IL-PAPA BENEDITTU XVI
Minn Harry Agius Ordway

Joseph Ratzinger, Papa Benedittu XVI, twieled
f’Marktl am Inn, Djoċesi ta’ Passau,
fil-Ġermanja, fis- 16 ta’ April, li nzerta kien
Sibt il-Għid, fl-1927. Hu kien ġie mgħammed dak
inhar stess. Missieru, li kien pulizija, kien
ġej minn familja antika ta’ bdiewa, li la kienet
sinjura ‘mma lanqas kienet fqira, min-naħa
t’isfel tal-Bavarja. Ommu kienet bint artiġjani
minn Rimsting fuq ix-xatt tal-Għadira Chiem u
qabel iżżewġet ħadmet ta’ koka f’bosta lukandi.

Joseph qatta’ ż-żgħorija u l-adolexxenza tiegħu
fi Traunstein, raħal żgħir qrib il-fruntiera
Awstrijaka, daqs tletin kilometru bogħod minn
Salzburg. F’dan l-ambjent, li hu kien iqiesu ‘Mozartjan’,
hu kiseb il-formazzjoni tiegħu Kristjana,
kulturali, u umana.
Iż-żgħożija tiegħu ma kenitx ħafifa. Il-Fidi u
l-edukazzjoni li kien irċieva f’daru ppreparawh
sew għall-esperjenzi ħorox ta’ dawk iż-żmenijiet
meta r-reġim Nażista kien qed jerfa’ rasu kontra
l-Knisja Kattolika. Iż-żagħżugħ Joseph kien
preżenti meta n-Nażisti sawtu bl-aħrax
lill-Kappillan qabel ma bdiet il-Quddiesa. Kien
preċiżament matul dan iż-żmien daqstant kiefer
li hu sab is-sbuħija u l-verità tal-Fidi fi
Kristu, naturalment dejjem grazzi għall-mod kif
il-familja tiegħu dejjem tat xhieda ċara u ħajja
ta’ tjubija u mħabba minħabba l-għeruq sodi li
bihom kienet marbuta mal-Knisja.

Matul l-aħħar xhur tal-gwerra hu kien, kif
ngħidu bil-Malti, miġbur bil-lieva fil-korp
tal-armata ta’ kontra l-ajruplani Mill-1946
sal-1951 hu studja il-filosofija u t-teoloġija
fl-Iskola Terzjarja tal-Filosofija u tat-Teoloġija
ta’ Freising u fl-Università ta’ Munich. Hu ġie
ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 1951. Sena wara
beda jgħallem fl-Iskola Terzjarja ta’ Freising.
Fl-1953 hu kiseb it-dottorat fit-teoloġija bit-teżi
“Il-Bnedmin u d-Dar t’Alla fid-Duttrina
tal-Knisja skont San Wistin.” Erba’ snin
wara, taħt itd-direzzjoni tal-magħruf professur
tat-teoloġija fundamentali, Gottlieb Söhngen,
Joseph Ratzinger ikkwalifika biex jgħallem
f’Università bit-teżi tiegħu dwar “It-Teoloġija
tal-Istorja f’San Bonavventura.”
Wara li għallem dwar it-teoloġija dogmatika u
fundamentali fl-Iskola Terzjarja tal-Filosofija
u t-Teoloġija fi Freising, ir-Rev.Jospeh
Ratzinger mar jgħallem f’Bonn, mill-1959
sal-1963, f’Münster mill-1963 sal-1966, u
f’Tübingen mill-1966 sal-1969. Matul din l-aħħar
sena, 1969, hu kien l-Kap tad-dommatiku u l-istorja
tad-domma fl-Università ta’ Regensburg, fejn
kien ukoll Viċi-President tal-istess Università.

Ta’ min jgħid illi bejn l-1962 u l-1965, ir-Rev.
Joseph Ratzinger kellu sehem kbir matul
il-Konċilju Vatikan II bħala “espert”;
fil-fatt hu kien hemm bħala konsulent
tal-Kardinal Joseph Frings, Arċisqof ta’ Kolonja.
Il-ħidma fejjieda u xjentifika tiegħu wittietlu
t-triq għal bosta mpenji importanti
fil-Konferenza tal-Isqfijiet Ġermaniżi u
fil-Konferenza Teoloġika Internazzjonali.
Fl-1972, flimkien ma’ Hans Urs von Balthasar,
Henri de Lubac, u teologi oħra ta’ fama, ir-Rev.
Joseph Ratzinger, waqqaf il-ġurnal teoloġiku “Communio.”

Fil-25 ta’ Marzu, 1977, il-Papa Pawlu VI
innominah Arċisqof ta’ Munich u Freising. Fit-28
ta’ Mejju tal-istess sena rċieva l-ordinazzjni
episkopali. Hu kien l-ewwel qassis Djoċesan fi
80 sena li ħa it-tmexxija pastorali
tal-Arċidjoċesi kbira tal-Bavarja. Il-motto
episkopali tiegħu kien: ‘Ko-operaturi
tal-verità.” Din l-għażla fissirha hekk: “Fuq
naħa waħda rajtha bħala r-relazzjoni bejn
il-ħidma li kelli qabel ta’ professur u l-missjoni
l-ġdida fdata f’idejja. Għalkemm fiż-żewġ każi
l-mod kif wieħed imexxihom huwa differenti,
madankollu l-qofol ta’ kollox hu li wieħed jimxi
mal-verità u li jkun ta’ servizz. Min-naħa l-oħra
għażilt dan il-‘motto’ għaliex fid-dinja tal-lum
it-tema tal-verità hi mwarrba kważi għal kollox,
meqjusha bħala xi ħaġa kbira wisq għall-bniedem,
u fl-istess waqt jekk il-verità titwarrab kollox
jisfuma fix-xejn.” Il-Papa Pawlu VI, matul
il-Konċistorju tas-27 ta’ Ġunju tal-istess sena,
għamlu Kardinal bit-titlu saċerdotali ta’ “Santa
Marija Konsolatriċi ta’ Tiburtino.”

Fl-1978 il-Kardinal Ratzinger ħa sehem
fil-Konklavi tal-25 u 26 ta’ Awwissu meta kien
ġie magħżul Ġwanni Pawlu I, li għażlu bħala l-Mibgħut
tiegħu fit-Tielet Kungress Marjoloġiku
li kien qed jiġi ċċelebrat ġewwa Guayaquil
fl-Ekwador bejn is-16 u l-24 ta’ Settembru.
Fix-xahar ta’ Ottubru, dejjem tal-istess sena hu
ħa sehem fil-Konklavi li matulhom ntagħażel Papa
Ġwanni Pawlu II. Hu kien ir-rappreżentant tal-Papa
fil-Ħames Assemblea Ġenerali Ordinarja
tas-Sinodu tal-Isqfijiet li saret fl-1980 bit-tema:
“Il-Missjoni tal-Familja Nisranija fid-Dinja
tal-lum,” kif ukoll President Delegat
tas-Sitt Assemblea Ġenerali Ordinarja fl-1983
dwar “Ir-Rikonċiljazzjoni u l-Penitenza
fil-missjoni tal-Knisja.”
Ġwanni Pawlu II kien ħatru Prefett
tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi u
President tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika u
tal-Kummissjoni Internazzjonali tat-Teoloġija
fil-25 ta’ Novembru 1981.
Fil-15 ta’ Frar 1982, il-Kardinal Ratzinger
irriżenja mit-tmexxija tiegħu tal-Arċidjoċesi ta’
Munich u Freising. Fil-5 ta’ April 1993,
il-Qdusija Tiegħu Ġwanni Pawlu II għollieh
għall-Ordni tal-Isqfijiet u tah is-Sede
fis-subborg ta’ Velletri-Segni. Hu kien
President tal-Kummissjoi Preparatorja
tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, li wara sitt
snin ta’ ħidma, bejn l-1986 u 1992, ippreżentat
il-Katekiżmu l-Ġdid lill-Papa. Fis-6 ta’
Novembru 1998, il-Papa approva l-ħatra
tal-Kardinal Ratzinger bħala Viċi-Dekan
tal-Kulleġġ tal-Kardinali, fuq talba
tal-Kardinali tal-Ordni tal-Isqfijiet. Fit-30 ta’
Novembru 2002 il-Papa approva l-ħatra
tal-Kardinal Ratzinger bħala id-Dekan, u
flimkien ma’ dan l-uffiċċju hu ġie fdat bis-Sede
tas-subborg ta’ Ostia. Fl-1999 hu kien il-Mibgħut
Speċjali tal-Papa għaċ-Ċelebrazzjoni tat-Tnax-il
Ċentinarju tat-twaqqif tad-Djoċesi ta’
Paderborn, ġewwa l-Ġermanja li kienet saret
fit-3 ta’ Jannar. Il-Kardinal Ratzinger kien ilu
Akkademiku Onorarju tal-Akkademja Pontifiċja
tax-Xjenzi sa mit-13 ta’ Novembru tas-sena 2000.

Fil-Kurja Rumana hu kien membru tal-Kunsill
tas-Segretarjt tal-Istat għar-Relazzjonijiet
mal-Istati; tal-Kongregazzjonijiet
għall-Knejjes Orjentali, għall-Adorazzjoni
Divina u għad-Dixxiplina tas-Sagramenti,
għall-Isfijiet, għall-Evanġelizzazzjoni tal-Ġnus,
għall-Edukazzjoni Kattolika, għall-Kleru u
għall-Kawżi tal-Qaddisin; tal-Kunsilli
Pontifiċji għall-Promozzjoni tal-Għaqda
Kristjana, u għall-Kultura;tat-Tribunal Suprem
għas-Signatura Appostolika, u
tal-Kummissjonijiet Piontifiċji għall-Amerika
Latina, “Ecclesia Dei”,
għall-Interpretazzjoni Awtentika tal-Kodiċi
tal-Liġi Kanonika, u għar-Revizjoni tal-Kodiċi
tal-Liġi Kanonika tal-Knejjes tal-Orjent.
Fost il-bosta pubblikazzjonijiet tiegħu ta’ min
jiġbed attenzjoni speċjali għall-kitba tiegħu “Introduzzjoni
għall-Kristjaneżmu” , ippubblikat fl-1968,
li hija ġabra ta’ taħditiet li ta fl-Università
dwar il-Kredu tal-Appostli; “Domma u
Predikazzjoni”(1973) li hija antoloġija ta’
esejs, prietki u riflessjonijiet iddedikati għal
diskussjonijiet pastorali. It-taħdita tiegħu
lill-Akkademja Kattolika tal-Bavarja dwar “Għaliex
għadni fil-Knisja”, li biex ngħidu
hekk għamet ħoss kbir, fiha, bis-soltu ċarezza
tiegħu jistqarr: “wieħed jista’ jkun biss
Nisrani fi ħdan il-Knisja, u mhux
maġenbha.”

Il-pubblikazzjonijiet tiegħu huma mxerrda fuq
numru ta’ snin u joħolqu punti ta’ referenza
għal bosta nies speċjalment għal dawk
interessati li jidħlu fil-fond tal-istudji dwar
it-teoloġija. Fl-1985 ir-Rev. Joseph Ratzinger
ippubblika ktieb forma ta’ intervista dwar
il-qagħda tal-Fidi, ir-Rapport Ratzinger,
u fl-1996 ippubblika “Melħ tal-Art.” Meta
għalaq 70 sena ġie ppubblikat il-volum “Fl-Iskola
tal-Verità” fejn wieħed isib artikli minn
bosta kittieba li jitkellmu dwar aspetti diversi
tal-personalità tiegħu u dwar dak li għamel.
Hu rċieva bosta Dottorati “Honoris Causa”…
fl-1984 mill-Kulleġġ ta’ San Tumas ġewwa San
Pawl f’Minnesota; fl-1986 mill-Università
Kattolika ta’ Lima; fl-1987 mill-Università
Kattolika ta’ Eichstätt; fl-1988 mill-Università
Kattolika ta’ Lublin; fl-1998 mill-Università ta’
Navarre; fl-1999 mill-LUMSA(Libera Università
Maria Santissima Assunta) ta’ Ruma u
fis-sena 2000 mill-Fakultà tat-Teoloġija
tal-Università ta’ Wroclaw fil-Polonja.
Nhar it-Tlieta, 19 ta’ April, 2005, il-Kardinal
Joseph Ratzinger ġie elett il-265 Papa biex
imexxi l-Knisja Kattolika..
.jpg)
Ferm interessanti hu dak li qal fl-20 ta’ April
2005. l-għada tal-elezzjoni tiegħu bħala Papa
Benedittu XVI, fl-ewwel messaġġ tiegħu f’għeluq
il-Konċelebrazzjoni Ewkaristika mal-membri
tal-Kulleġġ tal-Kardinali fil-Kappella Sistina:
“Bħalissa f’qalbi ninsab bejn ħalltejn, qed
inħoss żewġ emozzjonijiet li jmorru kontra
xulxin. Fuq naħa għandi s-sens ta’ nuqqas ta’
ħila u ta’ biża’ uman waqt li qiegħed wicc imb
wiċċ mar-responsabbiltà tal-Knisja Universali,
li ngħatat lili l-bieraħ bħala Suċċessur
tal-Appostlu Pietru f’din is-Sede ta’ Ruma. Fuq
in-naħa l-oħra qed inħoss sens kbir ta’
gratitudini lejn Alla, li qatt ma jħalli l-merħla
Tiegħu waħedha, imma jmexxiha tul iż-żmenijiet
kollha taħt it-tmexxija ta’ dawk li Hu stess
ikun għażel bħala Vigarji ta’ Ibnu u li
għamilhom Rgħajja tal-Merħla.”
Il-Quddiesa tal-Inawgurazzjoni tiegħu saret
fl-24 tal-istess xahar. Għal din il-Quddiesa hu
biddel id-drawwa li kull Kardinal juri l-ubbidjenza
tiegħu lejh, ħaġa li għamluha dak inhar
tal-elezzjoni tiegħu, billi flokom kien hemm
tnax-il persuna, fosthom kardinali, membri
tal-kleru, reliġjużi, koppja miżżewġa u wild
tagħhom, u membri li kienu għadhom kif irċevew
il-Griżma tal-Isqof, ilkoll biex jagħtuh merħba.
.jpg)
Waqt l-Omelija fl-istess Quddiesa, il-Papa
Benedittu XVI, fl-aħħar paragrafu, li hu meqjus
mill-aktar importanti anzi fejn insibu l-qalba
tal-messaġġ tiegħu, wara li rrefera għal Ġesù
Kristu u għall-Papa Ġwanni Pawlu II, ikkwota l-famużi
kelmiet tal-predeċessur tiegħu: “Tibżgħux!
Iftħu l-bibien beraħ għal Kristu.”
Benedittu XVI kompla hekk: “Mhux forsi b’xi
mod jew ieħor aħna lkoll imbeżżgħin? Jekk
inħallu lil Kristu jidħol għal kollox f’ħajjitna,
jekk niftħu lilna nfusna beraħ għaliH, m’aħniex
imbeżżgħin li jista’ jeħdielna xi ħaġa?” Hu
kompla hekk: “Le! Jekk inħallu lil Kristu
jidħol f’ħajjitna, ma nitilfu xejn, xejn,
assultament xejn minn dak li jagħmlilna ħajjitna
ħielsa, sabiħa u mill-aqwa. Le! Fil-ħbiberija
Tiegħu biss aħna nistgħu nħossu s-sbuħija u l-ħelsien.
Meta nagħtu lilna nfusna Lilu, aħna nirċievu
għal mitt darba aktar milli nkunu tajna. Iva,
iftħu beraħ il-bibien lil Kristu – u ssibu l-vera
ħajja.”
S’issa tana tliet Enċikliki:Deus Caritas
Est(Alla hu Mħabba); Spe Salvi(Salvi bit-Tama);
u Caritas in Veritate(L-Imħabba fil-Verità).
Il-Papa ġa għamel bosta Missjonijiet Appostoliċi
kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħra…. tnejn
fil-Ġermanja, żar il-Polonja, Franza, it-Turkija,
il-Brażil, l-Awstrija, l-Amerika, l-Awstralja,
Franza, l-Afrika, il-Lvant Nofsani, u issa
Malta, warajna l-Portugal, u mistenni jerġa’
jżur Spanja lejn Novembru li ġej.
Naturalment wieħed ma jridx jinsa t-tagħlim
tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd waqt l-Angelus,
waqt laqgħat ma’ bosta Isqfijiet, saċerdoti, u
matul l-udjenzi ġenerali ta’ kull nhar ta’
Erbgħa meta jagħtina katekeżi bħal ma tana dwar
San Pawl l-Appostlu tal-Ġnus u f’kitbiet oħra
bħal dak li kiteb dwar Ġesù.
Min-naħa tagħna għandna niftakru fih fit-talb
tagħna ta’ kuljum biex il-Mulej Alla jgħinu u
jnebbħu kif ikompli jmexxi l-Knisja speċjalment
matul dawn iż-żmenijiet meta l-mewġ qalil qed
iħabbat bil-kbir mal-blata li fuqha mibnija l-Knisja
li Alla fdalu f’idejh.
|