LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

"Qawwu Qalbkom "

Messaġġ tal-Papa Franġisku

għar-Randan 2015

Stampa t-test kollu ...

 

Għeżież ħuti,

Ir-Randan hu żmien ta’ tiġdid għall-Knisja, għall-komunitajiet u għall-fidili individwali.  Fuq kollox, però huwa żmien ta’ grazzja (1 Kor 6,2).  Alla ma jitlobna xejn jekk ma jkunx tahulna qabel: “Aħna nħobbu għax Hu ħabbna l-ewwel” (1 Ġw 4,19).   Hu mhux indifferenti lejna.  Kull wieħed u waħda minna aħna għall-qalbu, jafna b’isimna, jieħu ħsiebna u jfittixna meta nitilqugħ.  Hu jinteressa ruħu f’kull wieħed u waħda minna; imħabbtu ma tħallihx ikun indifferenti għal dak li jiġrilna.  Imma jiġri li meta aħna nkunu nħossuna f’sikitna u komdi, żgur ninsew lill-oħrajn (ħaġa li Alla l-Missier ma jagħmel qatt), ma jinteressawniex il-problemi tagħhom, it-tbatijiet tagħhom u l-inġustizzji li jsofru....... allura qlubna jaqgħu fl-indifferenza: waqt li jien inħossni relattivament tajjeb u komdu, ninsa lil min hu batut.  Din l-attitudni egoistika, ta’ indifferenza, illum għandha firxa mondjali, tant li nistgħu nitkellmu dwar globaliżżazzjoni tal-indifferenza.  Din hija sitwazzjoni li aħna, bħala Nsara, għandna naffrontawha.

Meta l-poplu t’Alla jikkonverti għall-imħabba tiegħU, isib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li tagħmillu l-ħin kollu l-istorja.  Waħda mill-isfidi l-aktar urġenti li nixtieq nieqaf fuqha f’dan il-messaġġ hi l-globaliżżazzjoni tal-indifferenza.

L-indifferenza lejn il-proxxmu u lejn Alla hija tentazzjoni reali għalina l-Insara.  Allura, f’kull Randan għandna bżonn nisimgħu l-għajta tal-Profeti li jgħollu leħinhom biex jqajmuna.

Alla mhux indifferenti lejn id-dinja imma jħobbha tant, li bagħat lil Ibnu għas-salvazzjoni ta’ kull bniedem.  Fl-inkarnazzjoni, fil-ħajja f’did-dinja, fil-mewt u l-qawmien ta’ Iben Alla, jinfetaħ darba għal dejjem il-bieb bejn Alla u l-bniedem, bejn is-sema u l-art.   U l-Knisja qiesha l-id li żżomm miftuħ dan il-bieb bix-xandir tal-Kelma, biċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, bix-xhieda tal-fidi, li taħdem permezz tal-imħabba (Gal 5,6).  Madankollu, d-dinja għandha t-tendenza li tingħalaq fiha nfisha u tagħlaq dak il-bieb li minnu Alla jidħol fiha u d-dinja tidħol fiH.  B’hekk l-id, li hi l-Knisja, qatt m’għandha tissorprendi ruħha meta ssib quddiema r-rifjut, meta tisfa’ mgħaffġa u tinġeraħ.

Għalhekk il-poplu t’Alla għandu bżonn it-tiġdid biex ma jsirx idifferenti u biex ma jingħalaqx fih innifsu.  Irrid nipproponilkom tlett passi għall-meditazzjoni biex iseħħ dan it-tiġdid.

1. “Jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu” (1 Kor 12,26) – Il-Knisja

L-imħabba t’Alla li tkisser dak l-għeluq qerriedi li hi l-indifferenza, il-Knisja toffrihilna bit-tagħlim tagħha, l-aktar bix-xhieda tagħha.  Imma x-xhieda tiġi dejjem wara li aħna nkunu għaddejna mill-esperjenza.  In-Nisrani hu dak li jħalli lil Alla jgħanih bit-tjieba u l-ħniena tiegħu, jgħanieh bi Kristu, biex bħalu jsir qaddej ta’ Alla u tal-bnedmin.  Dan tfakkarulna tajjeb ħafna l-liturġija ta’ Ħamis Ix-Xirka bir-rit tal-ħasil tar-riġlejn.  Pietru ma riedx iħalli lil Ġesù jaħsillu riġlejh, imma wara fehem li Ġesù ma riedx ikun biss eżempju għal kif aħna għandna naħslu saqajn xulxin.  Dan is-servizz jista’ jagħmlu biss, min, qabel, ħalla lil Kristu jaħsillu riġlejh.  Dan biss isir “parti” minnu (Ġw 13, 8) u hekk ikun jista’ jaqdi lill-bniedem.

Ir-Randan hu żmien propizju biex inħallu lil Kristu jaqdina u b’hekk insiru bħalu.  Dan jiġri meta nisimgħu l-Kelma t’Alla u meta nirċievu s-Sagramenti, partikolarment l-Ewkaristija.  Fiha aħna nsiru dak li nkunu qed nirċievu: il-Ġisem ta’ Kristu.  F’dan il-ġisem, dik l-indifferenza li spiss tidher li qed taħkem lil qlubna, ma ssibx kenn.  Għaliex min hu ta’ Kristu jagħmel parti minn ġisem wieħed u fiH aħna m’aħniex indifferenti lejn xulxin.  “Għalhekk jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu” (1 Kor 12, 26).

Il-Knisja hija komunità tal-qaddisin għax fiha jipparteċipaw il-qaddisin, imma wkoll għaliex hi għaqda ta’ ħwejjeġ qaddisa: l-imħabba t’Alla rrivelata lilna fi Kristu u r-rigali kollha tiegħu.  Fost dawn ir-rigali hemm it-tweġiba għal min iħalli l-imħabba t’Alla tasal għandu.  F’din ix-xirka tal-qaddisin u f’din il-parteċipazzjoni fil-ħwejjeġ qaddisa ħadd m’għandu xejn li hu tiegħu biss, imma dak li għandu hu ta’ kulħadd.  U għax aħna magħqudin f’Alla, nistgħu nagħmlu xi ħaġa anki għal min hu bogħod, għal min qatt ma nistgħu nilħquh bil-forzi tagħna waħedhom, għaliex magħhom u għalihom nitolbu ‘l Alla biex ilkoll ninfetħu għall-opra tas-salvazzjoni tiegħu.

 

2. “Fejn hu ħuk?” (Ġen 4,9) – Il-parroċċi u l-komuitajiet

Hemm ħtieġa li dak li jingħad għall-Knisja universali jkun jgħodd ukoll għall-ħajja tal-parroċċi u tal-komunitajiet.  Jirnexxilna f’dawn ir-realtajiet ekkleżjali nkunu niffurmaw parti min ġisem wieħed?  Ġisem li fl-istess ħin, jirċievi u jaqsam dak li Alla jrid jirregalalna?  Ġisem li jaf u jieħu ħsieb il-membri l-aktar dgħajfa, fqar u żgħar?  Jew aħna ninħbew f’imħabba universali li hi mpenjata fil-bogħod imma tinsa’ lil Lażżru li hemm bilqiegħda quddiem il-bieb magħluq tagħha?  (Luqa 16,19-31).

Biex nirċievu, u dak li jtina Alla nħalluh jagħmel il-frott, irridu mmorru ‘l hinn mill-konfini tal-Knisja li tidher f’żewġ direzzjonijiet.

L-ewwelnett billi ningħaqdu mal-Knisja tas-sema bit-talb.  Meta l-Knisja tad-dinja titlob, tiġi stabbilita komunjoni ta’ servizz reċiproku u ta’ ġid li jasal sa quddiem Alla.  Flimkien mal-qaddisin li sabu l-milja kollha tagħhom f’Alla, insiru msieħba f’dik il-komunjoni li fiha l-indifferenza tintrebaħ mill-imħabba.  Il-Knisja tas-sema mhix trijonfanti għax tat darha lit-tbatija tad-dinja u qed tgawdi waħedha.  Pjuttost, il-qaddisin diġà jistgħu jikkontemplaw u jifirħu minħabba l-fatt li bil-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, rebħu fuq l-indifferenza, l-ebusija tal-qalb u l-mibegħda, darba għal dejjem.  Sakemm din ir-rebħa tal-imħabba ma tkunx ippenetrat id-dinja kollha, il-qaddisin jibqgħu jimxu magħna, aħna li aħna pellegrini.  Santa Tereża ta’ Lisieux, duttur tal-Knisja, kienet kitbet b’konvinzjoni li l-hena tas-sema mnissla mill-imħabba ta’ fuq is-salib mhix sħiħa sakemm imqar bniedem wieħed fid-dinja jkun għadu jbati u jokrob: “Jiena rrid li fis-sema ma nibqax ma nagħmel xejn, ix-xewqa tiegħi hi li naħdem aktar għall-Knisja u għall-erwieħ” (Ittra 254 tal-14 ta’ Lulju 1897).

Anki aħna għandna sehem mill-merti tal-hena tal-qaddisin u huma jipparteċipaw magħna fit-taqbid tagħna u fix-xewqat ta’ paċi u rikonċiljazzjoni tagħna.  Il-ferħ tagħhom għar-rebħa ta’ Kristu Rxoxt, għalina hi motivazzjoni li ttina l-qawwa biex negħlbu tant għamliet ta’ indifferenza u ebusija tal-qalb.

Min-naħa l-oħra, kull komunità Nisranija hi msejħa biex tgħaddi ‘l hinn mill-għatba fir-relazzjoni tagħha mas-soċjetà li tgħix madwarha, mal-foqra u ma’ min hu mbiegħed.  Il-Knisja hi missjunarja min-natura tagħha, mhix magħluqa fiha nfisha, imma mibgħuta għall-bnedmin kollha.

Din il-missjoni hi x-xhieda paċenzjuża ta’ Dak li ried iwassal għand il-Missier ir-realtajiet kollha u lil kull bniedem.  Il-missjoni hi dak li l-imħabba ma tistax issikket.  Il-Knisja timxi t-triq wara Ġesù Kristu, li twassalha għand kull bniedem, sa truf l-art (Atti 1, 8).  B’hekk f’ħuna nkunu nistgħu naraw lil ħija jew lil oħti li Kristu miet u rxoxta għalihom.  Dak li rċevejna, irċevejnih anki għalihom.  U bl-istess mod dak kollu li dawn ħutna għandhom, huwa rigal għall-Knisja u għall-umanità kollha.

Għeżież ħuti, kemm nixtieq li fil-postijiet fejn timmanifesta ruħha l-Knisja, il-parroċċi tagħna u partikolarment, il-komunitajiet tagħna, jsiru gżejjer ta’ ħniena f’nofs il-baħar tal-indifferenza!

 

3. “Qawwu qalbkom!” (Ġk 5,8) – Il-fidili individwalment

Anki individwalment għandna t-tentazzjoni li nkunu inidfferemti.  Aħna mxebbgħin b’aħbarijiet, stampi u filmati inkwetanti li jirrakkunatawlna t-tbatija umana u fl-istess ħin inħossu kemm m’għandniex ħila nintervjenu.  X’nistgħu nagħmlu biex ma ninqabdux f’din ix-xibka ta’ biża’ u impotenza?

L-ewwelnett, nistgħu nitolbu f’komunjoni mal-Knisja pellegrina u mal-Knisja tas-sema.  Ma nnaqqsux il-qawwa tat-talb ta’ tant persuni f’daqqa!  L-inizjattiva 24 siegħa għall-Mulej, li nawgura li tkun iċċelebrata fil-Knisja kollha, anki fuq livell djoċesan, nhar it-13 u l-14 ta’ Marzu, trid tkun espressjoni ta’ din il-ħtieġa tat-talb.

It-tieni, nistgħu nagħmlu atti ta’ karità kemm ma’ min hu fil-qrib u wkoll ma’ min hu ‘l bogħod, bis-saħħa ta’ tant organiżżazzjonijiet tal-karità li għandha l-Knisja.  Ir-Randan hu żmien propizju biex dan l-interess fl-oħrajn u s-sehem tagħna fil-komunità umana nuruh b’xi sinjal, anki żgħir, imma konkret.

U t-tielet, it-tbatija tal-oħrajn hi sejħa lilna biex nikkonvertu, għax il-ħtiġijiet ta’ ħutna jfakkruna fil-fraġiltà ta’ ħajjitna, kemm jiena niddependi minn Alla u mill-aħwa.  Jekk nitolbu ‘l Alla l-grazzja tal-umiltà u naċċettaw il-limitazzjonijiet tagħna, allura nibdew nafdaw fil-possibiltajiet infiniti li bihom mogħnija l-imħabba t’Alla.  U b’hekk inkunu nifilħu nirreżistu t-tentazzjoni djabolika li ġġiegħlna nemmnu li waħedna għadna ħila nsalvaw u nistgħu nsalvaw lid-dinja.

Biex negħlbu l-indifferenza u l-pretensjonijiet ta’ omnipotenza li għandna, nixtieq nitlob lil kulħadd biex jgħix dan iż-żmien tar-Randan bħala mixja ta’ formazzjoni tal-qalb, kif kien qal Benedittu XVI (Enċiklika Deus Caritas Est, 31).  Li jkollna qalb li tħenn ma jfissirx li jkollna qalb dħagjfa.  Min irid iħenn għandu bżonn qalb b’saħħitha, soda, magħluqa għat-tentatur, imma miftuħa għal Alla.  Qalb li tħalli lill-Ispirtu s-Santu jirfidha u jmexxiha fit-triq tal-imħabba li twassalha għand l-aħwa.   Jiġifieri qalb fqira, li tagħraf il-faqar tagħha u tingħata għall-ieħor.

Għal din ir-raġuni, għeżież ħuti, nixtieq li f’dan ir-Randan nitlob magħkom lil Kristu: “Għamel lil qlubna bħal tiegħek” (Supplika fil-Litanija tal-Qalb ta’ Ġesù).  B’hekk ikollna qalb qawwija u ħanina, li tishar u ġeneruża, li ma tippermettix li tingħalaq fiha nnifisha u ma taqax fis-sakra tal-globaliżżazzjoni tal-indifferenza.

B’dan l-awgurju, niżgurakom mit-talb tiegħi biex kull min jemmen u kull komunità ekkleżjali tagħmel mixja tar-Randan li tagħti l-frott u nistedinkom titolbu għalija.  Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom.

 

Mill-Vatikan, 4 ta’ Ottubru 2014

Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi

Franġisku

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Ara aktar riżorsi minn jew dwar il-Papa Franġisku.

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org