DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-KAPITLU ĠENERALI

TAL-OBLATI TA’ SAN ĠUŻEPP

(ĠUŻEPPINI TA’ ASTI)

 

Sala tal-Konċistorju

Il-Ġimgħa 31 ta’ Awwissu 2018

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

San Ġużepp jinsab għal qalbi, għandu “qawwa” kbira! Ilni iktar minn erbgħin sena ngħid talba li sibt f’missal Franċiż antik li dwar San Ġużepp tgħid “...dont la puissance sait rendre possibles les choses impossibles”. Il-qawwa ta’ San Ġużepp. Qatt, qatt ma qal le. Dan għandu jagħmlilna kuraġġ. Hu bi pjaċir kbir li qed niltaqa’ magħkom fl-okkażjoni tal-Kapitlu Ġenerali tagħkom. Nilqagħkom. Nixtieq insellem, b’mod partikolari, lil Padre Jan Pelczarski, elett Superjur Ġenerali f’dawn il-jien, u nawgura lilu u lill-Kunsillieri tiegħu fil-bidu tal-missjoni tagħhom. Fl-istess ħin, nixtieq nirringrazzja lil Padre Michele Piscopo għas-servizz ġeneruż tiegħu fit-tmexxija tal-Kongregazzjoni. Nirringrazzjakom u nawguralkom! Nixtieq inwassal ukoll dawn is-sentimenti ta’ affett lill-Familja reliġjuża kollha li intom, Padri Kapitulari, qegħdin tirrappreżentaw hawn, u nixtieq inħeġġiġkom ilkoll biex tibqgħu tipperseveraw fl-ambiti appostoliċi rispettivi tagħkom.

 

Il-Kapitlu Ġenerali ta’ Istitut tal-ħajja kkonsagrata żgur li huwa mument speċjali ta’ grazzja għall-membri u għall-komunitajiet fi ħdanu. Iżda din il-grazzja ma tmissx lil dawn biss, iżda tasal f’ħafna realtajiet ekkleżjali, parrokkjali, familji u aggregazzjonijiet ta’ lajċi li jistgħu jkunu magħqudin magħhom b’modi differenti. Il-missjoni li għaddielkom il-fundatur tagħkom, San Ġużepp Marello, tixhed il-kariżma partikolari tagħkom: li fil-ħajja u fl-appostolat tgħixu l-ideal tas-servizz bħalma għexu San Ġużepp ta’ Nazaret. L-ewwel nett billi timitaw l-istil ta’ ħajja diskret, umli u ħabrieki tiegħu. Huwa għex b’lealtà u b’sempliċità l-vokazzjoni tiegħu ta’ ħarries ta’ Marija u Ġesù. Huwa baqa’ viċin ta’ martu fil-mumenti ta’ ferħ u f’dawk diffiċli, u flimkien magħha bena relazzjoni tant sabiħa ma’ Ġesù, li qatt ma naqas milli jżomm taħt għajnejh.

 

Mogħnija bil-ħidma sempliċi bħal dik ta’ San Ġużepp, intom imsejħin biex fid-dinja tkunu xhieda ta’ messaġġ partikulari, ta’ aħbar tajba li tfarraġ il-qalb: jiġifieri li Alla jinqeda b’kulħadd biex jiżra’ u jkabbar is-Saltna tiegħu, b’mod partikolari b’min hu l-iżgħar u li f’għajnejn il-bnedmin għandu l-inqas x’joffri. Nawguralkom li tibqa’ dejjem immarkata f’ħajjitkom u fil-ferħ tagħkom ix-xewqa li taqdu lil Ġesù fil-Knisja u fil-proxxmu, b’attenzjoni partikulari lejn iż-żagħżagħ u lejn l-iktar ċkejkna. Ħa jkun ta’ dawl għalikom il-kliem tal-qaddis fundatur tagħkom, li huma dejjem attwali: “Ġużeppini fqajra tal-Ospizju-Cronici, saċerdoti minuri, intom m’intom xejn u m’għandkomx minn dawk li jissejħu pożizzjonijiet li jippromettu għall-futur, safrattant il-Mulej jinqeda bikom ukoll għall-ġid tal-erwieħ. Tistgħu tgħidu: ‘servi inutiles sumus‘ [‘aħna qaddejja li ma niswew għal xejn‘], imma fuq kollox araw li kuljum tagħmlu l-parti tagħkom skont kif tiġi mitluba minnkom mir-rieda ta’ Alla, permezz ta’ min jirrappreżentaha; u jkun tajjeb li l-bnedmin ‘vident opera vestra bona et glorificent Patrem vestrum qui in coelis est‘ [‘jaraw l-opri tajba tagħkom u jagħtu glorja lill-Missier tagħkom li qiegħed fis-smewwiet’]” (Epistolario, Lett. 241).

 

Inħeġġiġkom għalhekk biex tkomplu tgħixu u taħdmu fil-Knisja u fid-dinja permezz tal-virtuijiet sempliċi u essenzjali tal-Għarus tal-Verġni Marija: l-umiltà, li tiġbed lejha l-imħabba tal-Missier; l-intimità mal-Mulej, li tqaddes kull ħidma Kristjana; is-silenzju u x-xogħol fil-moħbi, flimkien mal-attenzjoni u mal-ħidma favur ir-rieda tal-Mulej, fl-ispirtu ta’ dak li Marello fi ftit kliem ħallielkom bħala motto u programm: “Kunu metikolużi fid-dar u appostli barra mid-dar”. Din it-tagħlima, li dejjem għandha tibqa’ ħajja fl-ispirtu tagħkom, hija impenn għalikom ilkoll, għeżież ħuti, sabiex trawmu fid-djar reliġjużi klima ta’ ġabra u talb, li tinħoloq permezz tas-silenzju u ta’ laqgħat komunitarji meta jkun hemm bżonn. L-ispirtu ta’ familja jsaħħaħ l-għaqda tal-komunitajiet u tal-Kongregazzjoni kollha.

 

San Ġużepp Marello kien iħeġġeġ lill-ulied spiritwali tiegħu biex fl-ewwel post ipoġġu l-imħabba u l-ubbidjenza lejn it-tagħlim u d-direttivi tal-Qdusija Tiegħu l-Papa. Dakinhar kienu żminijiet ta’ razzjonaliżmu u kuntrast lejn kull domma spiritwali; iż-żminijiet tagħna huma kkaratterizzati minn relattiviżmu dejjem jiżdied, li jmermer il-pedamenti tal-fidi u jneżża’ mis-sinifikat l-istess idea ta’ x’inhi l-fidi Kristjana. Għalhekk huwa tabilħaqq attwali l-mandat li takom il-fundatur tagħkom biex kullimkien tkunu xhieda ta’ mħabba lejn Kristu u lejn il-Knisja tiegħu. Lin-nies ta’ kull parti tad-dinja, b’mod partikulari liż-żgħażagħ, li magħhom taħdmu l-iktar fl-appostolat tagħkom, intom tgħallmuhom, permezz tal-ħajja u tal-kliem, li l-eżempju ta’ Ġużeppi ta’ Nazaret, ikkonsagrat kompletament fis-servizz lil Ġesù, għadu sal-lum it-triq l-iktar sempliċi, l-iktar żgura u l-iktar affaxxinanti biex tgħix ħajja u vokazzjoni Kristjana fil-milja tagħha u fejn ma jonqosx il-ferħ.

 

Quddiem kultura superfiċjali li tagħti importanza lil min ikollu l-ġid materjali u li twiegħed il-ferħ permezz ta’ toroq iqsar, li huma biss ta’ periklu, intom ma tonqsux li toffru stimoli liż-żgħażagħ biex irawmu fihom spirtu sod u jiffurmaw personalità matura, li kapaċi tkun qawwija imma anki li turi ħniena. U l-ikbar ferħ huwa li titkellmu maż-żgħażagħ dwar Ġesù Kristu, li taqraw magħhom l-Evanġelju, u flimkien tqabbluh mal-ħajja ta’ kuljum... Din hi l-aħjar triq biex tibni futur fuq pedamenti sodi.

 

L-interċessjoni taż-żewġ qaddisin bl-istess isem, San Ġużepp il-Patrun tal-Knisja universali u San Ġużepp il-fundatur tagħkom, żgur li tgħin biex il-ħidma tal-Kapitlu tħalli l-frott. Tgħin il-missjoni tal-familja Marelliana: Oblati rġiel u nisa, aggregati u lajċi li magħkom jgħixu l-ispiritwalità tagħkom. Nagħtikom il-barka tiegħi mill-qalb, u nitlobkom biex titolbu għalija.