LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU GĦAĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-XLVII JUM DINJI TAL-PAĊI - 1 TA’ JANNAR 2014

IL-FRATERNITÀ, PEDAMENT U TRIQ GĦALL-PAĊI

Stampa test

 

 

Din il-paġna tista’ tarha l-aħjar bil-Google Chrome jew Mozilla Firefox

 

1.             F’dan l-ewwel messaġġ tiegħi għall-Jum Dinji tal-Paċi nixtieq nagħti lil kulħadd, individwi u popli, l-awguri tiegħi għall-eżistenza mimlija ferħ u tama. Fil-fatt, fil-qalb ta’ kull raġel u ta’ kull mara hemm ix-xewqa ta’ ħajja mimlija, u din għandha x- xenqa, li ma tistax tkun meqruda, ta’ fraternità, li tħeġġeg għall-għaqda mal-oħrajn fejn insibu mhux għedewwa jew rivali, iżda aħwa li nilqgħu u inħaddnu.

Fil-fatt, il-fraternità hija dimensjoni essenzjali tal-bniedem, il-bniedem li huwa kewn (ħlejqa) razzjonali. Dan l-għarfien ħaj ta' ħajja ta’ din ir-relazzjoni twassalna biex inħarsu lejn kull persuna u nittrattawha bħala oħtna u ħuna; mingħajr dan ma jkunx possibbli li timbena soċjetà ġusta, u li jkun hemm paċi solida u dejjiema. U tajjeb li niftakru malajr li l-fraternità tibda billi hi stess titgħallem waħedha f’ġuf il-familja, fuq kollox grazzi għar-rwoli responsabbli u komplementari tal-membri kollha, speċjalment tal-missier u tal-omm. Il-familja hija l-għajn ta’ kull fraternità, u għalhekk hija wkoll il-pedament u t-triq ewlenija tal-paċi; għaldaqstant, mill-istess vokazzjoni tagħha ddakkar id-dinja bl-imħabba tagħha.

Isma’ messaġġ kollu rekordjat bil-Malti

In-numru dejjem jikber ta’ interkonnessjonijiet u ta’ kommunikazzjoni li jdawru l-pjaneta tagħna jagħmel aktar evidenti li nagħrfu l-unità u s-sehem tad-destin komuni bejn in-Nazzjonijiet tad-dinja. Naraw li fid-dinamiżmi tal-istorja, għalkemm bid-diversità ta’ razez, ta’ soċjetajiet u ta’ kulturi, hemm miżrugha l-vokazzjoni li tifforma komunità magħmula minn aħwa li jilqghu lil xulxin u jieħdu ħsieb wieħed tal-ieħor. Iżda, din il-vokazzjoni hija llum spiss miċħuda u mgiddba mill-fatti, f’dinja karatteriżżata minn dik il-“globaliżżazzjoni tal-indifferenza” li bil-mod il-mod “iddarrina”  għat-tbatija tal-ieħor, u ningħalqu fina nfusna.

F’ħafna partijiet tad-dinja, jidher li ma hemmx heda għall-ksur tad-drittijiet umani fundamentali, fuq kollox tad-dritt tal-ħajja u dak tal-libertà religjuza. Il-fenomenu traġiku tat-traffikar tal-esseri umani, li fuq ħajjithom u d-disperazzjoni tagħhom jispekulaw persuni bla skrupli, jirrappreżenta eżempju inkwetanti.  Mal-gwerer li jsiru u l-ġlied bl-armi, hemm ukoll dawk li jidhru anqas krudili, fejn il-ġlied isir fil-qasam ekonomiku u finanzjarju, b’meżżi mhux anqas qerrieda ta’ ħajja, ta’ familji u negozji.

Il-globaliżżazzjoni, bħalma kien stqarr Benedittu XVI, iġġibna aktar qrib ta’ xulxin, iżda ma tagħmilnhiex aħwa akbar.[i] Barra min hekk, il-ħafna sitwazzjonijiet ta’ disproporzjon, ta’ faqar u ta’ inġustizzja juru mhux biss nuqqas kbir ta’ fraternità, imma juru wkoll li mhemmx il-kultura tas-solidarjetà. Ideoloġiji ġodda, karatteriżżati mill-individwaliżmu mifrux, l-egoċentriżmu u l-konsumiżmu materjalista idgħajfu l-irbit soċjali u jsaħħu dik il-mentalità tal-“ħela” li twassal għat-tmaqdir u għall-abbandun tal-aktar dgħajfa u ta’ dawk li jiġu meqjusa bħala “inutli”.  Hekk il-konvivenza umana ssir dejjem aktar tixbaħ biss l-idea prammatika u egoista li “naghtik sakemm taghtini lura”.

Fl-istess ħin jidher ċar ukoll li l-filosofiji kontemporanji huma inkapaċi li jipproduċu rabtiet awtentiċi ta’ fraternità, għax fraternità li ma jkollhiex riferiment għal Missier  komuni bħala l-pedament aħħari, ma jirnexxilhiex iżżomm ħajja.[ii] Fraternità vera fost il-bnedmin tesiġi paternità traxxendentali. Malli tkun rikonoxxuta din il-paternità, tissaħħaħ il-fraternità fost il-bnedmin, jiġifieri li l-bniedem isir “proxxmu” li jieħu ħsieb ta’ l-ieħor.

 

“Fejn hu ħuk” (Ġen 4, 9)

2.             Biex nifhmu aħjar din il-vokazzjoni tal-bniedem għall-fraternità, u biex nagħrfu b’mod aktar aħjar it-tfixkil li l-bniedem jiltaqa’ miegħu biex iwettaq din il-vokazzjoni, u jagħraf it-toroq li għandu jimxi biex jegħleb dan it-tfixkil, huwa fundamentali li l-bniedem iħalli t-tagħrif tad-disinn t’Alla kif hu preżentat b’mod uniku fl-Iskrittura, jmexxih.

Skont ir-rakkont tal-bidu, il-bniedem ġej minn ġenituri komuni, minn Adam u Eva, koppja maħluqa minn Alla skont l-immaġni u x-xebħ tiegħu (ara Ġen 1, 26) u li minnhom twieldu Kajin u Abel.  Fil-ġrajja ta’ din l-ewwel familja naqraw il-bidu tas-soċjetà, l-evoluzzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-persuni u l-popli. 

Abel kien ragħaj, Kajin gabillott.  L-identità profonda, u, magħha, il-vokazzjoni tagħhom, hija dik li jkunu aħwa, għalkemm differenti fix-xoghol, fil-kultura, u fil-mod kif iġibu ruħhom ma’ Alla u mal-ħolqien. Imma l-qtil ta’ Abel minn Kajin jixhed traġikament iċ-ċaħda radikali tal-vokazzjoni li jkunu aħwa.  Il-ġrajja tagħhom (ara Ġen 4, 1-16) turi biċ-ċar ix-xogħol diffiċli li għalih il-bnedmin kollha huma msejħin: li jkunu magħqudin, u li jieħdu ħsieb wieħed tal-ieħor. Kajin ma jaccettax li Alla jippreferi lil Abel għax dan offra l-aħjar mill-merħla tiegħu – “il-Mulej laqa’ ’l Abel u l-offerta tiegħu, iżda ma laqgħax lil Kajin u l-offerta tiegħu” (Ġen, 4, 4-5) – u qatlu minħabba l-għira. B’dan il-mod jiċħad li jagħraf lilu nnifsu bħala ħuh, li jkollu relazzjoni pozittiva miegħu, li jgħix quddiem Alla, u li jassumi r-responsabiltajiet tal-kura u l-protezzjoni tal-ieħor.  Għall-mistoqsija “Fejn hu ħuk?”, li Alla staqsa lil Kajjin, fil-waqt li jitolbu kont ta’ għemilu, Kajin iwieġeb: “Ma nafx. Forsi jien għassa ta’ ħija?” (Ġen 4,9). Imbaghad, jgħidilna l-Ġenesi, “Kajin telaq minn quddiem il-Mulej (4, 16).   

Wieħed jistaqsi dwar l-għanijiet profondi li jġegħelu lil Kajin ma jagħrafx ir-rabta ta’ fraternità u, magħha, ir-rabta ta’ reċiproċità u ta’ komunjoni li kienet torbtu ma’ ħuh Abel. Alla nnifsu jakkuża u jċanfar lil Kajin li kien iżomm ruħu qrib il-ħażen: “id-dnub huwa fil-bieb tiegħek” (Ġen 4, 7). B’danakollu, Kajin, jirrifjuta li joħodha kontra l-ħażen, u xorta waħda jiddeċiedi li “jħebb għal ħuh Abel” (Ġen 4, 8) u jkasbar il-pjan t’Alla. Hekk huwa sfratta l-vokazzjoni oriġinali tiegħu li jkun iben Alla u jgħix il-fraternità. 

Ir-rakkont ta’ Kajin u Abel jgħallem li fl-umanità hemm minquxa l-vokazzjoni tal-fraternità, iżda wkoll il-possibiltà drammatika tat-tradiment tagħha.  Dan jixhidulna l-egoiżmu ta’ kuljum, li hu l-bażi ta’ ħafna gwerrer u ħafna inġustizzji: fil-fatt, ħafna rġiel u nisa jmutu b’idejn ħuthom li ma jagħrfuhomx bħala tali, jiġifieri bħala bnedmin magħmula għar-reċiproċità, għall-komunijoni u bhala rigal lil xulxin.

 

“U intom lkoll aħwa” (Mt 23, 8)

3.             Tqum waħeda l-mistoqsija: jistgħu qatt l-irġiel u n-nisa ta’ din id-dinja jilqgħu għal kollox din ix-xewqa ta’ fraternità li Alla l-Missier nissel fihom? Jirnexxilhom bil-qawwa tagħhom biss jegħelbu l-indifferenza, l-egoiżmu, il-mibgħeda, u jilqgħu d-differenzi leġittimi li jikkatterizzaw l-aħwa? Waqt li nagħmlu parafrasi tal-kliem tal-Mulej Ġesù, inkunu nistgħu niġbru fil-qosor it-tweġiba li jagħtina l-Evangelju ta’ San Mattew: ladarba hemm Missier wieħed, li hu Alla, intom lkoll aħwa.  L-għerq tal-fraternità jinstab fil-paternità t’Alla.  Mhix kwistjoni ta’ xi paternità ġenerika, vaga u storikament ineffikaċi, iżda waħda ta’ mħabba personali, f’waqtha u straordinarjament konkreta: hi l-paternita’ ta’ Alla għal kull bniedem (ara Mt 6, 25-30). Għalhekk, hi paternità li tiġġenera b’mod effikaċi l-fraternità, għaliex l-imħabba t’Alla, meta tkun milqugħa, issir il-mezz l-aktar qawwi tat-trasformazzjoni tal-eżistenza u tar-relazzjonijiet ta’ wieħed ma’ l-ieħor, tiftaħ il-bnedmin għas-solidarjetà u dawn jaqsmu ma’ haddiehor b’mod konkret.

B’mod partikolari ngħidu li l-fraternità umana hija ġġenerata mill-gdid fi Kristu u minn Kristu, bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet.  Is-salib huwa “l-post” definittiv tal-bażi tal-fraternità; il-fraternità li l-bnedmin m’ghandħomx ħila jnisslu waħidhom. Ġesù Kristu li ħa fuqu nnifsu n-natura umana biex jifdiha, waqt li jħobb lil Missier sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib (ara Fil 2, 8), permezz tal-qawmien tiegħu jerġa’ jibnina bħala umanità ġdida f’komunjoni sħiħa mar-rieda t’Alla, mal-pjan tiegħu ta’ twettiq sħiħ tal-vokazzjoni għall-fraternità.

Ġesù jerġa’ jieħu lura lejn il-bidu, il-pjan tal-Missier, waqt li jagħraf il-primat  tal-Missier fuq kull ħaġa.

Iżda Kristu, meta jintelaq għall-mewt għall-imħabba tal-Missier, isir prinċipju ġdid u definittiv tagħna lkoll, imsejħin u magħrufin minnU bħala aħwa għaliex ulied ta’ l-istess Missier.  Huwa hu l-istess Patt, l-ispazju personali tar-rikonċiljazzjoni tal-bniedem m’Alla u tal-aħwa bejniethom. Fil-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib hemm ukoll ir-rebħa kotrana fuq il-firda bejn il-popli, bejn il-poplu tal-Patt u l-poplu tal-Ġentili li kien imċaħħad mit-tama, għaliex sa dak il-mument, dawn kienu baqgħu barranin għall-pattijiet tal-Wegħda.  Kif naqraw fl-Ittra lill-Efesin, Ġesù Kristu huwa Dak li fih jirrikonċiljaw ruħhom il-bnedmin kollha.  Huwa hu l-paċi, billi minn żewġ popli għamel poplu wieħed, ġarraf il-ħajt li kien jifridhom: il-mibgħeda. Fih innifsu huwa ħalaq poplu wieħed, bniedem wieħed ġdid, umanità waħda ġdida. (ara 2, 14-16).

Min jilqa’ l-ħajja ta’ Kristu u jgħix fiH, jagħraf ’l Alla bħala l-Missier u jagħti lilu nnifsu kollu  kemm hu ’l Alla u jħobbu fuq kollox. Il-bniedem rikonċiljat jara f’Alla, il-Missier ta’ kulħadd, u bħala konsegwenza jkun imħajjar jgħix fraternità li hi miftuħa għal kulħadd.  Fi Kristu, il-bniedem l-ieħor hu milqugħ u maħbub bħala iben jew bint Alla, bħala ħu jew oħt, mhux bħala barrani, u wisq anqas bħala avversarju, jew saħansitra għadu. Fil-familja t’Alla, fejn il-bnedmin kollha huma ulied ta’ l-istess Missier, għax magħmulin hekk fi Kristu, ulied ta’ l-Iben, m’hemm ebda “ħajja għall-iskart”. Kollha jgawdu dinjità indaqs u assoluta. Kollha maħbubin minn Alla, kollha mifdija mid-demm ta’ Kristu, Kristu li miet fuq is-salib u li reġa’ qam għal kulħadd. Din hi r-raġuni l-għala ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem id-destin ta’ l-aħwa.

 

Il fraternità, fundament u triq għall-paċi 

4.             Wara dak li għidna, faċli nifhmu li l-fraternità hija pedament u triq għall-paċi. L-Enċikliki soċjali tal-Predeċessuri tiegħi joffru għajnuna valida f’dan is-sens. Ikun biżżejjed nerġgħu nħarsu lejn id-definizzjonijiet tal-paċi fil-Populorum Progressio ta’ Pawlu VI, jew fil-Sollicitudo Rei Socialis ta’ Ġwanni Pawlu II. Fl-ewwel waħda nsibu li l-iżvilupp integrali tal-popli huwa l-isem il-ġdid tal-paċi. [iii]  Fit-tieni, li l-paċi hija opus solidaritatis (frott is-solidarjetà).[iv]

Pawlu VI jisħaq li mhux biss il-persuni, imma wkoll in-Nazzjonijiet għandhom jiltaqgħu bejniethom fi spirtu ta’ fraternità. U jkompli jfisser: “F’din il-komprensjoni  u ħbiberija reċiproka, f’din il-komunjoni qaddisa, aħna għandna naħdmu flimkien biex nibnu l-ġejjieni komuni tal-umanità”.[v] Dan id-dmir imiss fl-ewwel post lil dawk li x-xorti iffavorithom fil-ħajja. Id-dmirijiet tagħhom għandhom l-għeruq fil-fraternità umana u sopranaturali u huma preżentati taħt tlett aspetti: id-dmir tas-solidarjetà, li tesiġi li n-Nazzjonijiet sinjuri jgħinu lil dawk li huma anqas żviluppati; id-dmir tal-ġustizzja soċjali li tfisser it-tfassil mill-ġdid b’mod aktar ġust, tar-relazzjonijiet difettużi bejn popli qawwija u popli dgħajfa; u d-dmir ta’ karità universali li timplika l-bini ta’ dinja aktar umana għal kulħadd fejn kulħadd ikollu xi ħaġa x’jagħti u x’jieħu lura, bla ma l-progress ta’ naħa joħloq tfixkil għall-iżvilupp tal-oħra.[vi]

Għalhekk, jekk nikkunsidraw il-paċi bħala frott tas-solidarjetà, bl-istess mod ma nistgħux naħsbu li l-fraternità mhijiex il-pedament prinċipali tiegħu. Il-paċi, jisħaq Ġwanni Pawlu II, hija ġid indiviżibbli: jew hi tajba għal kulħadd jew mhi tajba għal ħadd. Tista’ tkun realment miksuba u tkun ta’ vantaġġ bħala l-aħjar kwalità tal-ħajja u bħala żvilupp aktar uman u sostenibbli biss, jekk titħaddem minn kulħadd "b’determinazzjoni  shiha  u perseveranti b’impenn għall-ġid komuni”[vii]. Dan jimplika li ma nkunux immexxija mill-“kilba tal-profitt” u mill-“għatx tal-poter”. Hemm bżonn li jkun hemm disponibbiltà li wieħed jinghata għall-ieħor minflok ma jisfruttah, u li jaqdih minflok ma jaħqru biex jiehu vantaġġ minnu.  “L-ieħor” – persuna, poplu jew nazzjon m’għandux ikun meqjus bħala biċċa għodda, biex tisfrutta bi prezz irhis il-ħila tax-xogħol u tar-reżistenza fiżika tiegħu, u meta ma jservix aktar, tarmih;  iżda għal kuntrarju għandu jitqies wieħed bħalna, “wieħed li jgħinna”.[viii]

Is-solidarjetà Nisranija titlob li l-proxxmu jkun maħbub mhux biss bħala esseri uman bid-drittijiet tiegħu u bl-egwaljanza fundamentali tiegħu quddiem kulħadd, iżda wkoll bħala xbieha ħajja ta’ Alla l-Missier, mifdi bid-demm ta’ Ġesù Kristu u mqiegħed taħt l-azzjoni permanenti ta’ l-Ispirtu s-Santu [ix], bħala ħija ieħor. “Hekk l-għarfien tal-paternità komuni t’Alla, tal-fraternità tal-bnedmin kollha fi Kristu, “ulied fl-Iben”, tal-preżenza u ta’ l-azzjoni li taghti l-ħajja tal-Ispirtu s-Santu, tagħti – kif ifakkarna Ġwanni Pawlu II – li l-ħarsa tagħna fuq id-dinja tkun kriterju ġdid  ta’ interpretazzjoni li tittrasforma.

 

Fraternità tiġi qabel biex tħarbat il-faqar

5.             Fil-Caritas in Veritate, il-Predeċessur tiegħi fakkar lid-dinja li kawża importanti tal-faqar huwa n-nuqqas ta’ fraternità.[xi] F’ħafna soċjetajiet qed nesperjenzaw faqar relazzjonali profond li ġej minn nuqqas ta’ relazzjonijiet solidi familjari u komunitarji.  B’dispjaċir kbir ġewwa fina, qed naraw li diversi forom ta’ niket, ta’ emarġinazzjoni, ta’ solitudni u ta’ forom varji ta’ dipendenza patoloġika qed jikbru.  Nistghu negħelbu faqar bħal dan biss billi nerġgħu nsibu u nivvaloriżżaw ir-relazzjonijiet fraterni fil-qalba tal-familji u tal-kommunitajiet, naqsmu l-ferħ u n-niket, id-diffikultajiet u s-suċċessi li jeżistu fil-ħajja tal-persuni.

Barra dan, jekk min-naħa qed naraw li l-faqar assolut qed jonqos, min-naħa l-oħra ma nistgħux ma nagħrfux li qed jikber serjament il-faqar relattiv, jiġifieri n-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn persuni u gruppi li jgħixu f’żona partikolari jew f’kuntest soċjo-kulturali partikolari.  F’dan is-sens, huma ta’ għajnuna l-pjani politiċi effikaċi li jġibu ’l quddiem il-prinċipju tal-fraternità, billi jiżguraw illi l-bnedmin – indaqs fid-dinjità u fid-drittijiet fundamentali tagħhom – ikollhom aċċess għall-flus, għas-servizzi, għall-għejjun edukattivi, sanitarji, teknoloġiċi sabiex kull wieħed ikollu l-opportunità li jesprimi u jwettaq il-pjan ta’ ħajtu u jkun jista’ jiżviluppa bis-sħih lilu nnfifsu bħala persuna.

Nagħrfu wkoll il-ħtieġa ta’ politika li tfittex li ttaffi l-isproporzjon eċċessiv tal-qligħ. M’għandniex ninsew it-tagħlim tal-Knisja fuq l-hekk imsejħa ipoteka soċjali li jekk, skont San Tumas t’Akwinu, huwa leċitu, anzi neċessarju li l-bniedem ikollu l-propjietà tal-beni”[xii] għall-użu, il-bniedem jippossjedi dawn il-beni mhux biss bħala tiegħu personali, iżda ukoll bħala gid komuni, jiġifieri li minnu jista’ jgawdi mhux biss hu iżda ukoll igawdu l-oħrajn”[xiii]

Fl-aħħar, hemm mod ieħor biex tinġieb ’il quddiem il-fraternità – u hekk jixxejjen il-faqar –  mod li għandu jkun il-bażi tal-metodi l-oħra kollha: dan huwa d-distakk: li wieħed jagħżel li jgħix stil ta’ ħajja moderat u essenzjali, dak ta’ min jaqsam il-ġid li għandu, u hekk jirnexxilu jħoss fih il-komunjoni fraterna mal-oħrajn.  Din hi t-tifsira bażika li timxi wara Ġesù Kristu, u tkun verament Nisrani. Dan hu l-każ mhux biss tal-persuni kkonsagrati li jħaddnu l-vot tal-faqar, imma wkoll ta’ ħafna familji u ta’ ħafna ċittadini responsabbli li jemmnu bis-sħiħ li l-ġid l-aktar prezzjuż li wieħed jakkwista, huwa r-relazzjoni fraterna mal-proxxmu.

 

Nerġgħu niskopru l-fraternità fl-ekonomija

6.             Il-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi ta’ żmienna ġejjin mill-fatt li l-bniedem qiegħed progressivament jitbiegħed minn Alla u mill-proxxmu, fil-kilba għall-ħwejjeġ materjali minn naħa, u fil-faqar tar-relazzjonijiet interpersonali u kommunitarji mill-oħra. Dan iwassal biex ħafna jfittxu s-sodisfazzjon, il-ferħ u s-sigurtà fil-konsum u fil-qligħ, bogħod hafna mir-raġuni ta’ ekonomija sana.  Sa mill-1979, Ġwanni Pawlu II wissa li jeżisti periklu reali u li jinħass, li waqt li l-ħakma tal-bniedem fuq il-ħwejjeġ materjali qed tkompli tikber b’ħeffa tal-għaġeb, il-bniedem qed jitlef  ir-riedni essenżjali ta’ din il-ħakma, hekk li b’manjieri diversi l-umanità tiegħu qed tkun maħkuma minn dik tad-dinja. Huwa stess isir oġġett, ukoll jekk spiss ma jinħassx direttament,  oġġett ta’ manipulazzjoni mill-organiżżazzjoni kollha tal-ħajja komunitarja, mis-sistema tal-produzzjoni, u mill-pressjoni tal-meżżi tal-komunikazzjoni soċjali”[xiv]

Il-ġrajja tal-kriżijiet ekonomiċi tagħtina okkazjoni biex nerġgħu naħsbuha mill-ġdid dwar il-mudelli tal-iżvilupp ekonomiku u dwar it-tibdil fl-istil ta' ħajja. Il-kriżi tallum, għalkemm b’konsegwenzi gravi għall-ħajjiet tan-nies, tista’ tkun ukoll okkażjoni f’waqtha biex nerġgħu nsibu l-virtujiet tal-prudenza, tat-temperanza, tal-ġustizzja u tal-qawwa. Dawn jistgħu jgħinuna biex nirbħu l-mumenti diffiċli u nerġgħu insibu l-ħoloq fraterni li jorbtuna wieħed mal-ieħor, bil-fiduċja profonda li l-bniedem għandu bżonn biex jifhem il-ħiliet tiegħu biex iwassluh għall-milja personali. Fuq kollox dawn il-virtujiet huma meħtieġa biex tinbena u tkun miżmuma tajjeb soċjetà skont id-dinjità umana.

 

Il-fraternità titfi l-gwerra

7.             Is-sena l-oħra, ħafna minn ħutna, irġiel u nisa, baqgħu għaddejjin mill-esperjenza qarsa tal-gwerra, il-gwerra li tiftah ferita gravi u profonda fil-fraternità. Bosta huwa l-ġlied li jispiċċa fl-indifferenza ġenerali. Lil dawk kollha li qegħdin jgħixu f’artijiet fejn l-armi jnisslu terrur u qerda, niżgurahom li jien personalment u l-Knisja kollha hija qrib tagħhom.  Il-Knisja għandha bħala missjoni tagħha li twassal il-karità ta’ Kristu ukoll lil dawk il-vittmi minsija tal-armi u tal-gwerrer, permezz tat-talb għall-paċi, permezz tas-servizz lill-midrubin, lil dawk li m’għandhomx x’jieklu, lir-rifuġjati, lill-evakwati u lil dawk kollha li jgħixu fil-biza’.  Il-Knisja tgħolli wkoll leħinha biex twassal lil dawk li huma responsabbli, it-tnehida ta’ din l-umanità muġugħa u biex barra l-ġlied iwaqqfu wkoll kull abbuż ta’ poter u kull ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem[xv]

Għal dan il-għan, nixtieq nappella bil-qawwa kollha lil dawk li bl-armi jiżirgħu vjolenza u mewt: erġgħu agħrfu bħala ħukom lil dak li llum qed tħarsu lejh bħala għadu biex teqirduh u waqqfu jdejkom.  Iċħdu t-triq ta’ l-armi u morru ltaqgħu mal-ieħor bid-djalogu, bil-maħfra u bir-rikonċiljazzjoni biex terġgħu tibnu madwarkom il-ġustizzja, il-fiduċja u t-tama.  “Meta nħarsu b’dan il-mod, jidher ċar li fil-ħajja tal-popli l-ġlied armat dejjem iġib miegħu ċaħda intenzjonata ta’ kull possibiltà ta’ ftehim internazzjonali, joħloq diviżjonijiet profondi u grieħi qerrieda li jkunu jridu ħafna snin biex jitfejqu. Il-gwerrer jeqirdu fil-prattika l-impenn biex jintlaħqu miri ekonomiċi u soċjali kbar li għalihom twaqqfet il-komunità internazzjonali”[xvi].

B’danakollu, sakemm ikun hemm kwantità hekk kbira ta’ armamenti fiċ-ċirkolazzjoni bħalma hemm illum, dejjem jinstabu skużi ġodda biex jinbeda l-ġlied. Għalhekk, nagħmel tiegħi l-appell tal-Predeċessuri tiegħi kontra it-tixrid ta’ l-armi u favur id-diżarm minn kulħadd, u nibdew mid-diżarm ta’ l-armi nukleari u kimiċi.

B’danakollu ma nistgħux ma ngħarfux li t-trattati internazzjonali u l-liġijiet internazzjonali, għalkemm neċessarji u mixtieqa ħafna, mhumiex biżżejjed weħidhom biex jiskansaw lill-umanità mill-periklu ta’ glied bl-armi. Tenħtieġ konverżjoni  tal-qlub li tħalli lil kull wieħed jagħraf fl-ieħor lil ħuh li għandu jieħu ħsiebu, jaħdem miegħu, biex jibnu ħajja fil-milja kollha tagħha għal kulħadd.  Dan hu l-ispirtu li janima ħafna inizjattivi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organiżżazzjonijiet reliġjużi, favur il-paċi. Nittama li l-impenn ta’ kull jum minn kulħadd, ikompli jagħti l-frott u li wkoll id-dritt tal-paċi jkun applikat effettivament fid-dritt internazzjonali, u jkun pre-kondizzjoni meħtieġa għad-drittijiet l-oħra kollha.

 

Il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata jopponu l-fraternità 

8.             L-orizzont tal-fraternità jerġa’ jwassal lil kull raġel u mara biex jikber bis-sħiħ. L-ambizzjonijiet ġusti ta’ kull peruna, speċjalment jekk żagħżugħa, m’għandhomx ikunu frustrati jew offiżi, jew tkun misruqa minnhom il-possibiltà li jaslu biex jitwettqu.  Iżda, l-ambizzjoni mhix l-istess ħaġa bħall-abbuż. Għal kuntrarju, tajjeb li jkun hemm kompetizzjoni bi stima reciproka (ara Rm 12, 10). Ukoll fid-dibattiti, aspett li ma jistax jitneħħa mill-ħajja, hemm bżonn li niftakru li aħna aħwa. Għalhekk nedukaw lill-oħrajn u lilna nfusna u ma nqisux lil għajrna bħala għadu jew bħala xi avversarju li rridu neqirduh.

Il-fraternità tnissel paċi soċjali għax toħloq bilanċ bejn il-libertà u l-ġustizzja, bejn ir-responsabbiltà personali u s-solidarjetà, bejn il-ġid ta’ l-individwi u l-ġid komuni. Il-komunità politika għandha għalhekk taġixxi b’mod trasparenti u responsabbli favur dan kollu. Iċ-cittadini għandhom iħossuhom rappreżentati minn min fil-poter pubbliku, hu fid-dmir li jirrispetta l-libertà tagħhom.  Għall-kuntrarju, spiss jiġri li bejn iċ-ċittadini u l-istuzzjonijiet jiddaħħlu interessi ta’ naħa li jgħawwġu din ir-relazzjoni, u jkunu kawża li tinħoloq klima dejjiema ta’ ġlied.

Spirtu awtentiku ta’ fraternità jirbaħ l-egoiżmu individwali u jerqed il-possibiltà  li persuni jgħixu fil-libertà u l-armonija bejniethom. Dan l-egoiżmu jiżviluppa soċjalment kemm fil-ħafna forom ta’ korruzzjoni, illum tant imxerrda, kif ukoll fil formazzjoni ta’ organiżżazzjonijiet kriminali, ibda' minn gruppi żgħar għal dawk organiżżati fuq skala globali, u li bla ebda sens ta’ legalità u ta’ ġustizzja, jattakkaw il-qalb tad-dinjità tal-persuna. Dawn l-organiżżazzjonijiet joffendu ’l Alla serjament, iweġġgħu lil ħuthom u jagħmlu ħsara lill-ħolqien, u iżjed u iżjed meta mwettqin għal raġunijiet ta’ religjon.

Qed naħseb fid-dramm tad-droga li jaqsamlek qalbek, id-droga li bit-tkasbir tal-liġijiet morali u ċivili  hi kawża ta’ ħafna qliegħ ta’ flus; qed naħseb fil-ħerba tar-riżorsi naturali u fit-tinġiż li fil-fatt qed isir; fit-traġedja ta’ l-isfruttament tax-xogħol; qed naħseb fit-traffiku illeċitu ta’ flus bħal fl-ispekulazzjoni finanzjarja, li spiss tieħu l-forom qerrieda u ta’ ħsara għas-sistemi sħaħ ekonomiċi u soċjali u tħalli miljuni ta’ rġiel u nisa esposti għall-faqar; qed naħseb fil-prostituzzjoni li ta’ kuljum taħsad  vittmi innoċenti, speċjalment  minn fost l-aktar żgħar,  waqt li tisirqilhom il-ġejjieni tagħhom; qed naħseb fil-mishut traffikar ta’ esseri umani, fil-kriminalità u abbużi kontra l-minorenni, fil-jasar li għadu jxerred biza’ f’ħafna pajjiżi tad-dinja;  fit-traġedja, ħafna drabi  moħbija, tal-emigranti li huma inġustament suspettati bi ksur tal-liġi. Dwar dan Ġwanni XXIII kiteb: “li mhux uman li wieħed ikun imġiegħel jgħix f’konvivenza mibnija fuq relazzjonijiet sfurzati biss, minflok ma jkun mogħti l-opportunità u mħajjar biex jiżviluppa u jipperfezzjona lilu nnifsu”[xvii] . Imma l-bniedem jista’ jikkonverti u qatt m’għandu jaqta’ qalbu mill-possibiltà li jbiddel ħajtu. Nixtieq li dan ikun il-messaġġ ta’ fiduċja għal kulħadd, ukoll għal dawk li wettqu kriminalità feroċi, għaliex Alla ma jridx il-mewt tal-midneb, imma li dan jikkonverti u jgħix (ara Eż. 18, 23).

Fil-kuntest wiesgħa tas-soċjalità umana, dwar id-delitt u l-piena, naħsbu wkoll fil-kundizzjonijiet inumani ta’ ħafna ħabsijiet, fejn il-kalzrat huwa spiss miżmum b’mod inuman, ferut fid-dinjità ta’ bniedem u wkoll fgat minn kull rieda u espressjoni li jkun meħlus. Il-Knisja tagħmel ħafna f’dawn l-ambjenti, wisq drabi bis-silenzju. Neżortaha u nħeġġiġha biex tagħmel aktar, bit-tama li dawn l-attivitajiet li fihom qed jaħdmu ħafna rġiel u nisa kuraġġużi, ikunu sostnuti dejjem aħjar, lealment u onestament, ukoll mill-mexxejja ċivili.

 

Il-fraternità tgħinna nħarsu u nikkoltivawi n-natura

9.             Il-familja umana rċeviet minn għand il-Ħallieq rigal komuni: in-natura. Il-viżjoni Nisranija tal-kreazzjoni timplika ġudizzju pożittiv fuq kemm huma ġusti l-interventi fuq in-natura sabiex minnha tieħu benefiċċju, bil-patt li dan isir b’mod responsabbli, jiġifieri li wieħed jagħraf dik ir-regola naturali li hemm miktuba fiha u li juża bil-għaqal ir-riżorsi ghal vantaġġ ta’ kulħadd, waqt li jirrispetta is-sbuħija, I-għan u l-użu tal-ħolqien kollu u l-funzjoni ta’ kull maħluq biex jgħix fl-armonija.  Fil-qosor, in-natura hija għad-dispożizzjoni tagħna, u aħna msejħin biex namministrawha b’mod responsabbli. Għall-kuntrarju, aħna spiss nitmexxew mir-rigħba, mis-suppervja tal-poter, mill-pussess, mill-manipulazzjoni, mill-isfruttar, bla ma nieħdu ħsieb in-natura, ma nirrispettawhiex, ma nikkunsiderawhiex bħala rigal mogħti lilna b’xejn biex nieħdu ħsiebha u biex inqegħduha għas-sevizz ta’ ħutna inklużi l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

Partikolarment, is-settur agrikolu huwa s-settur produttiv ewlieni li għandu vokazzjoni ħajja biex jikkultiva u jieħu ħsieb ir-risorsi naturali biex imantni l-umanità.  Dwar dan, il- ġuħ persistenti u tal-mistħija fid-dinja iġagħalni naqsam magħkom il-mistoqsija: kif qed nużaw ir-riżorsi ta’ l-art?  Is-soċjetajiet tallum għandhom jirriflettu fuq il-ġerarkija tal-prijoritajiet għal min hi ddestinata l-produzzjoni.   Fil-fatt, huwa dover gravi li r-riżorsi ta’ l-art jintużaw b’mod li mhux kulhadd itaffi l-ġuħ. L-inizjattivi u s-soluzzjonijiet possibbli huma bosta u mhumiex limitati għaż-żieda fil-produzzjoni. Hu magħruf tajjeb li l-produzzjoni  attwali hija biżżejjed, u b’danakollu hemm miljuni ta’ persuni li qed ibatu u jmutu bil-ġuħ, u dan hu tabilħaqq skandlu. Għalhekk jeħtieġ jinstabu manjieri sabiex kulħadd ikun jista’ jgawdi mill-frott ta’ l-art, mhux biss biex ma jikbirx il-vojt bejn min għandu iżjed u min ikollu jikkuntenta ruħu  bil-loqom, iżda ukoll u speċjalment jekk irridu li jsaltnu l-ġustizzja, l-ekwità u r-rispett lejn kull bniedem. F’dan is-sens nixtieq infakkar lil kulħadd dik id-destinazzjoni universali tal-beni meħtieġa li hu wieħed mill-prinċipji kardinali tad-duttrina soċjali  tal-Knisja.  Ir-rispett ta’ dan il-prinċipju huwa kundizzjoni essenzjali biex wieħed ikun jista’ juża b’mod attiv u ġust dak il-ġid essenzjali u primarju li kull bniedem jeħtieġ u li għandu dritt għalih.

 

Għeluq

10.        Il-fraternità jeħtieġ li nsibuha, inħobbuha, nesperimentawha, inħabbruha u nagħtu xhieda tagħha.  Imma hi biss l-imħabba mogħtija minn Alla li tippermettilna li nilqgħu u ngħixu bis-sħiħ il-fraternità.  Ir-realtà tal-politika u ta’ l-ekonomija ma nistgħux nirrenduha teknoloġija bla ideal, li ma tagħtix każ tad-dimensjoni traxxendentali tal-bniedem. Meta m’hemmx  il-ftuħ lejn Alla, kull azzjoni tal-bniedem issir iżjed fqira u l-persuni jsiru bħal oġġetti biex ikunu sfruttati.  Hu biss jekk naċċettaw li nimxu fl-ispażju wiesa’ u zgur li jtina l-ftuħ lejn Dak li jħobb kull raġel u kull mara, li l-politika u l-ekonomija jirnexxilhom jitwaqqfu fuq bażi awtentika ta’ karità fraterna u jistgħu isiru għodda siewja għall-iżvilupp integrali tal-bniedem u tal-paċi.

Aħna l-insara nemmnu li fil-Knisja aħna membri wieħed tal-ieħor, kollha neħtieġu ’il xulxin, għaliex lil kull wieħed minna ġiet mogħtija grazzja skont il-qies tad-don ta’ Kristu għall-ġid ta’ kulħadd (ara Ef 4, 7. 25; 1 Kor.12, 7).  Kristu ġie fid-dinja biex iġibilna l-grazzja divina, fi kliem ieħor, il-possibiltà li nieħdu sehem f’ħajtu. Dan iġib miegħu timbru ta’ relazzjoni fraterna, miftuha għar-reciproċità, għall-maħfra, għad-don totali ta’ kull persuna skont il-wisa' u l-fond tal-imħabba t’Alla. Din hi l-imħabba li hija offruta lill-umanità minn Dak li ssallab u reġa’ qam biex jiġbed lil kulħadd lejh: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu ’l xulxin bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll intom ħobbu wieħed lil ieħor.  Min dan jgħarfukom li intom dixxipli tiegħi: jekk tħobbu wieħed lil ieħor (Ġw 13, 34-35).  U din hi l-aħbar it-tajba li trid li kull wieħed jagħmel pass ieħor ’il quddiem, eżerċizzju dejjiemi ta’ empatija, li nisma’ t-tbatija u t-tama ta’ ħaddieħor, ukoll ta’ dawk l-iżjed  bogħod minni, mixja fuq it-triq li teżiġi dik l-imħabba li taf tagħti lilha infisha u tikkonsma ruħha gratwitament għall-ġid ta’ ħutna kollha.

Kristu jgħannaq lil kull bniedem u jrid li ħadd ma jintilef. “Alla ma bagħatx lil Ibnu fi-dinja biex jikkundanna d-dinja, imma biex id-dinja tkun salvata permezz tiegħu” (Ġw 3,17). Dan jagħmlu mingħajr oppressjoni, mingħajr ma jisforza lil ħadd jiftaħlu l-bibien ta’ ħajtu u ta’ moħħu. “Min fostkom huwa l-akbar ħa jsir bħall-iżgħar u min jaħkem, bħal min jaqdi (Lq 22, 26-27). Għalhekk kull azzjoni għandha tkun immarkata b’din l-għamla ta’ qadi lill-persuni, speċjalment dawk l-aktar fil-bogħod u mhux magħrufa.  Il-qadi huwa r-ruħ ta’ dik il-fraternità li tibni l-paċi.

Marija, Omm Ġesù, għinna biex nifhmu u ngħixu l-jiem kollha, il-fraternità li toħroġ mill-qalb ta’ Ibnek, biex iġġib il-paċi lil kull bniedem fuq din artna maħbuba.

 

Mill-Vatikan, 8 Diċembru 2013

 

 

FRANĠISKU

 

 

iġjub għall-Malti minn Fr Anton Azzopardi S.J.

Il-qari tal-Messaġġ sar minn Joe Huber.

Ħajr lil Radju Marija.

 

  1.  Enċ. Caritas in veritate (29 Ġunju 2009), 19: AAS 101 (2009), 654-655.  

  2.  Franġisku, Enċ Lumen fidei (29 Gunju 2013), 54: AAS 105 (2013), 591-592.

  3.  Pawlu VI Enċ. Populorum progressio (26 Marzu 1967), 87: AAS (59 (1967), 299.

  4.  Ġwanni Pawlu II Enċ. Sollicitudo rei socialis (30 Diċembru 1987), 39: AAS 80 (11988), 566-568.

  5.  Enċ. Populorum progressio (26 Marzu 1967), 43: AAS 59 (1967), 278-279

  6.  Ibid., 44: AAS 59 (1967), 279.

  7.  Enċ. Sollicitudo rei socialis (30 Diċembru 1987), 38: AAS (1988), 566

  8.  Ibid., 38-39: AAS 80 (1988), 566-567 

  9.  Ibid., 40: AAS 80 (1988), 569

  10.  Ibid.

  11.  Enċ. Caritas in veritate (29 Ġunju 2009), 19: AAS 101 (2009) 654-655.

  12.  Summa Theologiae II-II, q. 66, art 2.

  13.  Konċ. Ekum. Vat. II. Konst. Past. fuq il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et Spes 69. Ara Ljun XIII, Enċ. Rerum novarum (15 Marzu 1891), 19: ASS 23 (1890-1891), 651; Ġwanni Pawlu II, Enċ. Sollitudorei socialis (30 Diċembru 1987), 42; AAS 80 (1988), 573-574; Pontificio Consiglio della Giustizia e della Pace, Compendio della Dottrina sociale della Chiesa, n. 17 

  14. Enċ. Redemptor hominis (4 Marzu 1979), 16: AAS 91979), 290.

  15.  Ara Il-Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u tal-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knosja, n. 159

  16. Franġisku, Ittra lil President Putin, 4 ta’ Settembru 2013: L’Osservatiore Romano, 6 ta’ Settembru 2013, p. 1.

  17. Enċ. Pacem in terries (11 t’April 1963), 17: AAS 55 (1963), 265.

 

 

Ara aktar riżorsi minn jew dwar il-Papa Franġisku.

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link