġesù: “F’din id-dar
illum daħlet
is-salvazzjoni” (Lq
19:9). L-aħbar it-tajba
tas-salvazzjoni għandha
isem u wiċċ: Ġesù Kristu
l-Iben ta’ Alla
l-Feddej. “Bħala bidu
għall-eżistenza
Nisranija m’hemmx xi
deċiżjoni etika jew xi
idea għolja, iżda hemm
il-laqgħa ma’ ġrajja,
ma’ Persuna, li tagħti
lill-ħajja orizzont ġdid
u direzzjoni deċiżiva”.[14]
9.
Il-fidi Nisranija,
fit-tradizzjoni tagħha
matul is-sekli, uriet,
permezz ta’ għadd ta’
figuri, din l-opra
feddejja tal-Iben
inkarnat. Dan għamlitu
mingħajr qatt firdet
l-aspett ta’ fejqan
fis-salvazzjoni, li bih
Kristu jifdina mid-dnub,
mill-aspett l-ieħor li
hi tgħolli ’l fuq, li
bih hi tagħmilna wlied
Alla, b’sehem fin-natura
divina tiegħu (ara 2
Piet 1:4). Huwa u jqis
il-perspettiva salvifika
f’sens dixxendenti
(tibda minn Alla li jiġi
biex jifdi
lill-bnedmin), Ġesù
jdawwalna u
jirrivelalna, jifdina u
jeħlisna, huwa dak li
jiddivinizza
lill-bniedem u
jiġġustifikah. Meta
jassumi l-perspettiva
axxendenti (tibda
mill-bnedmin li jduru
lejn Alla), huwa Dak li,
bħala l-Qassis il-Kbir
tal-Patt il-Ġdid, joffri
lill-Missier, f’isem
il-bnedmin, il-qima
perfetta: jissagrifika
ruħu, ipatti
għad-dnubiet u jibqa’
dejjem ħaj biex jidħol
għalina. B’dan il-mod
tidher, fil-ħajja ta’
Ġesù, sinerġija
tal-għaġeb bejn l-għemil
divin u l-għemil uman,
li jixkef kemm hi bla
bażi ta’ xejn
il-perspettiva
individwalista.
Fil-fatt, minn naħa,
is-sens dixxendenti
jagħti xhieda tal-primat
assolut tal-azzjoni
gratuwita ta’ Alla;
l-umiltà li biha nilqgħu
d-doni ta’ Alla, qabel
kull ħaġa li nistgħu
nagħmlu, hi essenzjali
biex nistgħu nwieġbu
għall-imħabba feddejja
tiegħu. Min-naħa l-oħra,
is-sens axxendenti
jfakkarna li, permezz
tal-għemil kollu kemm hu
uman ta’ Ibnu,
il-Missier ried inissel
mill-ġdid l-għemil
tagħna, biex, imwaħħda
fi Kristu, nistgħu
nwettqu “l-opri tajba li
Alla ħejjielna minn
qabel li għandna
nagħmlu” (Efes 2:10).
10.
Iktar minn hekk, huwa
ċar li s-salvazzjoni li
ġabilna Ġesù fl-istess
persuna tiegħu ma sseħħx
b’mod li hu biss
interjuri. Fil-fatt,
biex seta’ jwassal lil
kull persuna l-komunjoni
salvifika ma’ Alla,
l-Iben sar bniedem
tad-demm u l-laħam (ara
Ġw 1:14). Huwa proprju
billi jieħu ġisem bħal
tagħna (ara Rum 8:3;
Lhud 2:14; 1 Ġw 4:2), u
jitwieled minn mara (ara
Gal 4:4), li “l-Iben ta’
Alla sar bin il-bniedem”[15]
u ħuna (ara Lhud 2:14).
Hekk, ladarba hu daħal
jagħmel parti
mill-familja
tal-bnedmin, “ingħaqad
b’xi mod ma’ kull
bniedem”[16]
u ġab ordni ġdid
fir-relazzjonijiet ma’
Alla, Missieru, u
mal-bnedmin kollha, li
fih nistgħu nidħlu biex
ikollna sehem fl-istess
ħajja tiegħu.
B’konsegwenza ta’ dan,
meta jieħu l-ġisem
tagħna, dan mhux talli
ma jillimitax l-azzjoni
salvifika ta’ Kristu,
imma jippermettilu li
b’mod konkret isir
medjatur tas-salvazzjoni
ta’ Alla għall-ulied
kollha ta’ Adam.
11.
Biex nagħlqu, u nwieġbu,
kemm għar-riduzzjoniżmu
individwalista ta’
tendenza Pelaġjana, kemm
għal dak Neonjostiku li
jwiegħed ħelsien
purament interjuri,
irridu niftakru b’liema
mod Ġesù hu Salvatur. Hu
ma llimitax ruħu li
jurina biss it-triq
tal-laqgħa tagħna ma’
Alla, triq li mbagħad
ridna nimxu waħidna,
f’ubbidjenza
għall-kelmiet tiegħu u
f’xebh mal-eżempju
tiegħu. Pjuttost, biex
jiftħilna t-triq
tal-ħelsien, Kristu sar
hu nnifsu t-triq: “Jiena
t-triq” (Ġw 14:6).[17]
Iktar minn hekk, din
it-triq mhix mixja
interjuri biss, maqtugħa
mir-relazzjonijiet
tagħna mal-oħrajn u
mad-dinja maħluqa.
Bil-maqlub, Ġesù tana
“triq, ġdida u ħajja, li
hu fetħilna […], li hu
l-ġisem tiegħu stess”
(Lhud 10:20). Insomma,
Kristu hu Salvatur għax
ħa fuqu l-umanità sħiħa
tagħna u għex ħajja
umana sħiħa, f’komunjoni
mal-Missier u mal-aħwa.
Is-salvazzjoni tfisser
li aħna nidħlu f’din
il-ħajja, u nilqgħu
l-Ispirtu tiegħu (ara 1
Ġw 4:13). Hekk hu sar,
“f’ċertu sens,
il-prinċipju ta’ kull
grazzja skont
l-umanità”.[18]
Hu, fl-istess waqt,
is-Salvatur u
s-Salvazzjoni.
V.
Is-Salvazzjoni
fil-Knisja, ġisem ta’
Kristu
12.
Il-post fejn nirċievu
s-salvazzjoni li
jagħtina Ġesù hu
l-Knisja, komunità ta’
dawk li, għax daħlu
fl-ordni l-ġdid ta’
relazzjonijiet imniedi
minn Kristu, jistgħu
jirċievu l-milja
tal-Ispirtu ta’ Kristu
(ara Rum 8:9). Li nifhmu
din il-medjazzjoni
salvifika tal-Knisja
jiswielna ta’ għajnuna
essenzjali biex negħlbu
kull tendenza
riduzzjonista.
Is-salvazzjoni li
joffrilna Alla,
fil-fatt, ma niksbuhiex
bil-ħiliet individwali
tagħna waħidhom, kif
irid jgħid
in-Neopelaġjaniżmu, imma
permezz
tar-relazzjonijiet li
jitwieldu mill-Iben ta’
Alla inkarnat u li
jsawru l-komunjoni
tal-Knisja. Fuq kollox,
billi l-grazzja li
Kristu jagħtina mhijiex,
kif tippretendi
l-viżjoni Neonjostika,
salvazzjoni interjuri
biss, imma hi waħda li
ddaħħalna
fir-relazzjonijiet
konkreti li hu stess
għex, il-Knisja hi
komunità viżibbli: fiha
mmissu l-ġisem ta’
Kristu, b’mod speċjali
fl-aħwa l-iżjed foqra u
li qed ibatu. Insomma,
il-medjazzjoni salvifika
tal-Knisja, “sagrament
tas-salvazzjoni għal
kulħadd”,[19]
tiżgurana li
s-salvazzjoni ma
tikkonsistix
fl-awtorealizzazzjoni
tal-individwu iżolat, u
lanqas fit-taħlita
interjuri tiegħu
mad-divin, imma
fl-inkorporazzjoni
f’xirka ta’ persuni, li
tipparteċipa
fil-komunjoni
tat-Trinità.
13.
Kemm il-viżjoni
individwalistika u kemm
dik purament interjuri
tas-salvazzjoni
jikkontradixxu wkoll
l-ekonomija sagramentali
li permezz tagħha Alla
ried isalva
lill-bniedem.
Fil-Knisja, is-sehem
fl-ordni ġdid ta’
relazzjonijiet imnedija
minn Ġesù jseħħ permezz
tas-sagramenti, li
fosthom il-Magħmudija
hija l-bieb,[20]
u l-Ewkaristija l-għajn
u l-quċċata.[21]
Hekk naraw, minn naħa,
l-inkonsistenza
tal-pretensjonijiet ta’
awtosalvazzjoni, li
jafdaw biss fil-qawwa
tal-bniedem. Bil-maqlub,
il-fidi tistqarr li aħna
mifdija permezz
tal-Magħmudija, li
tissiġilla fina
l-karattru li ma
jitħassarx
tal-appartenenza għal
Kristu u għall-Knisja,
li minnha tiġi l-bidla
tal-mod konkret kif
ngħixu r-relazzjonijiet
tagħna ma’ Alla,
mal-bnedmin u
mal-ħolqien (ara Mt
28:19). Hekk, imsaffijin
mid-dnub oriġinali u
minn kull dnub, aħna
msejħin għal ħajja ġdida
li taqbel ma’ dik ta’
Kristu (ara Rum 6:4).
Bil-grazzja tas-seba’
sagramenti, min jemmen
kontinwament jikber u
jikseb ħajja ġdida, fuq
kollox meta l-mixja ssir
iżjed imqallba u ma
jonqsux il-waqgħat. Meta
dawk li jemmnu,
bid-dnub, iwarrbu
mħabbithom lejn Kristu,
jistgħu jerġgħu jidħlu,
permezz tas-sagrament
tal-Penitenza, fl-ordni
tar-relazzjonijiet
imniedi minn Ġesù, biex
jimxu kif mexa hu (ara 1
Ġw 2:6). B’dan il-mod
inħarsu bit-tama lejn
il-Ġudizzju finali, fejn
kull persuna sa jsirilha
ħaqq fuq il-konkretezza
ta’ mħabbitha (ara Rum
13:8-10), speċjalment
lejn dawk l-iżjed
dgħajfa (ara Mt
25:31-46).
14.
L-ekonomija
tas-salvazzjoni
sagramentali teħodha
wkoll kontra t-tendenzi
li jipproponu
salvazzjoni purament
interjuri. Fil-fatt,
l-Injostiċiżmu jimxi id
f’id ma’ ħarsa negattiva
fuq l-ordni tal-ħolqien,
għax jarah bħala
limitazzjoni tal-libertà
assoluta tar-ruħ
tal-bniedem.
B’konsegwenza ta’ dan,
is-salvazzjoni tidher
bħala liberazzjoni
mill-ġisem u
mir-relazzjonijiet
konkreti li fihom tgħix
il-persuna. Imma ladarba
aħna mifdija “permezz
tal-offerta tal-ġisem
ta’ Ġesù Kristu” (Lhud
10:10; ara Kol 1:22),
il-vera salvazzjoni mhux
talli mhijiex
liberazzjoni mill-ġisem,
imma talli tinkludi
wkoll it-tqaddis tiegħu
(ara Rum 12:1). Il-ġisem
tal-bniedem ġie magħġun
minn Alla, li naqqax fih
lingwaġġ li jistieden
lill-bniedem jagħraf
id-doni tal-Ħallieq u
jgħix f’komunjoni
mal-aħwa.[22]
Il-Feddej,
bl-Inkarnazzjoni u
l-Misteru tal-Għid
tiegħu, reġa’ waqqaf
mill-ġdid u ġedded dan
il-lingwaġġ tal-bidu u
għaddiehulna
fl-ekonomija korporali
tas-sagramenti. Grazzi
għas-sagramenti l-Insara
jistgħu jgħixu b’fedeltà
għall-ġisem ta’ Kristu
u, b’konsegwenza,
b’fedeltà għall-ordni
konkret
tar-relazzjonijiet li hu
tana. Dan l-ordni ta’
relazzjonijiet jitlob,
b’mod partikulari,
l-għożża għall-umanità
sofferenti tal-bnedmin
kollha, permezz tal-opri
tal-ħniena li jmissu
l-ġisem u r-ruħ.[23]
VI.
Konklużjoni: inxerrdu
l-fidi, fl-istennija
tal-Feddej
15.
L-għarfien tal-ħajja
sħiħa li fiha jdaħħalna
Ġesù l-Feddej iħeġġeġ
lill-Insara
għall-missjoni, biex
ixandru lill-bnedmin
kollha l-ferħ u d-dawl
tal-Vanġelu.[24]
F’dan l-isforz ikunu
lesti wkoll joħolqu
djalogu sinċier u
kostruttiv ma’ dawk li
jħaddnu twemmin ieħor,
fil-fiduċja li, fi
Kristu, Alla jista’
jwassal għas-salvazzjoni
“l-bnedmin kollha ta’
rieda tajba illi fi
qlubhom taħdem
il-grazzja b’mod li ma
jidhirx”.[25]
Waqt li tiddedika ruħha
bis-saħħa kollha tagħha
għall-evanġelizzazzjoni,
il-Knisja tissokta
titlob għall-miġja
defenittiva tal-Feddej,
għax “aħna salvi
bit-tama” (Rum 8:24).
Is-salvazzjoni
tal-bniedem isseħħ
għalkollox biss meta,
wara li hu jkun rebaħ
fuq l-aħħar għadu,
il-mewt (ara 1 Kor
15:26), nieħdu sehem
sħiħ fil-glorja ta’
Kristu Rxoxt, li jwassal
għall-milja tagħha
r-relazzjoni tagħna ma’
Alla, ma’ ħutna u
mal-ħolqien kollu.
Is-salvazzjoni sħiħa,
tar-ruħ u tal-ġisem, hi
d-destin aħħari li
għalih Alla jsejjaħ
lill-bnedmin kollha.
Mibnija fuq il-fidi,
imwieżna mit-tama,
ħabrieka fl-imħabba, fuq
ix-xempju ta’ Marija,
Omm il-Feddej u l-ewwel
fost il-mifdija, aħna
żguri li “aħna pajżani
tas-sema; minn hemm
bil-ħerqa nistennewh
jiġi, is-Salvatur tagħna
Sidna Ġesù Kristu. Hu
għad irid ibiddlilna
l-ġisem imsejken tagħna
fis-sura tal-ġisem
glorjuż tiegħu,
bil-qawwa tas-setgħa li
għandu li jġib kollox
taħtu”
(Fil 3:20-21).
Il-Qdusija Tiegħu
Franġisku, nhar is-16
ta’ Frar 2018, approva
din l-Ittra, deċiża
fis-Sessjoni Plenarja
ta’ din
il-Kongregazzjoni fl-24
ta’ Jannar 2018, u ordna
li tiġi mxandra.
Mogħtija Ruma, mis-Sede
tal-Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi,
fit-22 ta’ Frar 2018,
Festa tal-Katedra ta’
San Pietru.
+
Luis F. Ladaria, S.I.
Arċisqof
Titulari ta’
Thibica
Prefett
+
Giacomo Morandi
Arċisqof
Titulari ta’
Cerveteri
Segretarju
miġjuba mit-Taljan
għall-Malti minn
Francesco Pio Attard
[1]
Konċilju
Ekumeniku
Vatikan II,
Kostituzzjoni
dommatika Dei
Verbum, n.
2.
[2]
Ara
Kongregazzjoni
għad-Duttrina
tal-Fidi,
Dikjarazzjoni
Dominus Iesus
(6
ta’ Awwissu
2000), nn.
5-8: AAS
92 (2000),
745-749.
[3]
Ara Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii
gaudium (24
ta’ Novembru
2013), n.
67: AAS
105 (2013),
1048.
[4]
Ara
ibid.,
Ittra enċiklika
Lumen fidei
(29
ta’ Ġunju
2013), n. 47:
AAS 105
(2013), 586-587;
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii
gaudium, nn.
93-94: AAS
(2013), 1059;
Diskors
lir-rappreżentanti
tal-V Konvenju
nazzjonali
tal-Knisja
Taljana,
Firenze (10
ta’ Novembru
2015):
AAS 107
(2015), 1287.
[5]
Ara
ibid.,
Diskors
lir-rappreżentanti
tal-V Konvenju
nazzjonali
tal-Knisja
Taljana,
Firenze (10
ta’ Novembru
2015):
AAS 107
(2015), 1288.
[6]
Ara
ibid.,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii
gaudium, n.
94: AAS
105 (2013),
1059:
“is-seħer
tal-Injostiċiżmu,
fidi magħluqa
fis-suġġettiviżmu,
fejn wieħed
jinteressa ruħu
biss minn
esperjenza
speċifika jew
serje ta’
raġunamenti u
għarfien li
jaħseb li
jistgħu jfarrġuh
jew idawluh,
imma fejn
is-suġġett
jibqa’ magħluq
fl-immanenza
tar-raġuni u
s-sentimenti
tiegħu stess”;
Kunsill
Pontifiċju
tal-Kultura
––
Kunsill
Pontifiċju
għad-djalogu
interreliġjuż,
Ġesù Kristu, dak
li jagħtina
l-ilma ħaj.
Riflessjoni
Nisranija fuq
in-“New Age”
(Jannar
2003),
Belt tal-Vatikan
2003.
[7]
Franġisku,
Ittra enċiklika
Lumen fidei,
n. 47: AAS
105 (2013),
586-587.
[8]
Ara
ibid.,
Diskors
lill-parteċipanti
fil-pellegrinaġġ
tad-Djoċesi ta’
Brescia
(22
ta’ Ġunju
2013): AAS
95 (2013), 627:
“f’din id-dinja
fejn qed niċħdu
lill-bniedem,
fejn nippreferu
nimxu t-triq
tal-Injostiċiżmu,
[…]
ta’ ‘xejn laħam’
– Alla li ma
sarx laħam
[…]”.
[9]
Skont l-ereżija
Pelaġjana, li
żviluppat tul
is-seklu ħamsa
madwar Pelaġju,
il-bniedem, biex
wieħed jobdi
l-kmandamenti
ta’ Alla u
jsalva, għandu
bżonn biss
tal-grazzja
bħala għajnuna
esterna
għal-libertà
tiegħu (bħala
dawl, eżempju,
qawwa), imma
mhux bħala
fejqan u
riġenerazzjoni
radikali
tal-libertà,
mingħajr merti
minn qabel, biex
hu jista’
jagħmel
it-tajjeb u
jilħaq il-ħajja
eterna. Iktar
kumpless hu
l-moviment
Injostiku, li
qam fl-ewwel u
t-tieni seklu, u
li żviluppa
f’għamliet
differenti ħafna
minn xulxin.
Ġeneralment,
l-Injostiċi
kienu jemmnu li
s-salvazzjoni
tinkiseb permezz
ta’ għarfien
eżoteriku u
“njożi”. Din
l-injożi turi
lill-Injostiku
l-essenza vera
tiegħu,
jiġifieri, xrara
tal-Ispirtu
divin li
jgħammar
fil-ġewwieni
tiegħu, li hemm
bżonn tiġi
meħlusa minn
ġol-ġisem,
barrani
għall-umanità
vera tagħha.
B’dan il-mod
biss l-Injostiku
jerġa’ lura
għall-essri
tiegħu tal-bidu
f’Alla, li minnu
kien tbiegħed
minħabba
fil-waqgħa
tal-bidu.
[10]
Ara
Tumas,
Summa theologiæ,
I-II, q. 2.
[11]
Ara
Wistin,
Stqarrijiet,
I, 1: Corpus
Christianorum,
27,1.
[12]
Konċilju
Ekumeniku
Vatikan II,
Kostituzzjoni
pastorali
Gaudium et
spes, n. 22.
[13]
Kummissjoni
Teoloġika
Internazzjonali,
Xi kwistjonijiet
fuq it-teoloġija
tal-fidwa,
1995, n. 2:
Kummissjoni
Teoloġika
Internazzjonali,
Documenti
1969-2004
(Bologna 2006),
500.
[14]
Benedittu
XVI, Ittra
enċiklika
Deus caritas est
(25
ta’ Diċembru
2005), n.
1: AAS 98
(2006), 217;
ara
Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii
gaudium, n.
3: AAS
105 (2013),
1020.
[15]
Irinew,
Adversus
hæreses,
III, 19,1:
Sources
Chrétiennes,
211, 374.
[16]
Konċilju
Ekumeniku
Vatikan II,
Kostituzzjoni
pastorali
Gaudium et
spes, n. 22.
[17]
Ara
Wistin,
Tractatus in
Ioannem, 13,
4: Corpus
Christianorum,
36, 132:
“Jiena t-triq,
is-sewwa u
l-ħajja (Ġw
14:6). Jekk qed
tfittex
is-sewwa, imxi
fit-triq; għax
it-triq hi
l-istess
bħas-sewwa.
Id-destinazzjoni
li lejha miexi u
t-triq li trid
timxi, huma
l-istess ħaġa.
Ma tistax tilħaq
id-destinazzjoni
jekk tgħaddi
minn triq oħra;
minn triq oħra
ma tistax tasal
għand Kristu:
għand Kristu
tista’ tasal
biss permezz ta’
Kristu. F’liema
sens tasal għand
Kristu permezz
ta’ Kristu?
Tasal għand
Kristu Alla
permezz ta’
Kristu
l-bniedem;
permezz tal-Verb
magħmul bniedem
tasal għand
il-Verb li sa
minn dejjem kien
Alla minn Alla”.
[18]
Tumas,
Quæstio de
veritate, q.
29, a. 5, co.
[19]
Konċilju
Ekumeniku
Vatikan II,
Kostituzzjoni
dommatika
Lumen gentium,
n. 48.
[20]
Ara
Tumas,
Summa theologiæ,
III, q. 63, a.
3.
[21]
Ara Konċilju
Ekumeniku
Vatikan II,
Kostituzzjoni
dommatika
Lumen gentium,
n. 11;
Kostituzzjoni
Sacrosanctum
Concilium,
n. 10.
[22]
Ara Franġisku,
Ittra enċiklika
Laudato sì
(24
ta’ Mejju
2015), n. 155:
AAS 107
(2015), 909-910.
[23]
Ara
ibid.,
Ittra
appostolika
Misericordia et
misera (20
ta’ Novembru
2016) ,
n. 20: AAS
108 (2016),
1325-1326.
[24]
Ara Ġwanni Pawlu
II, Ittra
enċiklika
Redemptoris
missio (7
ta’ Diċembru
1990), n.
40: AAS
83 (1991),
287-288;
Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii
gaudium,
nn. 9-13:
AAS 105
(2013),
1022-1025.
[25]
Konċilju
Ekumeniku
Vatikan II,
Kostituzzjoni
pastorali
Gaudium et
spes, n. 22.