Id-dawl li għandna fir-ruħ tagħna
Jgħidli l-Papa Franġisku: “L-ikbar ħażen li qed jolqot lid-dinja fi żmienna hu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u s-solitudni li fiha jitħallew l-anzjani. L-anzjani għandhom bżonn ta’ min jieħu ħsiebhom u jagħmlilhom kumpanija; iż-żgħażagħ għandhom bżonn tax-xogħol u tat-tama, imma la għandhom waħda u lanqas l-oħra, u l-gwaj hu li m’għadhomx ifittxuhom. Ġew imwaħħla fil-preżent. Għidli int: tista’ tgħix imwaħħal fil-preżent? Mingħajr memorja tal-passat jew xewqa għal orjentament lejn il-futur fejn tista’ tibni proġett ta’ ħajja, ġejjieni, familja? Possibbli tibqa’ sejjer hekk? Fil-fehma tiegħi din hi l-problema l-iżjed urġenti li l-Knisja għandha quddiemha”.
Santità, ħa ngħidlek, din fuq kollox hi problema politika u ekonomika, tolqot l-Istati, il-gvernijiet, il-partiti, l-assoċjazzjonijiet trejdunjonistiċi?
“U żgur, għandek raġun, imma tolqot ukoll lill-Knisja, anzi fuq kollox lill-Knisja, għax din is-sitwazzjoni qed tfieri mhux biss il-ġisem imma anki r-ruħ tan-nies. Il-Knisja għandha tħossha responsabbli kemm tar-ruħ u kemm tal-ġisem”.
Santità, int qed tgħid li l-Knisja għandha tħossha responsabbli. Għandi nifhem li l-Knisja ma tafx b’din il-problema u li int qed tmexxiha lejn din id-direzzjoni?
“Xi ftit jew wisq dan l-għarfien jeżisti, imma mhux biżżejjed. Jien nixtieq li jkun hemm iżjed. M’hix din l-unika problema li għandna quddiemna, imma hi l-iżjed waħda urġenti u drammatika”.
Il-laqgħa tiegħi mal-Papa seħħet it-Tlieta li għaddiet fir-residenza tiegħu ta’ Santa Marta, f’kamra ċkejkna mneżżgħa minn kollox, mejda u ħames jew sitt siġġijiet, kwadru mal-ħajt. Qabilha kellna telefonata li kemm indum ħaj ma ninsieha qatt.
Kienu s-sagħtejn u nofs ta’ wara nofs in-nhar. Iċempel it-telefon tiegħi u l-vuċi pjuttost eċċitata tas-segretarja tiegħi tgħidli: “Għandi l-Papa fuq il-linja, se ngħaddihulek minnufih”.
Nibqa’ bla kliem, waqt li l-vuċi tal-Qdusija Tiegħu min-naħa l-oħra tal-linja tkun diġà qaltli: “L-għodwa t-tajba, jien il-Papa Franġisku”. L-għodwa t-tajba, Santità – għidtlu jien, u mbagħad – qed niskanta, għax ma stennejtx li ħa ċċempilli hekk. “Tiskanta għalfejn? Int ktibtli ittra titlobni li tiltaqa’ miegħi wiċċ imb’wiċċ. Jien ukoll kelli l-istess xewqa u arani, hawn jien, ċempiltlek biex nagħmlu appuntament. Ħa nara waħda d-djarju tiegħi: l-Erbgħa ma nistax, it-Tnejn lanqas… it-Tlieta sew għalik?”.
Inwieġeb: Iva, tajjeb ħafna.
“Il-ħin hu ftit skomdu, it-3.00pm, tajjeb? Inkella nibdlu l-ġurnata”. Santità, anki l-ħin tajjeb ħafna. “Mela qbilna: it-Tlieta 24, fit-3.00pm. Santa Marta. Trid tidħol mill-bieb tas-Sant’Uffizzju”.
Ma nafx kif naqbad nagħlaq din it-telefonata u nikkonkludi billi ngħidlu: Nista’ ngħannqek minn fuq it-telefon? “Daż-żgur, ngħannqek jien ukoll. Imbagħad nitgħannqu meta niltaqgħu, narak”.
U issa ninsab hawn. Jidħol il-Papa u jnewwilli idu, noqogħdu bil-qiegħda. Il-Papa jitbissem u jgħidli: “Wieħed mill-kollaboraturi tiegħi jafek u qalli li int sa tipprova tikkonvertini”.
Din battuta, inwieġbu. Anki sħabi ħasbu li int trid tikkonvertini.
Jerġa’ jitbissem u jweġibni: “Il-proselitiżmu hu stupidaġni kbira, ma jagħmilx sens. Irridu nsiru nafu lil xulxin, nisimgħu wieħed lill-ieħor u nkabbru l-għarfien tad-dinja ta’ madwarna. Lili jiġrili li wara xi laqgħa nkun nixtieq nagħmel oħra, għax jinbtu ideat ġodda u tiskopri ħtiġijiet ġodda. Dan hu importanti: li nsiru nafu lil xulxin, nisimgħu lil xulxin, inwessgħu ċ-ċirku tal-ħsibijiet. Id-dinja hi ħafna toroq li issa joqorbu u issa jitbiegħdu minn xulxin, imma l-importanti hu li kollha jwasslu lejn it-Tajjeb”.
Santità, teżisti viżjoni waħda tat-Tajjeb? U min jiddetermina liema hi?
“Kull wieħed u waħda minna għandu viżjoni tiegħu tat-Tajjeb u anki tal-Ħażin. Aħna rridu nixprunawh biex jimxi lejn dak li hu jaħseb li hu t-Tajjeb”.
Int, Santità, dan kont ġa ktibtu fl-ittra li bgħattli. Il-kuxjenza hi awtonoma, kont għidt, u kulħadd għandu jobdi l-kuxjenza tiegħu. Naħseb li din hi waħda mill-affarijiet l-iżjed kuraġġjużi li qatt qal Papa.
“U ntennih hawn. Kull wieħed għandu l-idea tiegħu tat-Tajjeb u tal-Ħażin u għandu jagħżel li jimxi wara t-Tajjeb u jiġġieled lill-Ħażin kif jikkonċepih hu. Dan ikun biżżejjed biex nagħmlu dinja aħjar”.
Il-Knisja hekk qed tagħmel?
“Iva, il-missjoni tagħna għandha dan l-għan: naraw liema huma l-ħtiġijiet materjali u immaterjali tal-persuni u nfittxu li nissodisfawhom kif nistgħu. Int taf x’inhi l-‘agape’?”.
Iva, naf.
“Hi l-imħabba lejn l-oħrajn, kif għallem il-Mulej. M’hix proselitiżmu, hi mħabba. Imħabba lejn il-proxxmu, ħmira li sservi għall-ġid komuni”.
Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.
“Hekk, eżattament”.
Ġesù fil-predikazzjoni tiegħu qal li l-agape, l-imħabba lejn l-oħrajn, hi l-uniku mod kif nistgħu nħobbu lil Alla. Ikkoreġini jekk qed niżbalja.
“M’intix tiżbalja. L-Iben ta’ Alla ħa l-ġisem biex jiżra’ fir-ruħ tal-bnedmin is-sentiment tal-fratellanza. Ilkoll aħwa u lkoll ulied Alla. Abbà, kif hu kien isejjaħ lill-Missier. Nurikom it-triq, qalilna. Imxu warajja u ssibu lill-Missier u tkunu lkoll uliedu u hu jsib l-għaxqa tiegħu fikom. L-agape, l-imħabba ta’ kull wieħed minna lejn l-oħrajn kollha, minn dawk l-aktar fil-qrib sa l-aktar imbiegħda, hi appuntu l-uniku mod li Ġesù wriena biex insibu t-triq tas-salvazzjoni tal-Beatitudnijiet”.
Madankollu, l-eżortazzjoni ta’ Ġesù, dan tkellimna fuqu qabel, hi li l-imħabba lejn il-proxxmu tkun daqs dik li għandna lejn nfusna. Allura dak li ħafna jsejħulu narċisiżmu hu meqjus bħala validu, pożittiv, fuq l-istess kejl ta’ l-imħabba l-oħra. Tkellimna fit-tul fuq dan.
“Lili – qal il-Papa – il-kelma narċisiżmu ma togħġobni xejn, għax tindika mħabba żejda lejna nfusna u dan m’hux sew, għax jista’ jġib ħsara gravi mhux biss fuq ir-ruħ ta’ min hu affettwat minnu imma anki fir-relazzjoni ma’ l-oħrajn, mas-soċjetà li fiha jgħix. Il-veru gwaj hu li l-aktar li jintlaqtu minn dan, li fir-realtà hu tip ta’ disturb mentali, huma l-persuni li għandhom ħafna poter f’idejhom. Spiss il-Kapijiet huma narċisisti”.
Anki ħafna mexxejja tal-Knisja kienu.
“Taf kif naħsibha fuq dan? Il-mexxejja tal-Knisja spiss kienu narċisisti, mimlijin bihom infushom u minfuħa żżejjed min-nies li kellhom magħhom fil-qrati tal-palazzi tagħhom [kortiġjani]. Il-qorti tal-palazz hu l-ġdiem tal-papat”.
Il-ġdiem tal-papat, preċiżament hekk qal. Imma l-palazz liema hu? Forsi qed jalludi għall-Kurja?, staqsejtu.
“Le, fil-Kurja kultant issib xi kortiġjan, imma l-Kurja b’mod sħiħ hi ħaġa oħra. Hi dik li fl-armati jsejħulha l-‘intendenza’, tieħu ħsieb is-servizzi li għandha bżonn is-Santa Sede. Imma għandha difett: hi wisq iċċentrata fuq il-Vatikan. Tara u tieħu ħsieb l-interessi tal-Vatikan, li għadhom, fil-parti l-kbira tagħhom, interessi temporali. Din il-viżjoni ċċentrata fuq il-Vatikan tittraskura d-dinja li biha mdawrin. M’għandix din il-viżjoni u sa nagħmel minn kollox biex nibdilha. Il-Knisja hi jew għandha terġa’ lura biex tkun komunità tal-poplu ta’ Alla, u s-saċerdoti, il-kappillani, l-Isqfijiet li għandhom f’idejhom il-kura ta’ l-erwieħ, qegħdin hemm għall-qadi tal-poplu ta’ Alla. Din hi l-Knisja, kelma li mhux b’kumbinazzjoni hi differenti mis-Santa Sede, li għandha funzjoni importanti, imma dejjem għas-servizz tal-Knisja. Jien ma stajtx ikolli l-fidi sħiħa f’Alla u f’Ibnu kieku ma ffurmajtx ruħi fil-Knisja u kieku ma kellix ix-xorti li fl-Arġentina nsib ruħi f’komunità li mingħajrha ma kienx jirnexxieli nagħraf lili nnifsi u l-fidi tiegħi”.
Int ħassejt is-sejħa sa minn meta kont għadek żgħir?
“Le, ma kontx żgħir ħafna. Skond il-familja tiegħi messni qbadt linja oħra, naħdem, naqla’ xi sold. Mort l-università. Kelli wkoll għalliema li lejha kelli rispett kbir u anki ħbiberija, kienet Komunista ferventi. Spiss kienet taqrali u tagħtini naqra testi tal-Partit Komunista. Hekk sirt naf mill-qrib anki dak il-ħsieb ferm materjalistiku. Niftakar li tatni wkoll f’idejja l-komunikat tal-Komunisti Amerikani li ddefendew lir-Rosenberg, li kienu ġew ikkundannati għall-mewt. Din il-mara li dwarha qed inkellmek imbagħad ġiet arrestata, ittorturata u maqtula fi żmien ir-reġim dittatorjali li dak iż-żmien kien qed imexxi l-Arġentina”.
Il-Komuniżmu ħajrek?
“Il-materjaliżmu tiegħu ma ħalla l-ebda impressjoni fuqi. Imma kienet ħaġa utli għalija li sirt nafu permezz ta’ persuna kuraġġjuża u onesta, fhimt xi affarijiet, aspetti tas-soċjal, li mbagħad erġajt sibt fid-duttrina soċjali tal-Knisja”.
It-teoloġija tal-liberazzjoni li l-Papa Wojtyła skomunika kienet preżenti sew fl-Amerika Latina.
“Iva, ħafna mill-esponenti tagħha kienu Arġentini”.
Int taħseb li kienet ħaġa sew li l-Papa ġġeldilha?
“Żgur li t-teoloġija tagħhom tawha inklinazzjoni politika, imma ħafna minnhom kienu jemmnu u kellhom kunċett għoli ta’ l-umanità”.
Santità, ippermettili ngħidlek xi ħaġa jien ukoll fuq il-formazzjoni kulturali tiegħi! Ġejt edukat minn omm Kattolika ħafna. Ta’ tnax-il sena sa anki rbaħt kompetizzjoni tal-katekiżmu bejn il-parroċċi kollha ta’ Ruma u tawni premju mill-Vigarjat. Kont nitqarben kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar, insomma kont nieħu sehem fil-liturġija u kont nemmen. Imma kollox inbidel meta dħalt il-Liċew. Fost testi oħra tal-filosofija li konna qed nistudjaw qrajt id-Diskors dwar il-metodu ta’ Descartes u laqtitni ħafna l-frażi, li l-lum saret ikona, “Naħseb, allura jien”. Hekk il-jien sar il-bażi ta’ l-eżistenza umana, is-sede awtonoma tal-ħsieb.
“Sadattant Descartes qatt ma ċaħad il-fidi f’Alla traxxendentali”.
Veru, imma kien poġġa l-pedament ta’ viżjoni għal kollox differenti, u lili ġrali li bdejt miexi f’dik it-triq li mbagħad, bl-għajnuna ta’ qari ieħor, wasslitni lejn xatt għal kollox differenti.
“Imma int, minn dak li fhimt jien, għalkemm ma temminx, m’intix anti-klerikali. Huma żewġ affarijiet differenti minn xulxin”.
Veru, anti-klerikali m’iniex, imma nsir hekk meta niltaqa’ ma’ xi klerikalista.
Hu jitbissem u jgħidli: “Anki lili jiġrili hekk, meta jiġi quddiemi xi klerikalista malajr insir anti-klerikali. Il-klerikaliżmu m’għandu jkollu xejn x’jaqsam mal-Kristjaneżmu. San Pawl, li kien l-ewwel wieħed li indirizza lill-Ġentili, il-pagani, dawk li jemmnu f’reliġjonijiet oħrajn, kien minn ta’ quddiem li għallimhulna dan”.
Santità, nista’ nistaqsik liema huma l-qaddisin li int tħosshom l-aktar qrib lejk u fuq liema minnhom fassalt l-esperjenza reliġjuża tiegħek?
“San Pawl hu dak li saħħaħ is-sisien tar-reliġjon tagħna u ta’ dak li nemmnu. Mingħajr San Pawl ma nistgħux inkunu Nsara konxji minn twemminna. Hu ttraduċa l-predikazzjoni ta’ Kristu fi struttura duttrinali li, imbagħad anki bl-aġġornamenti ta’ għadd kbir ta’ ħassieba, ta’ teologi, ta’ rgħajja ta’ l-erwieħ, baqgħet u għadha sħiħa wara elfejn sena. U mbagħad Wistin, Benedittu u Tumas u Injazju. U naturalment Franġisku. Hemm bżonn infissirlek għalfejn?”.
Franġisku – hawn għandi l-permess li lill-Papa nsejjaħlu hekk, għax hu stess jurik dan mill-mod kif jitkellem, kif jitbissem, bl-esklamazzjonijiet ta’ sorpriża jew ta’ kondiviżjoni – iħares lejja biex jinkuraġġini nagħmillu anki l-iżjed mistoqsijiet skabrużi u imbarazzanti għal wieħed li qed imexxi l-Knisja. Għalhekk nistaqsih: Dwar Pawlu fissirt l-importanza u r-rwol li kellu, imma nixtieq naf liema minn dawk li semmejt tħossu l-eqreb lejk?
“Qed titlobni klassifika, imma l-klassifiki jsiru jekk qed nitkellmu dwar sport jew dwar ħwejjeġ simili. Nista’ nagħtik isem l-aħjar plejers ta’ l-Arġentina. Imma l-qaddisin…”.
Jgħidu “scherza coi fanti” [ilgħab il-karti u l-qaddisin ħallihom, idjoma Taljana li tfisser li m’għandekx tħallat is-sagru mal-profan], tafu dan il-qawl?
“Appuntu. Imma ma nixtieqx naħrab mill-mistoqsija tiegħek, għax int ma tlabtnix klassifika skond l-importanza kulturali u reliġjuża, imma lil min inħoss l-eqreb lejja. Allura ngħidlek: Wistin u Franġisku”.
Mhux Injazju, int li ġej mill-Ordni tiegħu?
“Injazju, għal raġunijiet li jifhimhom kulħadd, hu dak li naf iżjed mill-oħrajn kollha. Waqqaf l-Ordni tagħna. Irrid infakkrek li minn dak l-Ordni kien ġej ukoll Carlo Maria Martini, għażiż tant għalija u anki għalik. Il-Ġiżwiti kienu u għadhom il-ħmira – mhux l-unika waħda imma forsi l-iżjed effikaċi – tal-Kattoliċiżmu: kultura, tagħlim, xhieda missjunarja, fedeltà lejn il-Papa. Imma Injazju, li waqqaf il-Kumpanija, kien ukoll riformatur u mistiku. Fuq kollox mistiku”.
U taħseb li l-mistiċi kienu importanti għall-Knisja?
“Kienu fundamentali. Reliġjon bla mistiċi hi biss filosofija”.
Int tħoss li għandek vokazzjoni mistika?
“Int x’jidhirlek?”.
Jien ma narax li għandek.
“Aktarx għandek raġun. Inħobbhom il-mistiċi; anki Franġisku, għal diversi aspetti ta’ ħajtu, kien mistiku, imma jien ma naħsibx li għandi dik il-vokazzjoni, u mbagħad jeħtieġ nifhmuha sew it-tifsira profonda ta’ dik il-kelma. Il-mistiku jaf kif ineżża’ lilu nnifsu minn dak kollu li jagħmel, mill-fatti, mill-iskopijiet tal-moħħ u saħansitra anki mill-pastorali missjunarja, u jogħla ’l fuq sa ma jilħaq il-komunjoni mal-Beatitudnijiet. Mumenti qosra li, imma, jimlew il-ħajja kollha”.
Int għaddejt minn dan xi darba?
“Rari. Ngħidu aħna meta l-Konklavi eleġġieni Papa. Qabel aċċettajt, tlabt li ninġabar għal ftit waħdi fil-kamra maġenb dik tal-gallarija li tagħti għal fuq il-pjazza. Kelli rasi votja minn kollox u ħassejtni maħkum minn ansjetà kbira. Biex jgħaddili u nirrilassa ftit, għalaqt għajnejja u għeb kull ħsieb minn moħħi, anki dak li nirrifjuta li naċċetta l-kariga, kif għal daqshekk tippermettilek il-proċedura liturġika. Għalaqt għajnejja u ma ħassejtx iktar ansjetà jew emozzjoni. F’ħin minnhom ħassejtni milqut minn dawl kbir, dam biss għal ftit ħin imma għalija deher twil ħafna. Imbagħad dan id-dawl ġie fix-xejn, jien f’salt wieħed qomt u mxejt lejn il-kamra fejn kienu qed jistennewni l-kardinali u l-mejda li fuqha kien hemm l-att ta’ l-aċċettazzjoni. Iffirmajtu, il-Kardinal Camerlengo poġġa l-kontrafirma, u mbagħad kien hemm l-Habemus Papam fuq il-gallarija”.
Bqajna għal ftit fis-skiet, imbagħad għidtlu: Konna qed nitkellmu fuq il-qaddisin l-iżjed qrib lejk u konna waqafna f’Wistin. Tixtieq tgħidli għaliex tħossu daqshekk qrib tiegħek?
“Anki l-predeċessur tiegħi għandu lil Wistin bħala punt ta’ riferiment. Dak il-qaddis għadda minn ħafna xorti f’ħajtu u bidel iżjed minn darba l-pożizzjoni tiegħu f’dik li hi duttrina. Kellu wkoll kliem iebes ħafna dwar il-Lhud, li qatt ma qbilt miegħu. Kiteb ħafna kotba u dak li jidhirli li jikxef l-iżjed l-intimità intellettwali u spiritwali tiegħu hu l-iStqarrijiet, li fihom ukoll xi manifestazzjonijiet ta’ mistiċiżmu, imma m’hux minnu li, kif fil-fatt isostnu ħafna, hu l-kontinwazzjoni ta’ Pawlu. Anzi, jara l-Knisja u l-fidi b’mod profondament differenti minn Pawlu, forsi anki għax kienu għaddew erba’ sekli bejn wieħed u l-ieħor”.
X’differenza hemm, Santità?
“Għalija huma differenti f’żewġ aspetti, sostanzjali. Wistin iħossu bla ħila quddiem l-immensità ta’ Alla u fid-dmirijiet li Nisrani u isqof għandu jwettaq. Imma fil-verità ma kien xejn bla ħila, imma xorta waħda kien dejjem iħoss ruħu wisq ’l isfel minn kemm xtaq u kellu jagħmel. U mbagħad il-grazzja li l-Mulej jagħti bħala element fundamentali tal-fidi. Tal-ħajja. Tas-sens tal-ħajja. Min ma jħallix il-grazzja tmissu, jista’ jkun persuna bla tebgħa u bla biża’, imma qatt m’hu ħa jkun bħal persuna li messitha l-grazzja. Din hi l-intuwizzjoni li jkollu Wistin”.
Int tħoss li l-grazzja messitek?
“Dan ħadd ma jista’ jkun jafu. Il-grazzja ma tagħmilx parti mill-għarfien tagħna, hi l-kwantità ta’ dawl li għandna fir-ruħ tagħna, mhux ta’ l-għerf u lanqas tar-raġuni. Anki int, mingħajr ma taf b’xejn, taf tkun mimsus mill-grazzja”.
Mingħajr fidi? Ma nemminx?
“Il-grazzja għandha x’taqsam mar-ruħ”.
Jien ma nemminx li hemm ruħ.
“Ma temminx, imma għandek waħda”.
Santità, int kont għidt li m’għandek l-ebda intenzjoni li tikkonvertini u naħseb li m’hux ħa jirnexxielek.
“Min jaf! Imma, hu x’inhu, m’għandi l-ebda intenzjoni”.
U Franġisku?
“Hu tassew kbir għax fih hemm minn kollox. Bniedem li jrid iwettaq, irid jibni, iwaqqaf Ordni u r-regoli tiegħu, hu pellegrin u missjunarju, hu poeta u profeta, hu mistiku, hu ġarrab il-ħażen ġewwa fih stess u ħareġ minnu, iħobb in-natura, l-annimali, il-ħaxix ta’ l-għelieqi u l-għasafar li jittajru fis-sema, imma fuq kollox iħobb il-bnedmin, it-tfal, ix-xjuħ, in-nisa. Hu l-eżempju l-iżjed jixgħel ta’ dik l-agape li fuqha konna qed nitkellmu qabel”.
Għandek raġun, Santità, id-deskrizzjoni li tajt hi perfetta. Imma għaliex ħadd mill-predeċessuri tiegħek ma għażel dan l-isem? U skond jien, ħadd minn dawk li jiġu warajk m’hu ħa jagħżlu?
“Dan ma nafuhx, ma nagħmlux ipoteżijiet fuq il-futur. Veru, qabli ħadd m’għażlu. Hawn għandna quddiemna l-problema tal-problemi. Trid tixrob xi ħaġa?”.
Grazzi, forsi tazza ilma.
Iqum, jiftaħ il-bieb u jitlob lil kollaboratur tiegħu li hemm fid-daħla biex iġiblu żewġ tazzi ilma. Jistaqsini rridx kafè, u nwieġbu li le. Jasal l-ilma. Sa tmiem il-konverżazzjoni t-tazza tiegħi tkun vojta, imma tiegħu tibqa’ mimlija. Inaddaf gerżumtu u jibda.
“Franġisku ried Ordni mendikanti u anki itineranti. Missjunarji li jfittxu li jiltaqgħu, jisimgħu, jiddjalogaw, jgħinu, ixerrdu l-fidi u l-imħabba. Fuq kollox l-imħabba. U xxennaq għal Knisja fqira li tieħu ħsieb ta’ l-oħrajn, tilqa’ l-għajnuna materjali u tużaha biex issostni lil oħrajn, mingħajr ebda ħsieb tagħha nfisha. Għaddew tmien mitt sena minn dak in-nhar u ż-żminijiet inbidlu ħafna, imma l-ideal ta’ Knisja missjunarja u fqira jibqa’ iżjed minn validu. Din wara kollox hi l-Knisja li ppriedkaw Ġesù u d-dixxipli tiegħu”.
Intom l-Insara issa qegħdin f’minoranza. Saħanistra fl-Italja, imlaqqma l-ġnien tal-Papa, il-Kattoliċi prattikanti skond ċertu stħarriġ jilħqu bejn it-8 u l-15%. Il-Kattoliċi li jgħidu li huma Kattoliċi imma fil-verità ftit li xejn huma jgħaqqdu inqas minn 20%. Fid-dinja jeżistu biljun Kattoliċi u anki iżjed, u bil-Knejjes Insara l-oħra, taqbżu l-biljun u nofs, imma l-pjaneta fiha bejn 6 u 7 miljun ruħ. Ċertament intom ħafna, speċjalment fl-Afrika u fl-Amerika Latina, imma minoranzi.
“Dejjem hekk konna, imma t-tema tal-lum m’hix din. Personalment jien tal-fehma illi li tkun minoranza hi wkoll qawwa. Irridu nkunu ħmira ta’ ħajja u ta’ mħabba, u l-ħmira hi wisq iċken fl-għadd mill-massa tal-frott, tal-fjuri tas-siġar li jitwieldu minn dik il-ħmira. Jidhirli li ġa għidt qabel li l-għan tagħna m’hux il-proselitiżmu imma li nisimgħu l-ħtiġijiet, ix-xewqat, id-delużjonijiet, id-disperazzjoni, it-tama tan-nies. Jeħtieġ nagħtu tama ġdida liż-żgħażagħ, ngħinu lill-anzjani, ninfetħu lejn il-ġejjieni, inqassmu l-imħabba. Fqar qalb il-foqra. Irridu ninkludu dawk li ġew esklużi u nippriedkaw il-paċi. Il-Konċilju Vatikan II, ispirat mill-Papa Ġwanni XXIII u minn Pawlu VI, iddeċieda li jħares lejn il-futur bi spirtu modern u li jinfetaħ għall-kultura moderna. Il-Padri Konċiljari kienu jafu li l-ftuħ għall-kultura moderna kellu jfisser ekumeniżmu reliġjuż u djalogu ma’ dawk li ma jemmnux. Wara dak in-nhar sar ftit wisq f’dik id-direzzjoni. Jien għandi l-umiltà u l-ambizzjoni li dan irrid nagħmlu”.
Anki għax – ippermettili nżid – is-soċjetà moderna fil-pjaneta kollha għaddejja minn mument ta’ kriżi profonda, u mhux biss ekonomika imma wkoll soċjali u spiritwali. Int fil-bidu ta’ din il-laqgħa tagħna tkellimt dwar ġenerazzjoni mwaħħla mal-preżent. Anki aħna li ma nemmnux inħossuha din it-tbatija kważi antropoloġika. Hu għalhekk li aħna nixtiequ niddjalogaw ma’ min jemmen u ma’ min jirrappreżentahom l-aħjar.
“Jien ma nafx jekk iniex l-aħjar wieħed biex nirrappreżentahom, imma l-Providenza qegħditni fit-tmun tal-Knisja u tad-Djoċesi ta’ Pietru. Nagħmel dak kollu li nista’ biex inwettaq sew il-mandat li ġie fdat lili”.
Ġesù, kif fakkart inti, qal: Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek. Taħseb li dan fil-fatt seħħ?
“Sfortunatament le. L-egoiżmu kiber u l-imħabba lejn l-oħrajn naqset”.
Mela dan hu l-għan komuni bejnietna: ta’ l-inqas li nibbilanċjaw l-intensità ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ mħabba. Il-Knisja tiegħek tħossha lesta u attrezzata biżżejjed biex twettaq din il-ħidma?
“Int x’taħseb?”.
Naħseb li l-imħabba għall-poter temporali għadha wisq qawwija bejn il-ħitan tal-Vatikan u fl-istruttura istituzzjonali tal-Knisja kollha kemm hi. Naħseb li l-Istituzzjoni qed tieħu iktar importanza mill-Knisja fqira u missjunarja li tixtieq int.
“Fil-fatt l-affarijiet hekk huma u f’dan il-qasam ma jsirux mirakli. Infakkrek li anki Franġisku fi żmienu kellu jinnegozja fit-tul mal-ġerarkija Rumana u mal-Papa biex huma jirrikonoxxu r-regoli ta’ l-Ordni tiegħu. Fl-aħħar kiseb l-approvazzjoni, imma b’bidliet kbar u b’kompromessi”.
Int ħa jkollok timxi fl-istess triq?
“Żgur li m’iniex Franġisku ta’ Assisi u m’għandix il-qawwa u l-qdusija tiegħu. Imma jien l-Isqof ta’ Ruma u l-Papa tal-Kattoliċiżmu. L-ewwel ħaġa li ddeċidejt kienet li nwaqqaf grupp ta’ tmien kardinali li jkunu l-kunsill tiegħi. Mhux nies tal-palazzi u l-qrati, imma nies għorrief u mħeġġa mill-istess sentimenti li għandi jien. Dan hu l-bidu ta’ dik il-Knisja b’organizzazzjoni mhux biss vertikali imma anki orizzontali. Meta l-Kardinal Martini tkellem b’enfasi fuq il-Konċilji u s-Sinodi, kien jaf tajjeb kemm hi twila u diffiċli t-triq li tieħu lejn dik id-direzzjoni. Bi prudenza, b’fermezza u rieda soda”.
U l-politika?
“Għax qed tistaqsini? Diġà għidt li l-Knisja ma tindaħalx fil-politika”.
Imma propju xi jiem ilu għamilt appell lill-Kattoliċi biex jimpenjaw ruħhom ċivilment u politikament.
“Ma dortx biss fuq il-Kattoliċi, imma fuq il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Għidt li l-politika hi l-ewwel waħda fost l-attivitajiet ċivili u għandha qasam ta’ azzjoni tagħha li m’hux dak tar-reliġjon. Id-definizzjoni ta’ l-istituzzjonijiet politiċi hi waħda lajka u dawn jaħdmu fi sferi indipendenti. Dan qaluh il-predeċessuri kollha tiegħi, ta’ l-inqas dan l-aħħar għal bosta snin, anki jekk b’aċċenti differenti. Jiena nemmen li l-Kattoliċi impenjati fil-politika għandhom fihom il-valuri tar-reliġjon, imma għandhom ukoll il-kuxjenza matura u l-kompetenza biex ipoġġuhom fil-prattika. Il-Knisja qatt m’hi ħa tmur iżjed lil hemm mid-dmir tagħha li tesprimi u xxerred il-valuri tagħha, ta’ l-inqas kemm indum hawn jien”.
Imma mhux dejjem kienet hekk il-Knisja.
“Kważi qatt ma kienet hekk. Spiss il-Knisja bħala istituzzjoni kienet iddominata mit-temporaliżmu, u bosta membri u esponenti Kattoliċi għadhom jaħsbuha hekk. Imma issa ħalli lili nagħmillek mistoqsija: Int, lajk li ma temminx f’Alla, fiex temmen? Int kittieb u bniedem ta’ ħsieb. F’xi ħaġa temmen, xi valur importanti għandek. Tweġibnix bi kliem bħall-onestà, ir-riċerka, il-viżjoni tal-ġid komuni; kollha huma prinċipji u valuri importanti, imma mhux dan li qed nistaqsik. Qed nistaqsik x’taħseb dwar l-essenza tad-dinja, anzi ta’ l-univers. Żgur li, bħal kulħadd, tistaqsi lilek innifsek aħna min aħna, minn fejn ġejjin, lejn fejn sejrin. Anki tifel ta’ ftit snin jagħmilhom dawn il-mistoqsijiet. U int?”.
Nirringrazzjak ta’ din il-mistoqsija. It-tweġiba tiegħi hi din: jien nemmen fl-Essri, jiġifieri fin-nisġa li minnha joħorġu l-forom, l-Enti.
“Jien nemmen f’Alla. Mhux f’Alla Kattoliku, għax ma jeżistix Alla Kattoliku, jeżisti Alla. U nemmen f’Ġesù Kristu, l-inkarnazzjoni tiegħu. Ġesù hu l-imgħallem u r-ragħaj tiegħi, imma Alla, il-Missier, Abbà, hu d-dawl u l-Ħallieq. Dan hu l-Essri tiegħi. Jidhirlek li aħna daqshekk imbegħdin minn xulxin?”.
Imbegħdin fil-ħsieb, imma simili bħala persuni umani, li bla ma nafu aħna mmexxija mill-istinti tagħna li jinbidlu f’impulsi, sentimenti, rieda, ħsieb u raġuni. F’dan aħna simili.
“Imma dak li intom issejħulu l-Essri, tista’ tfissirli kif timmaġinah?”.
L-Essri hu nisġa ta’ enerġija. Enerġija kaotika imma li ma tistax tinqered u hi eternament kaotika. Minn din l-enerġija joħorġu l-forom meta l-enerġija tasal f’punt li tesplodi. Il-forom għandhom il-liġijiet tagħhom, l-oqsma manjetiċi tagħhom, l-elementi kimiċi tagħhom, li jitħalltu bl-addoċċ, jevolvu, u fl-aħħar jiġu fix-xejn, imma l-enerġija tagħhom ma tinqeridx. Il-bniedem aktarx hu l-uniku annimal mogħni bil-ħsieb, ta’ l-inqas f’din il-pjaneta u fis-sistema solari tagħna. Għidt li hu mmexxi minn stinti u xewqat, imma nżid li ġo fih għandu wkoll riżonanza, eku, vokazzjoni ta’ kaos.
“Tajjeb. Ma kellix bżonn ta’ ġabra tal-filosofija tiegħek u tajtni dak li kelli bżonn. Min-naħa tiegħi nosserva li Alla hu dawl li jdawwal id-dlamijiet, anki jekk ma jeqridhomx, u xrara ta’ dak id-dawl divin tinsab f’kull wieħed u waħda minna. Fl-ittra li kont ktibtlek niftakar li kont għidtlek li anki l-ispeċi tagħna għad tispiċċa, imma ma jintemmx id-dawl ta’ Alla li mbagħad jidħol fl-erwieħ kollha u kollox ikun f’kulħadd”.
Iva, niftakar tajjeb, għidtli li “id-dawl kollu jkun f’kull ruħ”, ħaġa li – jekk tippermettili – iktar tagħti idea ta’ immanenza milli ta’ traxxendenza.
“It-traxxendenza tibqa’, għax dak id-dawl, li hu kollox f’kulħadd, jittraxxendi l-univers u l-ispeċi li jkunu jgħixu fih f’dik il-fażi. Imma niġu lura għall-preżent. Imxejna pass ’il quddiem fid-djalogu tagħna. Għidna li fis-soċjetà u fid-dinja li fiha ngħixu, l-egoiżmu kiber iżjed mill-imħabba għall-oħrajn u l-bnedmin ta’ rieda tajba jridu jħabirku, kull wieħed bis-saħħa u l-kompetenza tiegħu, biex jagħmlu mod li l-imħabba lejn l-oħrajn tikber sakemm tiġi daqs l-imħabba lejna nfusna u possibbilment tgħaddiha”.
Hawnhekk anki l-politika għandha sehem x’tagħti.
“Daż-żgur. Personalment naħseb li l-hekk imsejjaħ liberiżmu selvaġġ m’hu jagħmel xejn ħlief isaħħaħ lil min hu b’saħħtu, idgħajjef lil min hu dgħajjef, u jeskludi lil min hu eskluż. Hemm bżonn ta’ libertà kbira, mingħajr diskriminazzjoni, mingħajr demagoġija u b’ħafna mħabba. Għandna bżonn ta’ regoli ta’ mġiba u anki, jekk ikun hemm il-ħtieġa, ta’ interventi diretti min-naħa ta’ l-Istat biex jikkoreġi n-nuqqas ta’ ugwaljanzi l-iżjed intollerabbli”.
Santità, inti żgur persuna ta’ fidi kbira, li ħallejt il-grazzja tmissek, u għandek rieda qawwija li tniedi mill-ġdid Knisja pastorali, missjunarja, mimlija b’ħajja ġdida u mhux moħħha fil-ħwejjeġ ta’ l-art. Imma minn kif titkellem u minn dak li qed nifhem, int diġà int u ħa tkun Papa rivoluzzjonarju. Nofsok Ġiżwita, nofsok ta’ Franġisku, għaqda li forsi konna għadna qatt ma rajna. U mbagħad, jogħġbuk il-‘Promessi Sposi’ ta’ Manzoni, Holderlin, Leopardi u fuq kollox Dostoevskij, il-film ‘La strada’ u ‘Prova d’orchestra’ ta’ Fellini, ‘Roma città aperta’ ta’ Rossellini u anki l-films ta’ Aldo Fabrizi.
“Dawn jogħġbuni għax kont narahom mal-ġenituri tiegħi meta kont għadni żgħir”.
Hekk hu. Nista’ nissuġġerilek tara żewġ films li ħarġu dan l-aħħar? ‘Viva la libertà’ u l-film ta’ Ettore Scola dwar Fellini. Jien ċert li jogħġbuk. Fuq il-poter ngħidlek dan: taf li ta’ għoxrin sena kont għamilt xahar u nofs ta’ eżerċizzi spiritwali għand il-Ġiżwiti? Kien hemm in-Nażisti f’Ruma u jien kont tlaqt mil-lieva militari. Il-piena kienet il-kundanna għall-mewt. Il-Ġiżwiti laqgħuna għandhom bil-kundizzjoni li ridna nagħmlu l-eżerċizzi spiritwali għal kemm indumu moħbija fid-dar tagħhom, u hekk kien.
“Imma impossibbli tirreżisti xahar u nofs ta’ eżerċizzi spiritwali”, jgħidli mistagħġeb u kważi jidħak. X’ġara wara nirrakontahulu d-darba li jmiss.
Ngħannqu lil xulxin. Nitilgħu t-tarġa żgħira li tagħti għall-bieb. Nitlob lill-Papa biex ma joqgħodx jakkumpanjani, imma hu jwaqqafni b’ġest. “Nitkellmu wkoll fuq ir-rwol tan-nisa fil-Knisja.
Ftakar li l-Knisja hi femminili”.
U jekk trid, nitkellmu wkoll fuq Pascal. Nieħu gost inkun naf kif taħsibha fuq dak il-bniedem kbir.
“Wassal il-barka tiegħi lill-familjari kollha tiegħek u għidilhom jitolbu għalija. Ftakar fija, ftakar fija spiss”.
Nieħdu b’idejn xulxin u jibqa’ wieqaf b’subgħajh ’il fuq b’sinjal ta’ barka. Jien insellimlu mit-tieqa.
Dan hu l-Papa Franġisku. Jekk il-Knisja ssir kif jaħsibha u kif jixtieqha hu, tkun inbidlet epoka sħiħa!
Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.
|