L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 
 

 

Pastorali tal-Arċisqof ta' Westminster, il-Kardinal Vincent Nichols

fuq is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja.

Jumejn ilu, il-Kardinal Vincent Nichols, l-Arċisqof ta’ Westminster fl-Ingilterra, ippubblika din l-Ittra Pastorali dwar l-esperjenza li kellna fil-ħmistax li għaddew fis-Sinodu dwar il-familja.  Din l-Ittra tant togħġobni illi kieku l-Kardinal Nichols, li konna flimkien għas-Sinodu, talabni noħorġuha flimkien, kont naċċetta mingħajr ma nibdel lanqas kelma waħda.  Peress li fil-fehma tiegħi din l-Ittra fiha ġabra fil-qosor ta’ dak li sar fis-Sinodu, ħassejt li nipproponiha għar-riflessjoni tagħkom.

Nota mill-Isqof Mario Grech, 26/10/2014

▬  Forsi smajtu jew qrajtu li dan is-Sinodu kien dwar il-bidliet li jridu jsiru fit-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ, il-ħajja tal-familja jew il-moralità sesswali.  Dan m’hux minnu. 

▬  Forsi smajtu li s-Sinodu kien “telfa għall-Papa Franġisku” jew li ħareġ iddiżappuntat bir-riżultat tiegħu.  Dan m’hux minnu.

▬  Ma kien hemm l-ebda suġġeriment li t-tagħlim tal-Knisja b’xi mod jista’ japprova l-idea ta’ “żwieġ bejn persuni ta’ l-istess sess” jew li t-tagħlim tagħha dwar il-moralità sesswali għandu jinbidel. 

Stampa t-test kollu tal-Pastorali ...                                                                            [Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard]

 

Għeżież ħuti f’Ġesù Kristu,

 

Il-lum nixtieq inkellimkom ftit dwar is-Sinodu Staordinarju ta’ l-Isqfijiet li għadu kemm inżamm f’Ruma dwar it-tema ta’ l-isfidi pastorali li qed tħabbat wiċċha magħhom il-familja fil-kuntest ta’ l-evanġelizzazzjoni.  Inħossni xxurtjat li stajt nieħu sehem f’din il-laqgħa ta’ ġimagħtejn.  Sibt li kienet esperjenza għanja u kommoventi.

 

Forsi smajtu jew qrajtu li dan is-Sinodu kien dwar il-bidliet li jridu jsiru fit-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ, il-ħajja tal-familja jew il-moralità sesswali.  Dan m’hux minnu.  Kien dwar il-kura pastorali li nippruvaw noffru lil xulxin, l-“imħabba ta’ omm tal-Knisja”, speċjalment fil-mumenti u l-esperjenzi diffiċli fil-ħajja tal-familja.

 

Forsi smajtu li s-Sinodu kien “telfa għall-Papa Franġisku” jew li ħareġ iddiżappuntat bir-riżultat tiegħu.  Dan m’hux minnu.  Fi tmiem il-laqgħa tagħna, il-Papa Franġisku tkellem fit-tul dwar il-ferħ u s-sodisfazzjoni tiegħu għall-ħidma li saret.  Talabna nfittxu fil-fond ta’ qalbna kif Alla messna matul dan is-Sinodu, u biex naraw jekk stajniex konna ttentati nimirħu ’l bogħod mit-tqanqil ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Is-Sinodu, insista, kien vjaġġ spiritwali, u mhux sala tad-dibattiti.

 

Fil-fatt, l-istess kelma sinodu tfisser li nagħmlu mixja jew vjaġġ flimkien.  Dan hu li għamilna.  F’dan il-vjaġġ tagħna esplorajna l-problemi kollha li qed tħabbat wiċċha magħhom il-familja l-lum il-ġurnata, mill-effetti tal-gwerra, l-immigrazzjoni, il-vjolenza domestika, il-poligamija, iż-żwiġijiet inter-reliġjużi, sal-koabitazzjoni, it-tifrik taż-żwiġijiet, id-divorzju u l-qagħda ta’ dawk li temmu żwieġ validu u daħlu f’xi rabta oħra, żwieġ ieħor.  L-istampa hekk wiesgħa u t-tbatija li tirrappreżenta xi kultant kienet ’il fuq minna.

 

Tajna ħarsa wkoll lejn il-ferħ kbir li hemm fil-ħajja tal-familja u l-importanza taż-żwieġ fil-qalba tagħha.  Smajna rġiel u nisa miżżewġa jitkellem fuq id-diffikultajiet li kellhom jirbħu, l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom u l-ferħ kbir li jġarrbu fiż-żwiġijiet maturi u l-ħajja tal-familja tagħhom.  Kienu mumenti ta’ tqanqil il-qalb.  Minn hawn ħarġet defenizzjoni tajba tal-familja: il-familja baħal “santwarju ta’ qdusija” b’enfasi dejjem fuq il-qsim fit-talb fil-qalb tal-ħajja tal-familja.

 

Il-Papa Franġisku fetħilna t-triq hu.  Talabna nħarsu lejn ir-realtà wiċċ imb’wiċċ; nitkellmu b’mod miftuħ u mill-qalb; nisimgħu lil xulxin b’umiltà u rispett.  Dan hu li għamilna.  Ma kien hemm l-ebda rabja, l-ebda kontestazzjoni.  Kien hemm nuqqas ta’ qbil, daż-żgur.  Imma hu sejħilna biex ngħixu din l-esperjenza b’serenità u fiduċja.  U hekk għamilna.  Kienet esperjenza mill-isbaħ tal-Knisja bħala familja u tal-Knisja, f’dan il-livell, mixħuta f’xogħol iebes biex tipprova taqra s-sinjali ta’ l-Ispirtu s-Santu u tesprimhom fi kliem magħżul b’reqqa.

 

Matul is-Sinodu aħna ħdima fuq bosta dokumenti li fihom ippruvajna ġbarna l-fehmiet u x-xewqat tal-parteċipanti kollha.  Sa l-aħħar tas-Sinodu naħseb li rnexxielna naslu fejn xtaqna.  Għalhekk is-Sinodu għalaq b’“Rapport Sinodali” li fuqu vvutajna, paragrafu b’paragrafu.  Il-voti wrew, b’mod pjuttost sempliċi, fejn il-qbil kien ftit jew wisq sħiħ, u fejn ma kienx.  Dan ir-Rapport issa hu l-punt tat-tluq għas-Sinodu li jmiss dwar il-familja, li sa jinżamm fi żmien sena.  It-tema ta’ dan is-Sinodu li jmiss, f’Ottubru 2015, taqbad minn fejn ħallejna din id-darba: “Il-Vokazzjoni u l-Missjoni tal-Familja L-lum”.

 

Fil-qalb tal-ħidma tas-Sinodu li għadu kemm intemm kien hemm ix-xewqa li nsaħħu u nġeddu l-prattika pastorali tal-Knisja.  Ħareġ ċar prinċipju ċentrali għal din il-kura pastorali: li aħna u nippruva nimxu u nsieħbu lill-poplu f’sitwazzjonijiet diffiċli u eċċezzjonali, hu importanti li naraw ċar u b’umiltà l-aspetti tajbin kollha tal-ħajjiet tagħhom.  Dan hu li jiġi l-ewwel.  Minn hawn, nitgħallmu nimxu flimkien lejn konverżjoni u lejn it-tjieba tal-ħajja li Alla għandu għalina u li Ġesù jiftaħ għalina lkoll.  Din il-viżjoni pożittiva nsibuha tul ir-Rapport kollu tas-Sinodu u nittama li żżid issawwar l-imġiba tagħna ma’ xulxin.

 

Dan jgħodd b’mod speċjali għall-individwi li, ngħidu aħna, iddeċidew li jgħixu flimkien barra miż-żwieġ, jew għall-Kattoliċi li qegħdin fit-tieni żwieġ.  Dawn ir-realtajiet huma parti mill-vjaġġ ta’ ħajjithom, u anki jekk m’humiex skond il-mudell li l-Mulej jitlob minna, ħajjithom spiss hi mmarkata minn tjieba vera.  U din hi l-bażi ta’ l-għożża li għandu jkollna tagħhom, tal-mod kif aħna nimxu magħhom, ta’ l-istedina li rridu nagħmlulhom, biex jersqu aktar lejn il-Knisja u jinżlu fil-fond tal-fidi tagħhom u jisimgħu b’attenzjoni s-sejħa tagħha.  Dan qed ngħiduh b’kunfidenza sħiħa, għax hu fi ħdan is-sejħa tal-fidi tagħna, is-sejħa ta’ Ġesù lil kull wieħed u waħda minna, espressa fil-verità tal-Vanġelu u miżmuma b’tant għożża mill-Knisja, li jinstab l-akbar ferħ tagħna.

 

Intqal ħafna dwar kif is-Sinodu rrifletta fuq is-sitwazzjoni ta’ persuni ta’ l-istess sess li jħossuhom miġbuda lejn xulxin.  Ma kien hemm l-ebda suġġeriment li t-tagħlim tal-Knisja b’xi mod jista’ japprova l-idea ta’ “żwieġ bejn persuni ta’ l-istess sess” jew li t-tagħlim tagħha dwar il-moralità sesswali għandu jinbidel.  Imma kien hemm żewġ affarijiet ċari ħafna.  L-ewwel hi li qatt m’għandna nidentifikaw lill-persuni skond l-orjentament sesswali tagħhom.  Kull persuna hi mogħnija b’dinjità unika, kemm bħala individwu u kemm bħala Nisranija.  Din id-dinjità dejjem, dejjem għandha tiġi rrispettata.  It-tieni, hu tagħlim tal-Knisja li huma m’hux biss għandhom jiġu rrispettati, imma wkoll aċċettati dejjem, bi ħniena u sensittività (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2358).  Dan it-tagħlim irid jissarraf f’għożża mimlija mħabba, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum fil-Knisja, fil-parroċċi tagħna, u fis-soċjetà.

 

Imma l-Papa Franġisku mexa pass ieħor.  Hu tkellem dwar “Knisja magħmula mill-midinbin… li għandha l-bibien tagħha miftuħa beraħ biex tilqa’ lil dawk fil-bżonn, niedma, u mhux biss lill-ġusti”.  Hu tkellem dwar id-dmir tar-rgħajja li dejjem jilqgħu fil-Knisja lil dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet iebsin jew fl-inkwiet.  Imbagħad dritt ikkoreġa ruħu u qal li aħna, bħala rgħajja, m’hux biss għandna nfittxu li nilqgħuhom imma għandna noħorġu nfittxuhom aħna, l-istess kif għamel ir-Ragħaj it-Tajjeb ma’ dawk li kienu tbiegħdu.

 

Fi tmiem is-Sinodu, fid-diskors tiegħu ta’ l-għeluq, il-Papa Franġisku qal hekk: “Għeżież ħuti, issa għad għandna quddiemna sena biex nimmaturaw, b’dixxerniment spiritwali veru, l-ideat proposti u nsibu soluzzjonijiet konkreti għal tant diffikultajiet u l-għadd kbir ta’ sfidi li l-familji jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom; biex nagħtu tweġibiet għal tant qtigħ il-qalb li jdawwar u joħnoq il-familji tagħna…  Il-Mulej iseħibna, imexxina hu f’din it-triq, għall-glorja ta’ ismU”.

 

Mela dan hu li għandna nagħmlu.  Nittama li f’qasir żmien inkun nista’ nqiegħed quddiemkom modi kif it-talb u r-riflessjoni tagħkom dwar dawn it-temi jista’ jkunu kontribut lil din il-ħidma li ħa tibqa’ għaddejja fuq it-tiġdid fil-ħajja tal-Knisja, fi tweġiba għall-imħabba ta’ Ġesù li qatt ma tiġi nieqsa, taħt it-tmexxija tal-Papa Franġisku u dejjem f’għaqda miegħu.

 

24 ta’ Ottubru 2014

 

Tagħkom,

 

+ Il-Kardinal Vincent Nichols

Arċisqof ta’ Westminster